Il-Papa f’Santa Marta: Rgħajja qrib il-poplu, il-miżuri drastiċi mhux dejjem tajbin

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Marzu 2020: Illum, il-jum li fih jagħlaq seba’ snin minn mindu ġie maħtur bħala s-Suċċessur ta’ San Pietru, fil-bidu tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku kompla jitlob għal kull min hu milqut bil-coronavirus u għall-familji tagħhom u talab ukoll għar-rgħajja li jakkumpanjaw lill-poplu t’Alla f’dil-kriżi.

Jalla l-Mulej, qal Franġisku, itihom il-forza u anke l-ħila li jagħrfu liema huma l-aħjar mezzi biex jgħinu.  Il-miżuri drastiċi mhux dejjem tajbin, għalhekk nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex lir-rgħajja jtihom il-ħila tad-dixxerniment sabiex lill-poplu qaddis t’Alla ma jħalluhx waħdu.  Jalla l-poplu t’Alla jħossu akkumpanjat mir-rgħajja u mill-faraġ tal-Kelma t’Alla, bis-sagramenti u t-talb.

Fl-omelija l-Papa għamel kumment dwar il-qari tal-ġurnata, partikolarment dwar il-parabbola tal-bdiewa qattiela, parabbola li titkellem dwar l-infedeltà lejn il-Patt.

Iż-żewġ qari huma profezija dwar il-Passjoni tal-Mulej: Ġużeppi mibjugħ għal 20 biċċa tal-fidda u mogħti lill-pagani, u l-parabbola ta’ Ġesù li titkellem ċar dwar il-qtil tal-Iben.

Din l-istorja hi dwar ir-raġel li ħawwel id-dwieli fl-art li kellu.  Kien jieħu ħsiebha, tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar u bnielha torri.  Kollox kien għamel sew.  Imbagħad qabbilha lil xi bdiewa u siefer f’art oħra.

Dan hu l-poplu t’Alla.  Il-Mulej għażel lil dak il-poplu, ħatru.  Hu l-poplu maħtur.  Hemm ukoll wegħda: ‘Ibqa’ miexi.  Int il-poplu tiegħi,’ wegħda magħmula lil Abram.  Hemm ukoll patt mal-poplu fuq is-Sinaj.

Il-poplu dejjem għandu jżomm f’moħħu l-fatt li hu magħżul, il-wegħda li jħares ’il quddiem bit-tama u l-patt li jgħix il-ħajja ta’ kuljum bil-fedeltà.

Iżda f’dil-parabbola jiġri li meta wasal żmien il-ħsad dawn in-nies insew li ma kinux is-sidien: ‘Il-bdiewa qabdu lill-qaddejja, sawtuhom, lil wieħed qatluh u lill-ieħor ħaġġruh.  Imbagħad bagħtilhom qaddejja oħra, għadd aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.’

Żgur illi hawnhekk Ġesù juri – qed jitkellem dwar id-dutturi tal-liġi – kif dawn id-dutturi mxew mal-profeti.  ‘Fl-aħħar bagħat lil Ibnu:  ħaseb li lil ibnu kienu se juruh rispett.  Malli rawh, il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’’

Serqu l-wirt.  Storja ta’ infedeltà lejn il-ħatra, infedeltà lejn il-wegħda, infedeltà lejn il-patt, li hu rigal.

Il-ħatra, il-wegħda u l-patt huma rigal ta’ Alla.  Ma fehmux li kien rigal u għamluh proprjetà tagħhom.  Dawn in-nies għamlu tagħhom id-don biex jibdluh fi proprjetà tagħhom.  U r-rigal, li hu għana, ftuħ, barka, spiċċa magħluq, maqbud fil-gaġġa tad-duttrina tal-ħafna liġijiet.  Sar ideoloġija u b’hekk tilef in-natura tiegħu ta’ don.  Spiċċa sar ideoloġija moralistika mimlija regoli, preċetti;  ideoloġija li saret redikola għax daħlet fid-dettall ta’ kull ħaġa li ssir.  Dawn għamlu lilhom infushom sidien tar-rigal.

Dan hu d-dnub il-kbir:  id-dnub li ninsew li Alla nnifsu sar don għalina, li kien Alla li tahulna dan id-don, u meta dan ninsewh, dan id-don nagħmluh tagħna, insiru s-sidien tiegħu.

Il-patt ninterpretawh skont kif idoqq lilna, isir ideoloġija.  B’dan l-atteġġjament, osserva Franġisku, jien forsi nilmaħ fl-Evanġelju l-bidu tal-klerikaliżmu, li huwa perversjoni, li dejjem jiċħad il-ħatra gratwita ta’ Alla, il-patt gratwit ta’ Alla, il-wegħda gratwita ta’ Alla.

Jinsa l-gratwità tar-rivelazzjoni, jinsa li Alla wera lilu nnifsu bħala don, sar rigal għalina, rigal li aħna għandna nagħtu lil ħaddieħor, li għandna nuruh lill-oħrajn bħala rigal mhux qisu xi ħaġa tagħna personali.

Il-klerikaliżmu mhux ħaġa ta’ żmienna biss, l-ebusija mhix ħaġa ta’ daż-żmien, fi żmien Ġesù kienu diġà jeżistu.  U xi ftit Ġesù jkompli jispjega bil-parabboli: dan hu l-kapitlu 21 u jibqa’ sejjer sal-kapitlu 23 bil-kundanna, fejn naraw il-korla t’Alla għal dawk li jagħmlu d-don proprjetà tagħhom u l-għana tiegħu jfassluha skont il-kapriċċi tal-ideoloġija ta’ moħħhom.

Illum nitolbu l-grazzja lill-Mulej li nilqgħu d-don bħala rigal li għandna ngħaddu lil ħaddieħor mhux qisu xi proprjetà tagħna, mhux b’mod settarju, riġidu, b’mod ‘klerikalista’.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading