L-annimali: is-suġġett ta’ ktieb ġdid ta’ Noel Cachia

Id-dħul minnu l-awtur se jgħaddih lil Malta Trust Foundation

Michael Caruana

Għadhu kemm ġie ppubbikat il-ktieb Ħarsien u Mħabba ta’ Noel Cachia. F’din il-ġabra ta’ novelli, Cachia juża l-annimali bħala s-suġġett ta’ kull novella. Igħid li f’kull ktieb li ppubblika s’issa hu kiteb novelli fejn l-annimali kienu l-protagonisti. Drabi oħra semmihom f’xi storja jew oħra.

Fil-ktieb Ħarsien u Mħabba wieħed isib għaxar rakkonti qosra mibnija fuq ġrajja ċentrali waħda, b’nisġa ta’ fatti li dlonk iwasslu għall-qofol u għall-għeluq. Madankollu dawn il-ġrajjiet iqanqlu ċerti ħsibijiet u kurżitajiet. L-istejjer ivarjaw f’għadd ta’ tendenzi fosthom sentimentali, deskrittivi, soċjali, reliġjużi, psikoloġiċi, umoristiċi u didattiċi. F’kull rakkont Cachia xtaq juri tjur, annimali u karattri f’ambjenti u f’sitwazzjonijiet differenti. In-nisġiet jittrattaw diversi temi fosthom it-tfulija u n-nostalġija, iż-żgħożija, ir-reliġjon, il-politika, in-natura, it-tjubija, it-tbatija, il-ħajja u l-mewt.

F’dawn in-novelli l-annimali u t-tjur jingħataw xejriet umani. It-tbatija mġarrba minnhom hi t-tema ewlenija f’dawn in-nisġiet.

Il-ktieb Ħarsien u Mħabba, Cachia ddedikah lill-Professur Oliver Friggieri għax wara li kien qara l-kotba tiegħu kitiblu ittra fejn ħeġġu jesplora aktar it-tema tat-tbatija fost l-annimali, “bħalna maħluqin minn Alla u bħalna u daqsna vittmi tal-uġigħ. Hi tema li fil-letteratura tagħna għadha ma sabitx importanza. L-iskop ewlieni tal-letteratura hu li tnaqqas it-tbatija li hi waħda u l-istess għall-bniedem u għall-annimal”, kien qallu Professur Friggieri fl-2018. Noel qal li malli qara din-nota beda jaħdem fuq ktieb bl-istejjer kollha fuq l-annimali. Fl-aħħar, ix-xogħol li ħa sarrafu fil-ktieb Ħarsien u Mħabba li bix-xieraq iddedikah lilu.

Bħalma għamel fil-kotba l-oħra, Noel uża kitba mexxejja, faċli u ħafifa biex il-qarrejja jifhmuha u jieħdu gost jaqrawha. Hu jittama li din il-pubblikazzjoni, bħall-pubblikazzjonijiet l-ohra ta’ qabel, tingħoġob ukoll.

Dan hu ktieb ieħor ta’ Noel Cachia bl-ideal tiegħu ‘Nikteb u Ngħin’. Ma’ kull pubblikazzjoni li ħareġ, bl-għajnuna ta’ ħafna, ġabar fondi għal għaqdiet volontarji. Il-ktieb Ħarsien u Mħabba jinkiseb għal donazzjoni ta’ €3.00. Tista’ tordna kopja billi tikkuntattja lill-awtur fuq facebook jew billi tiktiblu fuq noel.cachia01@gmail.com inkella ċċempillu 79070927. Id-dħul kollu minn dan il-ktieb Noel se jgħaddih lil Malta Trust Foundation

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading