Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 20 ta’ April 2020: lllum nitolbu għall-irġiel u n-nisa li għandhom vokazzjoni politika: il-politika hi għamla għolja ta’ karità. (Nitolbu) għall-partiti politiċi fil-pajjiżi differenti sabiex f’dan iż-żmien ta’ pandemija flimkien ifittxu l-ġid tal-pajjiż, mhux il-vantaġġ tal-partit tagħhom.

Omelija : Twelid mill-Ispirtu

Dar-raġel, Nikodemu, hu kap tal-Lhud, bniedem ta’ awtorità.  Huwa ħass il-ħtieġa li jmur għand Ġesù.  Mar billejl, għax ried iżomm ftit bilanċ minħabba li dawk li kienu jmorru jkellmu lil Ġesù kienu jħarsu lejhom biċ-ċiera (cfr. Ġw. 3, 2).  Huwa fariżew ġust, għax mhux il-fariżej kollha huma ħżiena.  Le u le; kien hemm fariżej tajbin ukoll.  Dan hu fariżew ġust.  Ħassu anzjuż għax huwa bniedem li kien jaf il-profeti u kien jaf ukoll li dan li kien qed jagħmel Ġesù kien imħabbar mill-profeti. Ħass l-ansjetà u mar ikellem lil Ġesù.  ‘Rabbi aħna nafu li inti mgħallem mibgħut minn Alla’ (v.2) – sa ċertu punt hi stqarrija – ‘Ħadd ma jista’ jagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu’ (v. 2).  U jieqaf. Jieqaf quddiem ‘dal-punt’.  Jekk jien ngħid dan… imbagħad…  U Ġesù wieġeb.  Tweġiba misterjuża, tant li Nikodemu ma stennihiex; wieġeb b’dik it-tixbiha tat-twelid: ‘Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla’ (v. 3).  U Nikodemu jħossu jitħawwad, ma jifhimx u dik it-tweġiba ta’ Ġesù jeħodha fis-sens litterali: ‘Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjaħ?’ (v. 4).  Titwieled mill-għoli, titwieled mill-Ispirtu.  Hija l-qabża li hemm bżonn tagħmel. L-istqarrija ta’ Nikodemu u hu ma jafx kif se jagħmilha.  Għax l-Ispirtu huwa imprevedibbli.  It-tifsira tal-Ispirtu li Ġesù jagħti hawnhekk hija interessanti: ‘Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer.   Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu’ (v. 8), jiġifieri jkun ħieles.  Persuna li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxiha ’l hawn u ’l hinn, min jimxi hekk, huwa persuna doċli: u hawn qed nitkellmu dwar id-doċilità lejn l-Ispirtu.

Biex tkun Nisrani mhux biżżejjed tosserva l-Kmandamenti.  Għandek tħarishom, minnu; imma jekk teħel hemm m’intix Nisrani tajjeb.  Biex tkun Nisrani trid tħalli lill-Ispirtu jidħol fik u jiħdok fejn irid Hu.  Fil-ħajja nisranija tagħna, bosta drabi nieqfu, bħalma għamel Nikodemu, quddiem ‘imbagħad’. Ma nagħrfux il-pass li jkollna nagħmlu, ma nafux kif nagħmluh, u neqsin mill-fiduċja f’Alla biex nagħmlu dal-pass u nħallu lill-Ispirtu jidħol (fina).  Nitwieldu mill-ġdid ifisser li nħallu lill-Ispirtu jidħol fina u jmexxina Hu u mhux immexxu aħna: ħielsa, b’dil-libertà tal-Ispirtu li int ma taf qatt fejn se tispiċċa.

Meta l-Ispirtu niżel fuq l-appostli li kienu fiċ-Ċenaklu ħarġu jipprietkaw b’dak il-kuraġġ, b’dak il-ħelsien (cfr. Atti 2, 1-13)… Ma kinux jafu li se jiġrilhom hekk; imma hekk għamlu, għax l-Ispirtu kien imexxihom.  In-Nisrani qatt m’għandu jieqaf biss fl-osservanza tal-Kmandamenti: dan għandu jsir, imma jeħtieġ imur aktar lil hinn minn hekk; jeħtieġlu jmur lejn dat-twelid ġdid li hu t-twelid fl-Ispirtu, li jtik il-libertà tal-Ispirtu.

U dak hu li ġara lil dil-komunità nisranija tal-ewwel qari, wara li Ġwanni u Pietru waslu lura minn dak l-interrogatorju li kellhom mas-saċerdoti.  Huma marru għand ħuthom f’dil-komunità, u rrakkuntaw x’kienu qalu lill-kapijiet tal-qassisin u lix-xjuħ.  U meta l-komunità semgħet, ilkoll flimkien, beżgħu xi ftit (cfr. Atti 3, 23).  U x’għamlu?  Talbu.  Ma waqfux jieħdu deċiżjonijiet ‘ta’ prudenza’:  le.  Ma qalux, ‘issa nagħmlu hekk, nimxu ftit bil-kalma…’: le. It-talb.  Ħallew li jkun l-Ispirtu li jgħidilhom x’kellhom jagħmlu.  Għollew leħinhom lejn Alla u qalu:  ‘Mulej’ (v. 24), u talbu dit-talba sabiħa f’mument ta’ dlam, f’mument li fih kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet u ma kinux jafu x’se jagħmlu.  Iridu jitwieldu mill-Ispirtu, jiftħu qalbhom għall-Ispirtu: ħalli jgħid Hu… U jistaqsu: ‘Għax, tabilħaqq, Erodi u Ponzju Pilatu ngħaqdu flimkien mal-pagani u n-nies ta’ Iżrael kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù’ (cfr. v. 27).  Jirrakkuntaw l-istorja u jgħidu, ‘Mulej, agħmel xi ħaġa.  Issa mela, Mulej, ħares lejn it-tehdid tagħhom’ – tal-qassisin – ‘u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu’ (v. 29).  Jitolbu s-sinċerità, il-kuraġġ li ma jibżgħux: ‘Midd idek biex isiru fejqan u sinjali u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù’ (v. 30).  ‘Kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżżeż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu’ (v. 31).  Hawnhekk seħħet it-tieni Pentekoste.

Quddiem id-diffikultajiet, quddiem bieb magħluq, meta huma ma kinux jafu kif se jimxu, iduru lejn il-Mulej, jiftħu qlubhom u jinżel l-Ispirtu s-Santu li jtihom dak li kienu jeħtieġu u huma joħorġu jipprietkaw, bil-kuraġġ.  Dan ifisser twelid mill-Ispirtu.  Dan ma jfissirx li tieqaf quddiem dak li dejjem għamilt, għall-‘imbagħad’ ta’ wara l-Kmandamenti, għall-‘imbagħad’ tad-drawwiet reliġjużi: le!  Dan hu twelid ġdid. U kif jista’ wieħed jitwieled mil-ġdid?  Bit-talb.  It-talb jiftħilna l-bieb għall-Ispirtu li jtina l-libertà, dal-kuraġġ tal-Ispirtu s-Santu li qatt ma taf fejn se jiħdok.  Imma huwa l-Ispirtu.

Jalla l-Mulej jgħinna nkunu dejjem miftuħin għall-Ispirtu, għaliex hu jmexxina ’l quddiem fil-ħajja ta’ servizz lill-Mulej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading