Ġwanni Pawlu II waqt konċelebrazzjoni għall Ġublew Straodinarju

KONĊELEBRAZZJONI GĦALL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-KURJA RUMANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana – It-Tlieta, 28 ta’ Ġunju 1983

Meqjuma Kardinali,
Ħuti tal-Kurja Rumana!

1. “Ibqgħu fija u jiena fikom – igħid il-Mulej – min jibqà fija jagħmel ħafna frott” (Ġw 15, 4-5).

Qegħdin niċċelebraw il-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni b’din l-Ewkaristija, li fiha qegħdin jieħdu sehem, flimkien miegħi, il-membri tal-ordnijiet u l-gradi kollha tal-Kurja Rumana u d-dipendenti tal-amministrazzjonijiet differenti tas-Santa Sede. Insellmilkom bil-qalb, għeżież kollaboraturi fl-eżerċizzju tas-servizz universali li l-Knisja ta’ Ruma tirrendi lill-Knisja universali; u bi tqanqil narakom illum magħqudin b’mod strett miegħi, f’din il-Liturġija ta’ rikonċiljazzjoni u tifħir.

Qegħdin niċċelebraw il-Ġublew lejlet is-sollennità tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, il-kolonni nkrollabbli li fuqhom tistrieħ il-Knisja kollha, u dik ta’ Ruma b’mod partikulari. Qegħdin niċċelebrawh fil-qafas sagru u stupend ta’ din il-Bażilika, li fil-massa grandjuża tagħha, inkurunata mill-koppla ta’ Mikelanġelo, tinkludi t-“trofew” glorjuż tal-qabar ta’ Pietru. Barra minn dan qegħdin niċċelebraw il-Ġublew f’din it-tifkira ta’ Sant Irinew, Isqof ta’ Lione, l-avukat inkomparabbli u inċisiv tal-Primat tas-Sedja ta’ Pietru (cf. S. Irinew, Adversus haereses, 3,3, 1-2), dik li huwa jsejjaħ “l-ikbar, l-iktar Knisja antika magħrufa minn kulħadd u mwaqqfa mill-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja ta’ Ruma” (Ivi).

Ejjew niċċelebraw dan il-Ġublew fil-ferħ intimu u kbir li fina lkoll jgħaddas l-għarfien li aħna msejħa biex nagħmlu sehem, b’mod iktar strett u partikulari, jkolli ngħid kważi b’forma familjari, mill-organiżmi ċentrali tal-Knisja. Il-ferħ tiegħi jikber minħabba l-fatt li huma assoċjati f’dan ir-Rit ukoll l-għeżież familji tagħkom, li lilhom ukoll insellem b’imħabba partikulari.

2. Dan hu mument ta’ grazzja. Dħalna lkoll mill-Bieb Imqaddes billi tajna wkoll b’mod plastiku ix-xbiha ta’ dik l-għaqda ta’ qlub fil-fidi u fl-imħabba għal Kristu, li fiha għandu jiżvolġi ix-xogħol komuni għas-servizz tal-Knisja universali. Dan huwa waqt ta’ grazzja. Permezz tas-Sagrament tal-Penitenza jew Rikonċiljazzjoni, u fir-riċeviment tal-Ewkaristija Mqaddsa, aħna rridu nidħlu ilkoll flimkien f’dak l-influss kbir ta’ grazzja, li hija s-Sena tal-Ġublew għall-Knisja kollha. Irridu nidħlu f’komunjoni iktar intima ma’ Kristu, billi ngħaddu permezz tiegħu fl-intimità ta’ ħajja mal-Missier: Ġesù, infatti, huwa “il-bieb tan-nagħaġ . . . Jiena l-bieb – huwa qal – : Jekk wieħed jidħol permezz tiegħi. Ikun salv; jekk jidħol u joħroġ u jsib il-mergħa . . . Jierna ġejt sabiex ikollhom il-ħajja u jkollhom din b’abbundanza”(Ġw 10, 7. 9-10). Dan li jfisser il-Ġublew. Dan li jfisser l-akkwist tal-Indulġenza. Din hija l-akkwist tagħna, f’forma straordinarja, ta’ dak l-għana straordinarju tar-Redenzjoni li bih tgħix il-Knisja: dan huwa bla dubju, għal kull wieħed u waħda minna impenn sabiex ir-Redenzjoni tħalli   fil-profond tagħna il-marka tagħha, sabiex – kif ktiibt jien fil-Bolla tas-sejħa – inkunu nafu “niskopru mill-ġdid fl-esperjenza eżistenzjali tagħna r-rikkezzi kollha inerenti fis-salvazzjoni ikkomunikata lilna sa mill-Magħmudija”  (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 3). Waqt ta’ grazzja, mela, li jġegħlna nirriflettu fuq il-bżonn intimu li nkunu u nibqgħu magħqudin ma’ Kristu biex nagħtu fertilità soprannaturali lil ħajjitna u lix-xogħol tagħna ta’ kuljum, fil-qalb tal-Knisja.

“Ibqgħu fija u jiena fikom – jgħid il-Mulej –, min jibqà fija dan jagħmel ħafna frott”.

3. Imma huwa wkoll waqt ta’ riflessjoni. Waqt ta’ għarfien. Waqt ta’ verità. Il-wisq maħbub predeċessur tiegħi Pawlu VI, fl-okkażjoni simili tas-Sena Mqaddsa ċċelebrata għall-Kurja, fit 22 ta’ Frar 1975, fakkar lill-kollaboraturi d-dmir ta’ interrogazzjoni fl-intimu: “Aħna l-Kurja, l-organu ċentrali u kumpless tad-dikasteri tat-tribunali u tal-uffiċċji, li jassistu l-gvern ġenerali pastorali tal-Knisja kattolika; u dan huwa biżżejjed biex jiġġenera fina lkoll mhux tant sens ta’ superjorità u  kburija . . . daqskemm pjuttost l-għarfien ta’ funzjoni gravi u delikata, li tinħtieġ responsabiltà u xogħol tant kbar daqs kemm qribna hi l-estenzjoni tagħha tal-esiġenzi kostituzzjonali tal-ministeru apostoliku” (Insegnamenti di Paolo VI, XIII [1975] 173).

Hekk hu, ħuti.  Ir-raġuni tal-eżistenza tagħna hija dik li “nassistu l-gvern ġenerali pastorali tal-Knisja”. Imma għalxiex jimmira dan il-gvern, li għalih, bil-grazzja ta’ Alla, jmorru l-attenzjonijiet tiegħi ta’ kuljum, li għandhom bżonn b’mod assolut tal-kollaborazzjoni tagħkom, li mingħajrha ma jistgħux isiru konkreti u effikaċi? Għalxiex iktar jimmiraw, jekk mhux biex jistabilixxu s-Saltna ta’ Alla fid-dinja? Biex jagħtu leħen lill-Vanġelu?  Biex iħejju t-toroq għal Kristu? Biex jiftħu l-bibien lir-Redentur?  Xi jrid iktar ix-xogħol tiegħi u tagħkom, jekk mhux il-firxa tar-Redenzjoni fid-dinja? Dan huwa l-impenn tagħna, dan huwa l-kburija tagħna, dan huwa r-responsabiltà tagħna, li tiegħu nħossuna tant inugwali u ma jixirqilniex.

Il-Kurja għandha l-ewwel titlu tal-unur tagħha fil-kollaborazzjoni li, b’titlu uniku, hija tislef lill-opra tal-Papa. U din l-opra – fir-rispett dovut  tas-sussidjarjetà tal-komponenti kollha tal-Knisja – huwa minħabba dan assoċjat b’mod strett mar-Redenzjoni. “Difatti – ktibt ukoll fil-bidu tal-imsemmija Bolla – il-ministeru universali, propju tal-Isqof ta’ Ruma, joriġina mill-ġrajja tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu b’mewtu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, u mill-istess Redentur imwettqa tqiegħed għas-servizz tal-istess ġrajja, li fl-istorja kollha tas-salvazzjoni tokkupa l-post ċentrali”  (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 1). Hawn hu dak li għandu jiddistingwi l-membri kollha tal-Kurja, fi kwalunkwè funzjoni li lilha jappartienu: iċ-ċertezza, il-konvinzjoni, ir-responsabiltà li jkunu għas-servizz ta’ dik l-opra ta’ Salvazzjoni favur il-ġeneru uman, li Kristu wassal għat-twettiq bil-Misteru Paskwali, u li afda b’mod għal kollox partikulari lill-Vigarju tiegħu fuq l-art. “Pasce agnos meos, pasce oves meas” (Ġw 21, 15-16).

4. Dan  tagħkom huwa għalhekk servizz ta’ mħabba. Għaliex qabel kollox ir-Redenzjoni hija misteru ta’ mħabba, hija opra ta’ mħabba. “L-imħabba għandha tħobb – kiteb Santu Wistin –. Ħabbna, sabiex nkunu nistgħu nerġgħu nħobbu, huwa żarna bl-Ispirtu tiegħu” (S. Wistino, Enarr. in Ps. 127, 8: CCL XL, p. 1827). Fuq dan id-dmir ta’ mħabba fis-servizz reġà nsista Pawlu VI mal-Kurja Rumana kollha, fl-imsemmija okkażjoni, billi qal: “Aħna għarafna u emminna fl-imħabba-karità li Alla għandu għalina; u din hija dejjem skoperta  oriġinali għall-ħsieb tagħna fit-tiftix tal-quċċata tal-verità: Alla ħabbna! . . . huwa minn hawn li jitnissel l-impuls l-iktar qawwi u dirett għat twettiq tal-mandat kbir evanġeliku tal-imħabba: imħabba lejn Alla li ħabbna sa ma tana bħala vittma u salvatur, bħala mgħallem u bħala ħuna; lil Ibnu” (Insegnamenti di Paolo VI, XIII [1975] 175). Jekk is-servizz ta’ Pietru u tas-suċċessuri tiegħu huwa, kif jgħid santu Wistin, “dmir ta’ mħabba, “amoris officium” (S. Wistin, In Ioannis Evangelium, 123, 5), definizzjoni aħjar oħra ma tistax issib il-kollaborazzjoni li l-Kurja, bid-destinazzjoni u l-istruttura tagħha, tislef lill-Papa” “amoris officium”, servizz ta’ mħabba tagħkom, mela.

5. Imma huwa wkoll servizz ta’ għaqda.

Li għandu jitwettaq fl-ispirtu tal-eżortazzjonijiet pawlini lil Timotju fil-qari li smajna: “Għażiż, fittex il-ġustizzja, il-fidi, il-karità, il-paċi, flimkien ma’ dawk li jsejħu lill-Mulej b’qalb safja” (2 Tm 2, 22).

Li għandu jitwettaq fl-ispirtu ta’ fużjoni tan-nar tal-qlub, li għaliha talab Ġesù fl-Aħħar Ċena, kif fakkarna l-Vanġelu li għadu kemm ġie mxandar: “Kif int, Missier, inti fija u jiena fik, hekk ikunu huma wkoll fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17, 21). L-għaqda li għaliha timmira l-azzjoni tal-Knisja, hija ġid biex qabel kollox ngħixuh fl-esperjenza u fil-għan ta’ kuljum ta’ dawk, bħalna lkoll, li huma mpenjati f’din l-opra. Opra ta’ għaqda, għaliex bħalma għidt qabel, hija opra ta’ mħabba: “U jiena għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhomi  iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġw 17, 26). Hekk tlabna dalgħodu għall-interċessjoni ta’ Irinew ta’ Lione: “Agħmel li niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, u nfittxu dejjem dak li jippromwovi l-għaqda u l-qbil” (Collecta liturgiae S. Irenaei, 28 ta’ Ġunju).

6. Dan tagħkom huwa wkoll għalhekk servizz ta’ fidi.

Mill-fidi migħuxa jitwieled l-għarfien ta’ appartenenza lill-Knisja – u għal servizz privileġġjat ta’ Knisja –. Mill-fidi titwieled l-esiġenza ta’ purifikazzjoni b’mod kontinwu biex nimmeritaw id-don tar-Redenzjoni, id-don tal-grazzja, biex inkunu l-membri umli fid-dinja.   L-għajnuna meħtieġa “sabiex ngħassu ntatta l-fidi” (Super oblata); sabiex bil-fidi ħajja “nsiru aħna wkoll veri dixxipli ta’ Kristu” (Post Communionem).

Għandna bżonn nitolbu dan id-don tal-fidi ħajja, sabiex ix-xogħol tagħna ma jsirx drawwa, ma jitmexxiex b’għejja, ma jiżvojtax eżistenzjalment mill-valur ekkleżjali primarju, Il-fidi hemm bżonn li żżomm għolja r-rieda tagħna, ċar moħħna, imdawla l-għajn interna tagħna biex naraw – ukoll fix-xogħlijiet l-iktar umli u moħbija, li Alla wkoll jara u jiġġudika u jippremja – il-kontribut li Kristu jitlobna biex ngħinuh isalva d-dinja. Din trid iġġewnaħ iż-żelu tagħna, fl-għarfien sħiħ – kif kont għidtilkom fil-laqgħa ta’ Ġunju tas-sena l-oħra – li s-“servizz tas-Sedja Apostolika jitlob speċifiċita propja, li tikseb il-valur tagħha li tkunu appuntu lkoll imsejħa biex tieħdu sehem fl-istess missjoni li l-Papa jiżvolġi favur il-Knisja” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V,2 [1982] 2482).

7. Meqjuma Kardinali, Ħuti, Kollaboraturi tiegħi!

Tali intensità ta’ intenzjoni u ta’ impenn ma tistax titwettaq mingħajr l-għajnuna ta’ Kristu, mingħajr il-fużjoni intima ta’ grazzja miegħu u għalih. “Ibqgħu fija u jiena fikom – jgħid il-Mulej –, min jibqà fija jagħmel ħafna frott”. Hemm bżonn li nagħmlu ħafna frott. Ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, li għaliha jsejjaħ il-Ġublew, hija l-premessa, il-laqgħa ewkaristika ma’ Kristu, billi ningħaqdu b’mod strett miegħu, tagħtina l-possibiltà u l-qawwa. Ejjew nagħmlu ħafna frott., Ejjew ma ngħejjewx nagħmlu dejjem għall-aħjar.

Ukoll fl-insazjabiltà tal-eżawriment tal-ħajja ta’ kuljum, Kristu jagħtina l-ħaġa li tkabbar il-vitalità, li biha nsiru fertili fil-Knisja. Il-Mulej għandu bżonna. Il-Knisja tħares lejna u tistenna minna. Id-dinja għatxana għall-għaqda u għall-ordni, tistenna wkoll hi minna kontribut konkret fil-mixja tagħha ta’ tkabbir fil-ġustizzja u fil-verità.

Sant’Irinew ikompli “jwettaq il-Knisja fil-verità u fil-paċi” (Kolletta).

Il-Qaddisin Pietru u Pawlu jgħinukom biex iżżommu ntatta l-fidi tagħna, li għaliha taw ħajjithom.

U Marija Santissma, f’din il-mixja li ġejja, ta’ tħejjija għat-tielet millennju – li tagħha l-Ġublew tar-Redenzjoni huwa sinjal ta’ tħejjija – tkun qribna, tassistina, tippreżentana lil Kristu,  Iben il-Missier u Binha,  sabiex bħalha, waqt li nsegwu lilha, waqt li nimitawha, nkunu nistgħu aħna wkoll inkunu kollaboraturi tar-Redenzjoni, bl-“iva” tagħna ta’ kuljum, bil-fedeltà tagħna lejn il-kelma ta’ Alla, bid-disponibiltà tagħna. Marija llum ukoll għadha tirrepetilna: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5).

Ħuti! Hawn hu s-sigriet tal-effiċjenza ta’ xogħlna. Nitilqugħ f’idejn l-Omm, għaliex irridu nkunu dejjem, qaddejja ġenerużi tal-Iben u tal-Knisja. Għaliex irridu nagħmlu dak li jitlobna l-Mulej. Dak li hu jesiġi minna lkoll, membri tal-Kurja Rumana: minnkom, kollaboraturi tiegħi: minni, Vigarju tal-Iben. Dejjem, bl-għajnuna ta’ Alla, bl-interċessjoni tal-Omm. Amen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading