L-Isqof Mario Grech fil-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 30 ta’ Mejju 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, waqt il-Quddiesa Solenni tal-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin, fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/831548494″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=true” width=”100%” height=”300″ iframe=”true” /] Laikos · L-Isqof Mario Grech – Vġili ta’ Għid Il-Ħamsin(Is-Sibt, 30 ta’ Mejju 2020)

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex

BŻONN TA’ LINGWAĠĠ ĠDID

Fl-Atti tal-Appostli naqraw li dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, wara li l-Appostli mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, huma bdew jitkellmu b’ilsna oħra skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. Interessanti li fost dawk miġbura, li kienu ta’ estrazzjoni politika, kulturali, ekonomika u reliġjuża diversa, “kull wieħed minnhom kien jismagħhom bl-ilsien tiegħu” tant li komplew jgħidu: “Aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla” (ara Atti 2:1-11).

Għalija dan ifisser li dakinhar l-Ispirtu s-Santu mhux biss ta lill-Knisja “lingwaġġ” ġdid, imma wkoll ħila li tisma’ “lingwaġġi” ġodda. Dawn huma żewġ doni differenti. L-ewwel don kien meħtieġ biex il-Knisja jkollha lessiku ġdid biex tesprimi lilha nfisha; imma mbagħad il-Knisja ngħatat id-don biex tkun tista’ tisma’ u tifhem lingwi ġodda anki jekk huma differenti mil-lingwa tagħha! Sinċerament, jien nemmen li dan hu li għandha bżonn il-Knisja. U ladarba qed nitolbu għall-vokazzjonijiet, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex iqajjem fi ħdan il-poplu tiegħu rġiel u nisa mżejna b’dawn iż-żewġ doni.

Lis-seminaristi tagħna “kont” inħeġġiġhom biex kemm jistgħu jitgħallmu lingwi differenti, għax jekk ma jkollokx din l-“għodda”, la tkun tista’ tifhem lil dawk ta’ madwarek u lanqas tfehemhom. Dak li nebbaħni biex nagħmel din l-eżortazzjoni lis-saċerdoti futuri kienet esperjenza li kelli ta’ żagħżugħ li kien qed jistudja f’seminarju tan-Neo-Katekumenali u qalli li kien qed jistudja ċ-Ċiniż biex meta jilħaq saċerdot imur f’dak l-ambjent! U darba oħra kont għadni fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħi u kien hemm saċerdot, għadu mimli bl-għomor, li wara li staqsieni kemm naf lingwi, qalli: “Jekk taf tliet lingwi inti tiswa daqs tliet persuni…” fis-sens li kull lingwa tagħtik il-possibbiltà li tikkomunika ma’ dinjiet differenti.

Illum mhux ser ngħid li għandna bżonn nitkellmu l-Ġermaniż, l-Ispanjol, l-Għarbi, u l-bqija. Imma ċertament huwa meħtieġ li aħna nitgħallmu l-lingwa ta’ Alla. X’jiswa li jiena nkun isqof, saċerdot, persuna kkonsagrata, jekk ma nikkomunikax l-Ispirtu ta’ Alla? Min ma għandux l-Ispirtu ta’ Alla – għax l-Ispirtu huwa l-għalliem tal-lingwaġġ ta’ Alla! – ikollu fih spirtu ieħor. Jista’ jkollu l-ispirtu tal-“jien” – dik li l-Papa Franġisku jħobb isejħilha l-awtoreferenzjalità… u allaħares xi ħadd itebbagħli l-immaġni tal-jien, għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Min ma jkollux l-Ispirtu ta’ Alla, hemm riskju li jkollu spirtu mondan fis-sens negattiv tal-kelma, għalhekk ikollu fih spirtu kompetittiv; u aħna nafu li dan l-ispirtu jnissel l-għira, il-firda, u l-bqija. Min ma għandux l-Ispirtu ta’ Alla jissogra li jkun mimli bi spirtu vendikattiv u kapaċi nkunu ħodor ma’ xulxin u nniggżu lil xulxin anki fil-Knisja! Għalhekk l-ewwel grazzja li nitlob illum lill-Ispirtu s-Santu hija li kemm dawk li ser ikunu msejħin u kemm aħna, li diġà aċċettajna s-sejħa, inħallu lill-Ispirtu s-Santu jgħallimna l-lingwaġġ ta’ Alla li huwa lingwaġġ ta’ mħabba, mogħdrija, maħfra, ħniena. Għax Knisja li ma titkellimx il-lingwaġġ ta’ Alla, ma jibqgħalha ebda skop – tkun NGO fost l-oħrajn. Forsi huwa proprju għax il-Knisja (lokali) ma titkellemx il-lingwaġġ ta’ Alla li aħna fejn aħna, anki f’dak li għandu x’jaqsam man-nixfa tal-vokazzjonijiet.

Kif insibu fl-Atti tal-Appostli, wara li niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu n-nies bdew “jisimgħuhom [lill-Appostli] jitkellmu bi lsien art twelidhom” (ara 2:8) – jitkellmu b’lingwi li jiftiehmu min-nies; mela anki l-Appostli bdew jifhmu l-lingwa tan-nies! Dan ifisser li l-Appostli kisbu dik il-kapaċità li biha jintebħu x’inhi l-karba tal-bniedem u l-problemi li jkun għaddej minnhom. Meta aħna bħala Knisja ma nifhmux dak li tkunu tgħidulna, aħna nibqgħu nkellmukom fuq it-Trinità, dwar l-anġli, dwar il-glorji (biċċa minnhom veri u biċċa vvintati) tal-qaddisin, u ma nindirizzawx l-esperjenza li intom tkunu qegħdin iġġarrbu. Illum hemm tant issues li qegħdin itaqqlu l-ħajja tal-bniedem… kif il-Knisja ma għandhiex kelma dwarhom? Mhux għax ma għandhiex x’tgħid, imma d-diffikultà hija li l-lingwaġġ tal-bniedem tal-lum huwa lingwaġġ barrani għalina bħala Knisja! Għalhekk il-komunikazzjoni tagħna hija fqira u kliemna jibqa’ għaddej minn fuq l-irjus. Qisu l-Knisja u l-bniedem qed jagħmlu żewġ diskorsi paralleli li ma jitaqgħux! M’hemmx djalogu imma monologu. Daqskemm huwa importanti li nitgħallmu l-lingwaġġ ta’ Alla, neżorta lill-Knisja biex iżżomm widnejha mal-art u hekk tisma’ u tifhem saħansitra t-tgergir tal-imsaren tal-bniedem. Inkella d-distakk bejn il-Knisja u d-dinja ser ikompli jikber. Ir-riskju li l-Knisja tibqa’ ssir irrelevanti huwa riskju veru.

Fid-dinja mhux kollox huwa ħażin. Nemmnu li l-Ispirtu ta’ Alla jimla l-wiċċ tal-art, għalhekk f’kull ħlejqa hemm iż-żerriegħa tal-Ispirtu. Għalhekk, daqskemm nistgħu nitgħallmu mill-katedra tal-Isqof (mit-teoloġija), nistgħu nitgħallmu mid-dinja. Imma jekk nibqgħu sajmin dwar il-lingwaġġ li tuża d-dinja, kif nistgħu nintebħu b’dak li l-Ispirtu qed jgħid permezz tad-dinja?

Barra minn hekk, bħala Knisja dejjem neħtieġu lingwaġġ ġdid li jiftiehem minn dawk ta’ madwarna! Ħafna drabi l-bnedmin ma jagħtux kas tal-messaġġ tal-Knisja mhux għax huma nies ħżiena jew għax jiġu jaqgħu u jqumu mill-Knisja, iżda għax il-formuli li nużaw ma jinftehmux. Għandna veritajiet sbieħ imma mqartsa fil-lingwaġġ tal-imgħoddi. Ħafna minna għandhom nostalġija tal-bieraħ u għalhekk jibqgħu jitkellmu b’vokabularju antik. Oħrajn iħossuhom inċerti u għalhekk jibżgħu jadattaw il-lingwaġġ. Oħrajn sempliċement huma għażżenin u ma jimpenjawx ruħhom biex jadottaw lingwaġġ li jiftiehem mill-bniedem tal-lum. Oħrajn mhumiex kapaċi jsibu lingwaġġ kontemporanju għax għadhom jgħixu fil-passat. Għaldaqstant il-folla tal-lum ma tistax tgħid kif qalet il-folla ta’ żmien l-Appostli nhar Għid il-Ħamsin: “Qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla”. Imma kif nibqgħu b’widnejna torox meta ilna żmien nisimgħuhom jgħidulna: “Tkellmuna b’lingwaġġ li ma jiftehimx!”. Issa wasalt biex nispiċċa, imma pastoralment ninkwieta qatigħ meta fi ħdan l-Appostli tal-lum nara li hawn min baqa’ ffossilizzat fl-iskemi tal-imgħoddi u ma ntebaħx li hemm bżonn nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina lingwaġġ ġdid. Il-Vanġelu jibqa’ Vanġelu, id-duttrina tibqa’ d-duttrina, imma l-mod kif inwassulhom għandu jadatta ruħu maż-żmien.

Ara taħsbu li f’dan id-diskors qed ngħid xi ħaġa minn tiegħi. Il-Papa San Ġwanni XXIII dakinhar tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II kien qal: “Huwa meħtieġ li l-Knisja ma tinfatamx mill-patrimonju tal-verità li rċeviet mill-missirijiet, imma fl-istess waqt għandha tħares lejn il-preżent, lejn il-kundizzjonijiet u għamliet ta’ ħajja li fetħu toroq ġodda għall-appostolat Kattoliku. L-impenn tagħna mhux biss li nħarsu dan it-teżor prezzjuż, qisu aħna mħassba biss bl-antik, imma li mingħajr biża’ ta’ xejn niddedikaw ruħna għal dik il-ħidma li jeħtieġu ż-żminijiet tal-lum” (11 ta’ Ottubru 1962). U l-istess Konċilju jgħallem li “t-Tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu; fil-fatt, sew il-ħwejjeġ, sew il-kliem li t-Tradizzjoni tgħallem jinftiehmu aħjar” (Dei Verbum, 8). Għaddew dawn is-snin u għadna analfabeti!

Dan forsi jista’ jkun ġej mill-fatt li barrejna lill-Ispirtu s-Santu! Nibża’ li ma ninvokawx biżżejjed lill-Ispirtu s-Santu. Kieku l-Ispirtu s-Santu huwa preżenti fiċ-“ċenaklu” tal-lum, ma jistax iħallina f’dan il-faqar. Nibża’ li fostna hemm ċertu għażż biex nifformulaw ħsieb u nikkomunikaw b’mod li l-Vanġelu jitlaħħam u jinkarna. Biex naħarbu l-impenn li toffrilna din l-isfida, nippreferu nirtiraw mid-dinja u ningħalqu fis-swali liturġiċi tagħna medhijin fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna li, imma, ma joffrux esperjenza ta’ Alla.

Filwaqt li ntenni l-istedina tiegħi biex il-Knisja għalenija titlob lil Sid il-ħsad jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu ħalli l-Knisja tagħna tibqa’ Knisja missjunarja, inħeġġiġkom biex kif għamlu l-Appostli nhar Għid il-Ħamsin inkunu “Knisja li toħroġ” – toħroġ mhux biss fil-pjazez biex tixxierek man-nies, imma toħroġ ukoll mill-iskemi tal-imgħoddi. Ma nagħmlux reżistenzi lill-Ispirtu. Qegħdin f’era ġdida. Kif jgħid il-Papa Franġisku, ninsabu mhux f’epoka ta’ tibdil imma f’tibdil ta’ epoka. Għalhekk assolutament ma nistgħux illum nibqgħu nxiddu l-libsa tal-bieraħ.

Insejjaħ l-għajnuna tal-Madonna li kienet preżenti fiċ-Ċenaku dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin u hija preżenti fil-Knisja llum. Kif hi nfetħet biex titgħallem il-lingwa ta’ Alla u fl-istess waqt tat “lingwa” lil Alla biex jiftiehem mill-bnedmin – għax il-Kelma saret laħam fil-ġuf tagħha – hekk hija tgħinna biex inħallu lill-Ispirtu s-Santu jagħmel minna ittra fl-alfabett ta’ Alla li dejjem huwa ġdid.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading