Il-kanzunetta ‘Marija mill-mard ħarisna’

Print Friendly, PDF & Email

F’dawn l-aħħar ġranet ‘magħluqa’ fi djarna tkebbset aktar ix-xewqa li ningħaqdu flimkien infaħħru lil Alla b’għanja ħierġa minn bejn l-erba’ ħitan ta’ djarna. Fi sħab mas-Santwarju Ta’ Pinu, għall-festa tal-Lunzjata qed inniedu din l-għanja sabiħa lil Ommna Marija b’talba ħerqana biex taqbeż għalina f’dan iż-żmien ta’ tiġrib.

“Marija mill-Mard Ħarisna” hi miktuba apposta bil-Malti fuq il-mużika tal-kanzunetta “Maria Vogliamo Amarti” tal-grupp Taljan Gen Verde. Wara li ndaqqet fuq il-pjanu minn Mariella Spiteri Cefai, f’temp ta’ nofstanhar tkantat minn ġewwa d-djar ta’ membri tal-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ (Għawdex). Grazzi lil Simon Rapa u oħtu Amy għax-xogħol imprezzabbli biex l-għanja ġiet magħquda u editjata fil-vidjow li qed inniedu hawn.

Dan huwa biss bidu ta’ proġett Marjan mid-djar! Inħeġġu kantanti, bands, gruppi u korijiet Għawdxin biex huma wkoll jieħdu l-inizjattiva u jkantaw innu jew għanja lill-Madonna sabiex jiġu mtellgħa fuq il-Paġni ta’ Facebook tad-Djoċesi ta’ Għawdex u tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. L-innijiet f’verżjoni awdjoviżiva għandhom jitbagħtu lil fpattard@gozodiocese.org.  

 

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading