Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-mejtin, dawk li mietu minħabba l-pandemija u dawk anonimi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 30 ta’ April 2020: Illum nitolbu għall-mejtin, dawk li mietu minħabba l-pandemija; u wkoll, b’mod speċjali, għall-mejtin – biex ngħidu hekk – anonimi.  Rajna r-ritratti tal-oqbra komuni… tant u tant…

OmelijaMingħajr xhieda u talb ma tistax issir predikazzjoni appostolika

‘Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja’ (Ġw. 6, 44). Ġesù jfakkar li l-profeti wkoll kienu ħabbru dan minn qabel: ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla’ (Ġw. 6, 45).  Huwa Alla li jattira għall-għarfien ta’ Ġesù.  Mingħajr dan ma nistgħux inkunu nafu lil Ġesù.  Iva, wieħed jista’ jistudja, jistudja l-Bibbja, u jkun jaf ukoll kif twieled, x’għamel:  dak iva.  Imma li tkun tafu minn ġewwa, li tkun taf il-misteru ta’ Kristu, hu biss għal dawk li nġibdu lejH mill-Missier.

Hekk ġralu dal-ministru tal-ekonomija tar-reġina tal-Etjopja.  Jidher li kien raġel tajjeb u li sab il-ħin, fost il-ħafna impenji tiegħu, biex imur iqim lil Alla.  Bniedem li jemmen.  Hu kien qed jaqra l-Profeta Iżaija hu u rieġa’ lura lejn pajjiżu (cfr. Atti 8, 27-28).  Il-Mulej jaqbad lil Filippu, jibagħtu f’dak il-post, u jgħidlu: ‘Mur, ersaq maġenb il-karru,’ (v. 29) u jisma’ lill-ministru jaqra lil Iżaija.  Jersaq qribu u jagħmillu mistoqsija: ‘Qed tifhem?’ – ‘U kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?’ (v. 31), u (l-ministru) jkompli jistaqsi: ‘Dwar min qed jitkellem il-profeta? Jekk jogħġbok itla’ fil-karru,’ u waqt il-vjaġġ – ma nafx kemm dam ħin, nimmaġina li tal-anqas kien ftit sigħat – Filippu spjega: spjega lil Ġesù (vv. 26-35).

Dik l-ansjetà li kellu dar-raġel hu u jaqra l-Profeta Iżaija kienet ġejja proprju mill-Missier li kien qed jiġbdu lejn Ġesù (cfr. Ġw. 6, 44): kien ħejjieh, kien ħadu mill-Etjopja lejn Ġerusalemm biex jagħti qima lil Alla, imbagħad, b’dal-qari, ħejjielu qalbu biex jirrivelalu lil Ġesù sal-punt li malli ra l-ilma, qal: ‘Nista’ nitgħammed?’ (cfr. v. 36).  U huwa emmen.

U dan – li ħadd ma jista’ jkun jaf lil Ġesù dment li jiġbux lejH il-Missier (cfr. v. 44) – jgħodd għall-appostolat tagħna, għall-missjoni appostolika tagħna bħala Nsara.  Qed naħseb ukoll fil-missjonijiet.  ‘Xi tmur  tagħmel il-missjoni?’ – ‘Jiena mmur biex nikkonverti lin-nies.’ Imma, ieqaf ftit, int ma tikkonverti lil ħadd!  Ikun il-Missier li jiġbed dawk il-qlub biex jagħrfu lil Ġesù.

Tmur il-missjoni jfisser li tagħti xhieda tal-fidi tiegħek; mingħajr xhieda ma jirnexxilek tagħmel xejn.  Tmur il-missjoni – il-missjunarji huma bravi! – ma jfissirx li ttella’ binjiet kbar… u tieqaf hemm.  Le, l-istrutturi għandhom ikunu xhieda.  Tista’ tibni sptar, skola ta’ perfezzjoni kbira, ta’ żvilupp kbir, imma jekk tkun struttura mingħajr xhieda nisranija, ix-xogħol tiegħek ma jkunx wieħed ta’ xhieda, ħidma ta’ predikazzjoni vera ta’ Ġesù: tkun għaqda ta’ benefiċenza – tajba ħafna! – imma xejn aktar.

Jekk irrid immur il-missjoni, dan qed ngħid: jekk jien irrid immur nagħmel l-appostolat, jeħtieġli mmur bid-disponibbiltà li huwa l-Missier li jiġbed lin-nies lejn Ġesù, u dan twettqu x-xhieda.  Ġesù stess qallu lil Pietru meta dan stqarr li Hu l-Messija: ‘Int hieni, Xmun Pietru, għax dan għarrafhulek il-Missier’ (cfr. Mt. 16, 17).  Huwa l-Missier li jiġbed, u dan jagħmlu permezz tax-xhieda li nagħtu aħna.  ‘Jien se nagħmel bosta opri, hawn, hemm, tal-edukazzjoni, ta’ dak u l-ieħor…’, imma mingħajr xhieda jkunu affarijiet tajbin, imma mhux it-tħabbir tal-Evanġelju, ma jkunux imkejjen li lill-Missier ituh il-possibbiltà li jiġbed lin-nies biex isiru jafu lil Ġesù.  Ħidma u xhieda.

Imma x’għandi nagħmel biex il-Missier jiġbed lil dawk in-nies?  It-talb.  Din hi t-talba għall-missjonijiet: nitolbu biex il-Missier jiġbed lin-nies lejn Ġesù.  Ix-xhieda u t-talb jimxu id f’id.  Mingħajr xhieda u talb ma tistax issir predikazzjoni appostolika, ma tistax tingħata l-aħbar.  Tkun tagħmel prietka morali tajba, ħafna affarijiet tajbin – kollha tajbin – imma l-Missier ma jkollux il-possibbiltà li jiġbed in-nies lejn Ġesù.  U dan hu l-qofol ta’ kollox: dan hu l-qofol tal-appostolat tagħna, illi ‘l-Missier ikun jista’ jiġbed lin-nies lejn Ġesù’ (cfr. Ġw. 6, 44).  Ix-xhieda tagħna tiftaħ il-bibien għan-nies u t-talb tagħna jiftaħ il-bibien tal-qalb ta’ Alla biex jiġbed lin-nies.  Xhieda u talb.

U dan ma jgħoddx biss għall-missjonijiet, jgħodd ukoll għall-ħidma tagħna bħala Nsara.  Jiena nagħti xhieda tal-ħajja nisranija bl-istil tal-ħajja li ngħix.  Jiena nitlob biex il-Missier jiġbed lin-nies lejn Ġesù?

Din hi r-regola l-kbira tal-appostolat tagħna, kullimkien, u b’mod speċjali għall-missjonijiet.  Li tmur il-missjoni ma jfissirx li tagħmel il-prożeliti.  Darba, waħda mara – twajba, kien jidher ċar li kellha rieda tajba – resqet lejja b’żewġ żgħażagħ magħha, ġuvni u tfajla, u qaltli: ‘Padre, dal-ġuvnott kien protestant u kkonverta: ikkonvertejtu jien, ikkonvinċejtu.  U dit-tfajla kienet…’ – ma niftakarx x’qaltli eżatt – ‘u kkonvertejtha.’  U dil-mara kienet twajba, twajba.  Imma kienet qed tiżbalja.  Jien tlift ftit sabri u għidtilha: ‘Isma’, inti ma kkonvertejt lil ħadd: kien Alla li miss il-qalb tan-nies.  U tinsiex: xhieda, iva, prożelitiżmu, le.’

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ngħixu l-ħidma tagħna bix-xhieda u bit-talb sabiex Hu, il-Missier, ikun jista’ jiġbed lin-nies lejn Ġesù.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading