Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 31 ta’ Marzu 2020

It-Tlieta, 31 ta’ Marzu 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 9:30am …

NAGĦMEL DAK LI JOGĦĠOB LILU

“Jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu”. F’din is-sentenza Ġesù ġabar l-iskop tal-ħajja tiegħu, tal-missjoni tiegħu, u dak li għamel mill-bidu sal-aħħar. Niftakru li fil-bidu tal-missjoni tiegħu, tal-ħidma tiegħu qalb in-nies, kien qal: “Jien ma ġejtx biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ dak li bagħatni”. Dejjem baqa’ jinsisti fuqha din: li hu jrid jagħmel ir-rieda tal-Missier. Fl-Ort tal-Ġetsemani, fil-mument ta’ tbatija hekk kbira, Ġesù qal: “Jekk jista’ jkun biegħed minni dan il-kalċi imma mhux li rrid jien imma li trid int ikun magħmul”.

Nafu li Ġesù hekk għamel fil-ħajja tiegħu: fittex dejjem ir-rieda tal-Missier. Ma fittixx dak li jogħġob lilu, dak li hu komdu għalih, ma fittixx l-approvazzjoni tan-nies. Anke meta ma qablux miegħu, fittex li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Bħalma naraw illum, meta ma jistgħux jifhmu x’qed jgħid jew ma jridux jifhmu, hu ma jfittixx li jogħġob lil dawk li qed jisimgħuh imma jfittex li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Sa fuq is-salib, sal-mument tal-aħħar, meta ta lilu nnifsu għas-salvazzjoni tal-umanità. Għalhekk jgħid: “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu.” Fil-mument tas-Salib u fil-mument tal-Qawmien, hemm deher ċar l-iskop tal-ħajja ta’ Ġesù u kif qeda dan l-iskop b’mod sħiħ.

X’jurina għall-ħajja tagħna llum? Jurina Ġesù li hu s-Salvatur tagħna, hu li jmexxina, imma wkoll li aħna fil-ħajja tagħna nilħqu l-iskop tal-ħajja meta bħalu nfittxu li nagħmlu dak li jrid Alla minna, li nogħġbu lilu. Dak hu li jagħtina tassew f’ħajjitna l-paċi u l-ferħ, u dak hu s-suċċess tal-ħajja tagħna. Ġesù għalhekk għallimna fit-talba tal-Missierna li ngħidu sikwit: “Ikun li trid int”. Meta jkun li jrid hu, meta aħna nagħmlu dak li jrid hu, nilħqu l-iskop ta’ ħajjitna. Mhux infittxu sempliċiment li nagħmlu dak li jogħġobna, jew dak li nħossu, jew dak li jagħtina pjaċir, jew dak li n-nies qed japprovaw, imma li nagħmlu dak li jrid hu.

Fit-tfittxija ta’ dak li jrid hu, hemm insibu tassew il-paċi u l-ferħ f’ħajjitna. Ma jfissirx li meta nagħmlu dak li jrid hu, l-affarijiet se jiġu kollha tajbin, li ma jkollniex diffikultajiet. Hu stess, meta fittex ir-rieda tal-Missier, din wasslitu sas-Salib. Lilna wkoll dik kultant tfisser tbatija. Imma l-fatt li nagħmlu dak li jrid il-Missier, lilna jagħtina ħafna paċi fil-qalb tagħna, u dak hu s-suċċess tal-ħajja tagħna: meta aħna nagħmlu dak li jrid Alla.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku meta nqumu filgħodu, filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla tal-ġurnata ġdida, nagħmlu din it-talba. “Mulej, għinni biex f’din il-ġurnata jiena nfittex dak li jogħġob lilek. Konvint li meta nfittex dak li jogħġob lilek, hemm ikun tassew is-suċċess ta’ din il-ġurnata u int tagħtini l-paċi fil-qalb tiegħi.”

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply