Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-għaqda tal-Unjoni Ewropea: biex ilkoll flimkien nibqgħu mexjin ‘il quddiem bħall-aħwa

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 29 ta’ April 2020: Illum il-festa ta’ Santa Katarina ta’ Siena, Duttur tal-Knisja, Patruna tal-Ewropa.  Nitolbu għall-Ewropa, għall-għaqda tal-Unjoni Ewropea: biex ilkoll flimkien nibqgħu mexjin ’il quddiem bħall-aħwa.

OmelijaIl-konkretezza u s-sempliċità taż-żgħar

Fl-ewwel Ittra ta’ San Ġwann insibu ħafna kuntrasti: bejn id-dawl u d-dlam, bejn il-gideb u l-verità, bejn id-dnub u l-innoċenza (cfr. 1 Ġw. 1, 5-7).  Imma l-appostlu dejjem jistieden il-konkretezza, il-verità, jgħidilna li ma nistgħux inkunu f’għaqda ma’ Ġesù u fl-istess ħin nimxu fid-dlam, għaliex Huwa d-dawl.  Jew ħaġa jew oħra: il-griż huwa agħar: itik impressjoni li miexi fid-dawl għax m’intix fid-dlam u dan iserrħek.  Il-griż hu traditur kbir.  Jew ħaġa jew oħra.

L-appostlu jkompli:  ‘Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx fina’ (1 Ġw. 1, 8), għax ilkoll dnibna, ilkoll midinbin.  Hawnhekk hawn ħaġa li tista’ tqarraq bina: ngħidu ‘aħna lkoll midinbin’, qisna qed ngħidu ‘bonġu’, ‘il-jum it-tajjeb’, qisha drawwa, xi ħaġa soċjali, m’għandniex kuxjenza vera ta’ x’inhu d-dnub.  Le: jiena midneb għal dan, minħabba f’hekk, minħabba f’hekk.  Il-konkretezza.  Il-konkretezza tal-verità.  Il-verità dejjem hi konkreta; il-gideb hu fl-ajru, arja, ħaġa li ma tistax taħkimha.  Il-verità hi konkreta.  U inti ma tistax tmur tqerr dnubietek b’mod astratt: ‘Iva, jiena… darba tlift sabri, darb’oħra…’ Ħafna affarijiet astratti.  ‘Jien midneb.’  Il-konkretezza: ‘Jien għamilt dan.  Ħsibt dan.  Għidt dan.’  Il-konkretezza ġġagħalni nħoss bis-serjetà li jien midneb mhux ‘midneb fl-ajru’.

Fl-Evanġelju Ġesù jgħid: ‘Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken’ (Mt. 11, 25).  Il-konkretezza taċ-ċkejknin.  Sabiħ tisma’ liż-żgħar meta jiġu jqerru.  Ma jgħidux stramberiji, ‘fl-ajru’; jgħidu affarijiet konkreti, u kultant konkreti żżejjed għax għandhom dik is-sempliċità li Alla jagħti liċ-ċkejknin.  Dejjem niftakar f’tifel li darba ġie jgħidli li kien qalbu sewda għax kien tlewwem ma’ zitu…  Imma mbagħad ma waqafx.  Jien għidtlu: ‘Allura x’għamilt?’ – ‘Eh, kont id-dar, ridt immur nilgħab il-ballun’ – tifel hu! – ‘imma z-zija – ommi ma kinitx hemm – qaltli: ‘Le, int m’intix se toħroġ, l-ewwel trid tagħmel il-homework.’  Kelma ġġib lill-oħra u fl-aħħar bgħattha tixxejjer.’  Kien tifel ta’ kultura ġeografika kbira… Qalli wkoll f’liema pajjiż kien bagħat lil zitu!  Hekk magħmulin:  sempliċi, konkreti.

Aħna wkoll jeħtieġ li nkunu sempliċi, konkreti.  Il-konkretezza tressqek lejn l-umiltà, għax l-umiltà hi konkreta.  ‘Aħna lkoll midinbin’ hija stqarrija astratta.  Le: ‘Jien midneb minħabba f’hekk, f’hekk u f’hekk…’  U dan inissel fija l-mistħija li nħares lejn Ġesù u ngħidlu: ‘Aħfirli.’  Dan hu l-veru atteġġjament tal-midneb.  ‘Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx fina’ (1 Ġw. 1, 8).  Mod kif aħna nistqarru li m’għandniex dnub hu dan l-atteġġjament astratt: ‘Iva, aħna midinbin, iva tlift sabri darba…’, imma kollox l-ajru.  Ma nintebaħx bir-realtà ta’ dnubieti. ‘Imma, taf, aħna lkoll nagħmlu dawn l-affarijiet.’  Jiddispjaċini, jisgħobbija, inħoss l-uġigħ: ‘ma rridx nerġa’ nagħmel l-istess’, ‘ma rridx ngħidha aktar’, ‘ma rridx naħseb dan aktar.’

Importanti li f’qalbna nagħtu isem lid-dnubiet tagħna.  Il-konkretezza.  Għax jekk nibqgħu dejjem ‘fl-ajru’ nispiċċaw fid-dlam.  Għandna nsiru bħaż-żgħar li jgħidu dak li jħossu, dak li għandhom f’moħħhom: dawn għadhom ma tgħallmux l-arti li l-affarijiet jgħiduhom xi ftit imqartsa biex jinftehmu mingħajr ma jkunu mistqarra!  Din hi l-arti tal-kbar, li ħafna drabi hi ta’ ħsara għalina.

Ilbieraħ irċevejt ittra mingħand tfajjel minn Caravaggio.  Jismu Andrea.  U rrakkuntali l-affarijiet kif jarahom hu.  L-ittri taż-żgħar, tat-tfal, huma sbieħ ħafna għax konkreti.  U qalli li kien sama’ l-quddiesa minn fuq it-televixin u ried ‘iċanfarni’ dwar xi ħaġa: għax jien ngħid, ‘Il-paċi magħkom.’  ‘Int ma tistax tgħid hekk għax minħabba l-pandemija ma nistgħux immissu lil xulxin.’  Mhux qed jara li (hawn fil-knisja) intom tagħmlu inkin b’raskom u ma tmissux lil xulxin.  Imma għandu l-libertà li jgħid l-affarijiet kif inhuma.

Mal-Mulej, aħna wkoll għandu jkollna l-libertà li ngħidu l-affarijiet kif inhuma: ‘Mulej, ninsab fid-dnub, għinni.’  Bħal Pietru wara l-ewwel sajda mirakoluża: ‘Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb’ (Lq. 5, 8).  Ikollna dan l-għerf tal-konkretezza.  Għax ix-xitan iridna ngħixu fil-bruda, bierda, fil-griż; la tajbin u lanqas ħżiena, la abjad u lanqas iswed: griż.  Ħajja li lill-Mulej ma togħġbux.  Il-bierda ma jogħġbuhx lill-Mulej.  Konkretezza.  Biex ma nkunux giddibin.  Jekk nistqarru dnubietna, Hu fidil u ġust tant li jaħfrilna (1 Ġw. 1, 9).  Jaħfrilna meta aħna konkreti.  Il-ħajja spiritwali hi tant sempliċi; tant sempliċi, iżda aħna nikkumplikawha b’dal-ħafna sfumaturi, u fl-aħħar ma naslu qatt imkien…

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja tas-sempliċità u Hu jtina dil-grazzja li jagħti lil min hu sempliċi, lit-tfal, liż-żgħar, li jgħidu dak li jħossu, li ma jaħbux dak li jkunu jħossu.  Anke jekk ħaġa tkun żbaljata, jgħiduha xorta waħda.  Miegħu wkoll, l-affarijiet ngħiduhom kif inhuma: bit-trasparenza.  U ma ngħixux ħajja li la tinsab naħa u lanqas oħra.  Nitolbu l-grazzja tal-libertà biex ngħidu l-affarijiet, u l-grazzja li nagħrfu sewwa min aħna quddiem Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading