Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 30 t’April


Il-Ħamis, 30 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Nitolbu biex nipproteġu l-fidi tagħna bħala pajjiż billi nuru l-karità Nisranija mal-proxxmu tagħna kollu, kemm jekk Maltin kif ukoll barranin.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’din is-silta mill-kapitlu 6 ta’ San Ġwann, il-Mulej jinsisti fuq żewġ affarijiet importanti ħafna.

L-ewwel nett l-effett tal-preżenza u t-tagħlim tiegħu ma jiqfux fuq din l-art. Ħafna drabi aħna nidħlu fit-tentazzjoni li nirriduċu t-tagħlim ta’ Ġesù għal dimensjoni li tispiċċa u ssib il-milja tagħha fuq din l-art. It-tagħlim ta’ Ġesù huwa rilevanti ħafna biex ngħixu ħajja ta’ nies, biex naraw lilu fil-proxxmu u fuq dan se jiġġudikana.

Imma dak li joffri Ġesù jmur ’l hemm mill-esperjenza ta’ din il-ħajja. Il-Mulej jinsisti meta jgħid li hu l-ħobż tal-ħajja li qed jitkellem ukoll mhix biss fuq il-ħajja tad-dinja għax hu jgħid: “Jiena nagħti ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51) imma li qed joffri wkoll il-ħajja ta’ dejjem. “Tassew ngħidilkom min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:47).

Huwa importanti ħafna li llum nitolbu din il-grazzja li meta aħna nħarsu lejn ħajjitna, nagħtuha destin ħafna ikbar milli nistgħu naraw aħna, li nifhmu li aħna msejħin mhux biss li ngħixu ta’ nies f’din il-ħajja, imma għal ħajja ta’ dejjem. U l-ħobż li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem huwa Ġesù. Ġesù juża din it-tema qawwija tal-ħobż, din l-immaġni, din ix-xbieha biex juri li hu se jgħinna fit-triq, kemm matul il-ħajja fuq din l-art u kemm ukoll biex iwassalna għal-ħajja ta’ dejjem.

Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nagħrfu kemm hu essenzjali dan il-ħobż ħaj li niżel mis-sema li huwa Ġesù. U nitolbu wkoll waqt li qegħdin niċċaħdu mill-Ewkaristija, li ma jdumx ma jasal il-mument fejn aħna nerġgħu niltaqgħu biex niċċelebraw l-Ewkaristija mhux biss billi nsegwu bħalma qegħdin nagħmlu permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, imma realment billi niltaqgħu flimkien bħala aħwa u nitrejqu minn dan il-ħobż ħaj: il-Kelma ta’ Ġesù hu ġismu li huwa mogħti għall-ħajja tad-dinja.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 8, 26-40
Salm: 65 (66), 8-9. 16-17. 20
Evanġelju: Ġw 6, 44-51