Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa jitlob għall-persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 31 ta’ Marzu 2020: Illum nitolbu għal min m’għandux saqaf fuq rasu f’daż-żmien meta qed nintalbu nibqgħu d-dar, sabiex is-soċjetà tagħraf dir-realtà u tgħin, u sabiex ikunu milqugħin fil-Knisja.

Omelija

Żgur li s-serp mhux annimal simpatiku: dejjem marbut mad-deni, mal-ħażen. Fir-rivelazzjoni wkoll ix-xitan jinqeda proprju b’dan l-annimal, bis-serp, biex iħajjar għad-dnub.  Fl-Apokalissi d-demonju hu msejjaħ ‘is-serp l-antik’, dak li l-ewwel jigdem, javvelena, jeqred, joqtol.  Minħabba f’hekk huwa jfalli.  Jekk trid ikollok suċċess bħala bniedem li jipproponi affarijiet sbieħ, dawn huma biss fantasiji: aħna nemmnuhom u b’hekk nidinbu.

Hekk ġralu l-poplu ta’ Iżrael: ma felaħx għall-vjaġġ.  Għeja. Il-poplu beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè.  Dejjem l-istess mużika, mhux hekk?  ‘Għalfejn ħriġtna mill-Eġittu?  Biex immutu hawn, fid-deżert?  Għax la hawn ħobż u lanqas ilma u aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif, il-manna’ (cf. Num. 21, 4-5).   U l-immaġinazzjoni – qrajnieh fil-jiem li għaddew – dejjem tmur lura lejn l-Eġittu: ‘Hemmhekk konna sew, konna nieklu tajjeb…’   U jidher hawnhekk li l-Mulej ukoll tilef sabru mal-poplu.  Sibel… il-korla t’Alla tidher kultant. U għalhekk il-Mulej bagħat is-sriep li kienu joqtlu lil min kienu jigdmu.  Mietu għadd kbir ta’ Lhud (Num. 21, 5).  Dak il-ħin is-serp dejjem hu xbieha tal-ħsara: il-poplu ra d-dnub fis-serp, fis-serp jilmaħ lil dak li wettaq il-ħażen. U l-poplu jmur għand Mosè u jgħidlu: ‘Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontrik.  Itlob lill-Mulej ibiegħed dawn is-sriep minn fostna’ (Num. 21, 7).  Jindem.  Din hi l-istorja fid-deżert.  Mosè talab għall-poplu u l-Mulej qallu: ‘Agħmel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix’ (Num. 21, 8).

Jiġini f’moħħi: imma din mhix idolatrija?  Hemm is-serp, hemm idolu li qed iroddli lura saħħti…  Loġikament ma tinftiehemx, għax din hi profezija, din hi tħabbira ta’ dak li kellu jiġri.  Għaliex fl-Evanġelju smajna wkoll il-profezija: ‘Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn’ (Ġw. 8, 28).  Ġesù arbulat fuq is-salib.  Mosè jagħmel serp u jarbulah.  Ġesù għad ikun arbulat, bħas-serp, biex iġib is-salvazzjoni.  Imma l-qofol tal-profezija hu proprju li Ġesù sar dnub għalina.  Hu ma dinibx: sar dnub.  Kif jgħidilna San Pietru fl-Ittra tiegħu: ‘Ħa fuq spallejh il-ħtijiet kollha tagħna’ (1 Pt. 2, 24).  U meta aħna nħarsu lejn il-Kurċifiss, niftakru fil-Mulej li jbati: dan kollu huwa minnu.  Imma nieqfu qabel ma naslu għaċ-ċentru ta’ dik il-verità: bħalissa, Int tidher bħala l-akbar midneb, sirt dnub.  ‘Ħa fuqu l-ħtijiet kollha tagħna, xejjen lilu nnifsu sal-mewt, sal-mewt fuq is-Salib.’  Is-salib huwa forka; hemm il-vendetta tad-Dutturi tal-Liġi, ta’ dawk li ċaħdu lil Ġesù: dan kollu veru.  Imma l-verità li tiġi minn Alla hi li Hu ġie fid-dinja biex jerfa’ fuqu d-dnubiet tagħna, sal-punt li Hu stess sar dnub.  Dnubietna jinsabu kollha hemmhekk.

Għandna nidraw inħarsu lejn il-Kurċifiss f’dan id-dawl, li hu l-aktar dawl veru, huwa d-dawl tal-fidwa.  F’Ġesù magħmul dnub naraw it-telfa sħiħa ta’ Kristu.  Mhux qed jagħmel tabirruħu li jmut, mhux qed jagħmel tabirruħu li mhux qed ibati, waħdu, abbandunat… ‘Missier, għaliex abbandunajtni?’ (cf Mt. 27, 46; Mk. 15, 34).  Serp, jien arbulat bħas-serp, bħal dak li hu kollu kemm hu dnub.

Mhux ħafifa nifhmuha din u jekk nirriflettu qatt m’aħna se naslu għal konklużjoni.  Hu biss bil-kontemplazzjoni, bit-talb u bir-radd il-ħajr li nistgħu naslu nifhmu xi ħaġa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading