L-Erbgħa, 29 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Għażlet li ssofri hi flok iġġiegħel lil min isofri
Santa Katarina ta’ Siena għexet 33 sena. Ħajja qasira, ngħidu aħna. Imma kienet ħajja mimlija. Hija waħda minn dawk il-qaddisin fl-Istorja tal-Knisja li tgħallimna li m’huwiex it-tul ta’ snin li hu l-iktar importanti, imma kif ngħixu fil-ħajja tagħna s-snin li jkollna, u kif nagħmlu minnhom tweġiba għas-sejħa ta’ Alla u don sabiħ għall-oħrajn.
Katarina kienet iddedikat lilha nnifisha lil Alla minn età żgħira: ħajja ta’ talb, ta’ penitenza u ta’ għoti ta’ karità. Fil-fatt kienet magħrufa għall-imħabba kbira li kellha lejn il-morda, speċjalment, lejn dawk li kienu fil-bżonn.
Iktar ma għadda ż-żmien, aktar kibret f’din ir-relazzjoni ma’ Alla. Ħaġa li tinnota fil-ħajja tagħha hi kif iktar ma kibret fil-ħajja ma’ Alla, fil-ħajja interjuri tagħha, ikbar kien u iktar b’saħħtu kien l-impenn tagħha fis-soċjetà u fil-Knisja. Kienet mara ta’ kuraġġ kbir. Ma kellhiex inferiority complex: dak li għandha tagħmel tagħmlu, dak li għandha tgħid tgħidu, imma dejjem bl-ispirtu ta’ Kristu.
Għexet fi żmien diffiċli u drammatiku għall-Knisja. Fis-seklu 14, hi ħadmet bis-sħiħ u talbet għall-għaqda fil-Knisja. Kienet hi li pperswadiet lil Papa Girgor XI biex minn Avignon fi Franza, fejn kien, imur Ruma. Kien bniedem dgħajjef f’saħħtu u anke fl-ispirtu tiegħu, imma hi għenitu biex imur Ruma fejn kien postu bħala Isqof ta’ Ruma u bħala Papa. Ħadmet bis-sħiħ għall-Knisja.
Nixtieq li ninnutaw, b’mod speċjali, żewġ karatteristiċi tagħha li jgħallmuna ħafna għall-ħajja. L-ewwel nett, l-imħabba ewlenija tagħha kienet lejn Ġesù Kristu, li miegħu kienet marbuta f’ħajja intima speċjalment bit-talb. Meta tħares lejn Kristu Msallab kienet tgħidlu: fik ma narax ħlief imħabba u ħniena. Hi għexet dal-kliem li smajna fl-Evanġelju llum, meta Ġesù jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom… tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.” Hi għexet dan, għamlet dan f’ħajjitha, u għallmet dan. Hi minn dawk li Ġesù jsejjaħ għorrief għax kienu ċkejknin – l-għerf li Alla wera liċ-ċkejknin – mhux għax kienet imkabbra. L-għerf li ta Alla, imbagħad, qasmitu mal-oħrajn, u tant għenet nies biex ikollhom din l-imħabba ewlenija tagħhom lejn Ġesù Kristu.
Karatteristika oħra tagħha li tant tolqtok hija l-imħabba kbira tagħha lejn il-Knisja: il-Knisja qaddisa imma magħmula minn midinbin. Kienet tħobb mhux Knisja li timmaġina f’moħħha, imma l-Knisja reali, bid-difetti u bil-feriti tagħha. Santa Katarina għarfet li l-Knisja ġġeddidha mhux meta toskuraha, jew meta tiżra’ l-mibegħda, jew tiżra’ l-konflitt u d-diviżjoni fiha, imma meta tgħix il-fidi u tagħti xhieda qawwija quddiem l-oħrajn. Fl-imħabba tagħha lejn il-Knisja, hi għażlet li ssofri flok li ġġiegħel lil min isofri.
Nitolbuha llum lil Santa Katarina ta’ Siena, f’din il-Festa tagħha, biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja tagħna, u speċjalment fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, l-imħabba ewlenija tagħna, u fl-imħabba lejn il-Knisja.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju