Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-infermieri kollha li f’daż-żmien ta’ pandemija taw eżempju ta’ eroiżmu u wħud minnhom ħallsu wkoll b’ħajjithom

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 12 ta’ Mejju 2020: Illum hu jum l-infermiera.  Ilbieraħ bgħatt messaġġ.  Nitolbu llum għall-infermiera kollha li għandhom dil-professjoni, li hi aktar minn professjoni: hija vokazzjoni, dedikazzjoni.  Jalla l-Mulej iberikhom.  F’daż-żmien ta’ pandemija taw eżempju ta’ eroiżmu u wħud minnhom ħallsu wkoll b’ħajjithom.  Nitolbu għall-infermiera kollha.

OmelijaIl-paċi kif tagħtiha d-dinja u kif jagħtiha l-Mulej?

Qabel it-tluq tiegħu l-Mulej isellem lil tiegħu u jtihom id-don tal-paċi (cfr. Ġw. 14, 27-31), il-paċi tal-Mulej: ‘Jien inħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja’ (v. 27).  Mhix il-paċi universali, il-paċi mingħajr gwerer li lkoll nixtiequ li jkun hawn dejjem, imma l-paċi tal-qalb, il-paċi tal-ispirtu, is-sliem li aħna lkoll għandna ġewwa fina.  U l-Mulej itih imma jisħaq ‘mhux kif tagħtihulkom id-dinja’ (v. 27).  Il-paċi kif tagħtiha d-dinja u kif jagħtiha l-Mulej?  Huwa sliem differenti?  Iva.  Id-dinja ttik ‘paċi interjuri’: dwar dan qed nitkellmu, il-paċi f’ħajtek, l-għixien b’qalbek fil-paċi.  Ittik il-paċi ġewwinija qisha xi ħaġa tiegħek personali, qisha xi ħaġa tiegħek li taqtgħek mill-oħrajn, iżżommok fik innifsek, hi kisba tiegħek.  U int, bla ma tinduna, tingħalaq f’dik il-paċi.  Hija paċi ftit jew wisq għalik, għal wieħed, għal kulħadd, paċi għaliha nfisha, paċi li żżommok kalm, hieni wkoll.  U f’din is-serenità, f’din l-hena, tħannek xi ftit, tilluppjak u tħallik magħluq fik innifsek, f’ċertu kalma.  Hi xi ftit jew wisq egoista:  il-paċi għalija, magħluqa fija.  Hekk ittiha d-dinja.  Hi paċi li hija għalja għax ikun jeħtieġlek tibdel il-ħin kollu ‘l-istrumenti tal-paċi’: meta jkollok kilba għal xi ħaġa, dik ittik il-paċi, imbagħad tispiċċa biex tmur tfittex xi ħaġa oħra… Għalja ħafna għax hi proviżorja, sterili.

Iżda s-sliem li jagħti Ġesù huwa ħaġ’oħra.  Hu sliem li lilek iċaqalqek; ma jiżolakx, ma jħallikx wieqaf, jimbuttak lejn l-oħrajn, joħloq il-komunità, joħloq il-komunikazzjoni.  Il-paċi tad-dinja hija għalja; is-sliem ta’ Ġesù huwa b’xejn, gratis; huwa rigal tal-Mulej, il-paċi tal-Mulej.  Hu għammiel, imexxik dejjem ’il quddiem.  Eżempju fl-Evanġelju li lili jġagħalni nirrifletti dwar il-paċi tad-dinja hu dak ir-raġel għani li kellu l-imħażen mimlija u l-ħsad dik is-sena kien abbundanti.  Hu jaħseb bejnu u bejn ruħu:  ‘Ikolli nibni mħażen ġodda biex ikolli fejn inqiegħed dan kollu u mbagħad nistrieħ u nkun nista’ ngħix kuntent.’  ‘Iblah,’ qallu Alla, ‘illejla int se tmut’ (cfr. Lq. 12, 13-21).  Hija paċi statika, ma tiftaħlekx il-bieb għan-naħa l-oħra. Il-paċi tal-Mulej hi miftuħa għal fejn mar Hu, hi miftuħa għas-Sema, hi miftuħa għall-Ġenna.  Huwa sliem għammiel li jinfetaħ u miegħek tieħu nies oħrajn lejn il-Ġenna.

Nemmen li jgħinna xi ftit naħsbu: liema hu s-sliem tiegħi, fejn insib il-sliem?  Fl-affarijiet tad-dinja, fil-ġid, fil-vjaġġi – imma bħalissa ma nistgħux nivvjaġġaw – fl-għana li għandi, f’ħafna hwejjeġ bħal dawn, jew bħala don tal-Mulej?  Il-paċi jkolli nħallas għaliha jew nirċeviha b’xejn mingħand il-Mulej?  Kif inhu s-sliem tiegħi?  Meta tonqosni xi ħaġa, nirrabja?  Din mhux il-paċi tal-Mulej.  Din hi waħda mill-provi.  Jien inħossni kalm fil-paċi, ‘norqod’?  Dik mhix tal-Mulej.  Jien inħoss is-sliem u rrid naqsmu mal-oħrajn u nseddaq xi ħaġa?  Dik hi l-paċi tal-Mulej!  Fil-waqtiet koroh, diffiċli wkoll, inħossni nibqa’ fil-paċi?  Dik hi l-paċi tal-Mulej.  Is-sliem li jtina l-Mulej huwa għammiel għalija wkoll għax hu mimli tama, jiġifieri jħares lejn is-Sema.

Ilbieraħ – skużawni jekk qed insemmi dan iżda huma fatti tal-ħajja li lili jagħmluli l-ġid – irċevejt ittra mingħand saċerdot tal-affari tiegħu li qalli li jien ftit nitkellem dwar il-Ġenna, u li għandi nsemmiha aktar.  U għandu raġun.  Għalhekk illum ridt insemmi dan: li s-sliem, dak li jtina Ġesù, hu għal issa u għall-ġejjieni.  Bih inkunu bdejna ngħixu s-Sema, bil-fekondità tas-Sema.  Dan mhux loppju.  L-oħra iva: inti tkun illuppjat bil-ħwejjeġ tad-dinja u meta d-doża ta’ dal-loppju tispiċċa, tieħu oħra, u oħra, u oħra…  Is-sliem tal-Mulej hu definittiv: għammiel u jittieħed.  Mhux narċisiżmu, għax iħares dejjem lejn il-Mulej.  Bil-paċi tad-dinja inti tħares biss fik innifsek: hu narċisiżmu.

Jalla l-Mulej itina dan is-sliem mimli tama, li jagħmilna għammiela u komunikattivi mal-oħrajn, li joħloq il-komunità u ħarstu dejjem fuq il-paċi definittiva tal-Ġenna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading