Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże ta’ Montepulciano


Fl-20 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże ta’ Montepulciano, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1268 sa 1317.

Din ir-reliġjuża Dumnikana twieldet fi Gracchiano-Vecchio, qrib Montepulciano, l-Italja u kienet ġejja mill-familja għanja Segni.

Minn kmieni ħafna kellha ġibda għat-talb u kienet tgħaddi ħin twil f’rokna tgħid ir-rużarju għarkupptejha. Meta kien għad kellha biss disa’ snin, niesha daħħluha f’kunvent ta’ sorijiet ta’ ħajja awstera f’Montepulciano, imsejħin Sacconi għax kienu jilbsu lbies tax-xkora. Minkejja l-età żgħira tagħha hija kienet mudell tal-virtujiet insara għall-oħrajn.

Ftit żmien wara, meta s-sorijiet fetħu kunvent ġdid fi Proceno, raħal żgħir ħdejn Viterbo, Anjeże ntbagħtet f’dik il-komunità. Kontra qalbha, hija kienet maħtura badessa, imma kien meħtieġ il-permess tal-Papa Nikola IV għax hi kien għad kellha biss 15-il sena.

Il-qaddisa kienet tgħix ħajja mgħakksa għall-aħħar: għal 15-il sena kienet issum ħobż u ilma, u torqod għall-qiegħa tal-art, imma kellha tibdel dan il-mod ta’ ħajja wara marda qalila. Hija esperjenzjat viżjonijiet u estasijiet, u jingħad li wettqet mirakli biex titma’ lis-sorijiet tagħha fi żmien ta’ ġuħ. Imma minkejja l-fama tal-mirakli, il-qdusija tagħha kienet mibnija fuq ħajja sempliċi u mħabba kbira lejn Ġesù u ommu Marija.

Il-fama tal-qdusija tagħha waslet f’Montepulciano u n-nies riduha tmur lura fosthom. Kienet ilha nieqsa 22 sena minn pajjiżha, u kellha tmur u twaqqaf monasteru ġdid ta’ sorijiet taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin (1306). Aktar tard, bl-esperjenza li kisbet fil-komunitajiet li kienet qabel u konvinta kemm benefiċċji jistgħu jiġu jekk tkun affiljata ma’ ordni reliġjuż kbir u rikonoxxut, il-qaddisa qiegħdet għal kollox dan il-monasteru taħt l-Ordni Dumnikan.

Santa Anjeże ta’ Montepulciano mietet fl-20 ta’ April, 1317 ta’ madwar 50 sena. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XIII fl-10 ta’ Ottubru, 1726.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com