ESEQUI SOLENNI TAL-KARDINAL JAMES ROBERT KNOX
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis 30 ta’ Ġunju 1983
1. Ġħollejna lejn Alla din l-għajta ta’ tama, ispirata mis-Salm 121, li huwa bħal xewqa lejn il-belt ta’Ġerusalem, fejn jinsab it-tempju, id-“Dar tal-Mulej”, dak il-post ipprivileġġjat li fil-Etern, l-Immens jindenja ruħu li juri b’mod partikolari l-isplendur tal-glorja u l-preżenza tiegħu f’nofs il-Poplu tiegħu. “Kemm fraħt meta qaluli “Se nmorru f’dar il-Mulej”” (Ps. 121 (122), 1).
1 Ħuna, il-Kardinal James Robert Knox,żgur għamel tiegħu dan il-kliem ta’ ferħ. Ħajtu ta’ bniedem, ta’ nisrani, ta’ saċerdot, ta’ Isqof kienet infatti xhieda kontinwa u ferrieħa ta’ fedeltà lejn Kristu, lejn il-Knisja, lejn is-Sedja Apostolika. Ħajja mgħoddija u mwettqa fl-aċċettazzjoni tal-appell ta’ Alla, qabel kollox fil-maturazzjoni tal-vokazzjoni saċerdotali, li wasslitu fis seminarju ta’ Norċja l-Ġdida u mbagħad fil-Kulleġġ Pontifiċju Urban tal-Propaganda Fide f’Ruma, fejn irċieva l-ordinazzjon presbiterjali fl-1941. Fl-1953 Piju XII innominah Delegat Apostoliku fl-Afrika Brittanika u fl-1957 ġie ttrasferit fin-Nunzjatura Apostolika fl-Indja, waqt li fl-istess ħin żvolġa d-dmir ta’ Delegat Apostoliku għall-Birmanja u għas-Ceylon.
Imma l-Providenza divina riedet li jerġà lura f’art twelidu l-Awstralja. Fl-1967 minn PawluVI ġie nominat Arċisqof ta’ Melbourne, fejn kien eżempju ta’ dedikazzjoni fil-konfront tal-batuti u tal-foqra. Fl-1974 kien imsejjaħ biex ikopri l-inkarigu ta’ Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għas-Sagramenti u l-Kult Divin u mbagħad ta’ President tal-organiżmu l-ġdid, partikolarment għażiż għalija, il-“Kunsill Puntifiċju għall-Familja”, li għalih iddedika, b’ġenerożità ġovanili, l-aħħar forzi tal-jum tiegħu terren. Dawn, fil-qosor l-istadji tal-ħajja tal-mibki Kardinal James Robert Knox, immarkati minn disponibiltà krexxenti fir-rigward tar-rieda ta’ Alla, li sejjaħlu għal servizzi dejjem iktar impenjattivi u delikati fil-qasam tal-ħajja tal-Knisja universali.
2. It-telfa ta’ persuna, ― ta’ kull persuna li nistmaw u li nħobbu ― tipproponi fina mill-ġdid l-interrogattivi l-kbar, li jinvolvu l-eżistenza kollha tagħna fl-għeruq tagħha l-iktar profondi: x’sinifikat għandha din il-ħajja umana? Liema hu, fl-aħħar minn l-aħħar, il-valur u l-effikaċja tal-azzjonijiet tagħna, tal-għażliet tagħna, bħall-ferħ tagħna u tan-niket tagħna?
Għad-dawl biss tal-Kelma ta’ Alla aħna, krejaturi nseriti fit-tila kbira tal-istorja tal-umanità, nistgħu nagħtu tweġiba, li għandha l-ħila li tiżvelalna ― ukoll jekk, għalissa, mhux għal kollox ― is-sinifikat u l-valur ta’ dan il-preżent tagħna u wkoll tal-futur, konxji li aħna wkoll aħna parteċipi tal-“istorja tal-fidwa”, jiġifieri fil-pjan etern ta’ mħabba li Alla pproġetta għall-bnedmin kollha.
Il-ħajja tan-nisrani tiżvolġi ruħha taħt is-sinjal tal-fidi u tat-tama, msejjes mhux fuq il-qawwa jew fuq il-ħila tal-bnedem imma fuq il-ħniena nfinita ta’ Alla.il-protagonista tal- “Ktieb ta’ Ġobb” jipproklama b’leħen għoli li, minkejja l-eventwalità u l-prekarjetà tiegħu, li juru ruħhom b’mod ċar fit-taħsir bijoloġiku tan-natura umana, tibqagħlu iċ-ċertezza ta’Alla. U l-Appostlu Pawlu, waqt li jindirizza l-insara ta’ Korintu, jitkellem hu wkoll dwar t-“taħsir tal-ġisem”, komponent tipiku tal-abitazzjoni tagħna fuq l-art, għaliex organu ta’ medjazzjoni mal-ambjent estern. Imma huwa jikkonferma li hemm abitazzjoni oħra, “għamara eterna”, mhux mibnija bl-idejn tal-bniedem, fis-smewwiet, abitazzjoni li tiġi rregalata b’mod dirett minn Alla.
L-itineraju tagħna huwa għalhekk, fil-prospettiva nisranija, “għixien fil-ġisem” u nkunu “f’eżilju bogħod mill-Mulej”; “mixja fil-fidi”; fidi li, minn banda, tagħtina serenità għaliex issejjes it-tama tagħna; mill-banda l-oħra, tħalli żoni mdella, għaliex għadna m’aħniex fil-“viżjoni”. Bħalma s-Salmista, waqt li jerħi ruħu b’fiduċja f’Alla, setà jistqarr: “Ngħix f’dar il-Mulej għal snin twal ħafna” (Salm. 22 (23), 6) hekk in-nisrani jippreferi jmur f’eżilju minn ġismu biex “jgħammar f’dar il-Mulej”; (2 Kor. 5, 8.) din hija viżjoni ta’ verità u ta libertà, li għandha tegħleb fina l-iskuraġġiment li nħossu quddiem il-mewt. “ … M’għandniex nibku lil ħutna meħlusa minn din id-dinja bis-sejħa divina ― iħeġġiġna San Ċiprijanu ― għaliex nafu li dawn ma tlifnihomx; li billi mietu imorru qabel, bħal min imur għal vjaġġ, speċi ta baħħara; u aħna għandna nħossu nostalġija, imma mhux nibkuhom, linqas m’għandna nilbsu l-iswed, waqt li huma hemm fuq diġa libsu l-ilbiesi bojod, linqas m’għandna nagħtu ċans lil dawk li ma jemmnux li meriratatament u ġustament iċnfruna, minħabba l-fatt li nibku bħala mejtin u mitlufin lil dawk li nistqarru ħajjin maġemb Alla” (S. Cypriani, De Mortalitate, 20: PL 4, 595-596).
3. Kristu, il-Verb ta’ Alla nkarnat, idawwal b’kelmtu dwar il-misteru ta’ ħajjitna u ta’ mewtna u jiċċara s-sitwazzjoni ta’ min isegwih: “Jekk iż-żerriegħa tal-qamħ li taqà fl-art ma tmutx, tibqà weħedha; iżda jekk din tmut, tipproduċi ħafna frott” (Io. 12, 24).
Ġesù imut u jirxoxta, mill-mewt tiegħu u mill-Qawmien mill-Imwiet tiegħu jinbtu dik “il-qdusija eċċellenti u l-fertilità nfinita f’kull ġid” (Denz.-Schönm. 3013) tal-Knisja,il-Ġisem Mistiku tiegħu. Animati u msabbra minn din il-verità, aħna niddepożitaw fil-qalba tal-art l-fdal mortali tal-għeżież kollha tagħna, u llum, dawk tal-mibki Kardinal James Robert Knox. U waqt li mqanqlin ngħollu talbna ta’ suffraġju għall-mistrieħ etern ta’ ħuna li ħalliena, aħna wkoll, li għadna pellegrini fuq din l-art, “f’eżilju ‘l bogħod mill-Mulej”, nirrepetu b’fidi ħajja”Fid-dar tiegħek, Mulej, insib il-paċi!”
Amen.
Miġjuba għall-Malti minn Emauel Zarb