Is-28 anniversarju mill-mewt tal-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani


Il-qdusija fi ħdan il-Knisja għandha rwol importanti. Kif ifakkarna tajjeb il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate“sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja nsibu, b’ħafna modi, is-sejħa għall-qdusija.” U din hi propju l-milja li għaliha l-Mulej issejħilna.

Capture.PNGkk

Forsi ħafna minnha għandna idea tal-qdusija msawra mill-ikonografija li naraw fil-knejjes tagħna; ta’ qaddisin bir-raġġiera, ta’ żwiġijiet mistiċi u esperjenzi mistiċi. Iżda hemm ukoll qdusija li  timmanifesta ruħha fil-ħajja sempliċi ta’ kuljum. Kif ifakkar tajjeb il-Papa Franġisku:

“Nieħu gost inħares lejn il-qdusija fil-poplu ta’ Alla mimli sabar: fil-ġenituri li jrabbu lil uliedhom b’tant imħabba, fl-irġiel u fin-nisa li jistinkaw biex iġibu l-ħobż id-dar, fil-morda, fir-reliġjużi anzjani li jibqgħu bit-tbissima fuq wiċċhom. F’din il-perseveranza li biha jibqgħu mexjin jum wara l-ieħor nilmaħ il-qdusija tal-Knisja militanti. Din ħafna drabi hi l-qdusija ‘tal-bieb ta’ maġenbna’, ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna u huma mera tal-preżenza ta’ Alla, jew, biex ninqdew b’espressjoni oħra, tal-‘klassi medja tal-qdusija’.”

Il-Papa jkompli jikteb: “Ħafna drabi tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu.”

Hija din it-tip ta’ xhieda li offrew il-Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani tul ħajjithom. Din il-koppja, li ingħaqdet fis-Sagrament taż-Żwieġ f’April tal-1944, għexet ħajja ordinarja ħafna; ħajja li ħafna minnha jistgħu jidentifikaw magħha – rutina ta’ xogħol, qadi, trobbija ta’ familja, u t-taħbit ta’ kuljum. Imma minħabba li għexu din il-ħajja ordinarja b’imħabba kbira, b’fedeltà lejn il-Vanġelu, u b’fidi impressjonanti, kienu kapaċi jgħixu ħajja b’virtuwijiet straordinarji.

Fit-13 ta’ Lulju tal-1992, Ineż Casolani ħalliet din id-dinja. L-aħħar kitba fid-djarju tagħha tgħid hekk: “I take record of God … in Thee I have had my earthly joy.” Hija kitba li hi koerenti mal-ħajja li għexet il-Qaddeja ta’ Alla Ineż Casolani.

Bint Giovanni Felice Vassallo u Giuseppina née Portelli, Ineż twieldet fil-11 ta’ Ottubru tal-1915 f’Bormla. Minn ċkunita, Ineż kienet persuna ta’ fidi kbira li tħobb il-familja u t-tagħlim. Studjat fin-Normal School fejn tħarġet bħala għalliema. Minkejja dan, matul it-Tieni Gwerra Dinija kienet taħdem mas-Servizzi Ingliżi biex tkun tista tgħin il-familja tagħha finanzjarjament. Dan kien importanti anki peress li omm Ineż romlot fl-1937, wara l-mewt ta’ Giovanni fl-età ta’ 52 sena.

Il-vokazzjoni ta’ għalliema qatt ma’ telqet lil Ineż; filfatt, għalkemm waqfet taħdem wara ż-żwieġ, hija baqgħet tagħti lezzjonijiet tal-privat b’xejn lit-tfal li kellhom bżonn l-għajnuna. Ma’ kienitx biss tiffoka fuq l-aspett akkademiku. Ineż ta’ spiss kienet tagħtihom x’jieklu u tara li jinġabru fit-talb.

Id-dar tal-Qaddeja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani kienet post akkoljenti mimli mħabba. Kienet f’dan l-ambjent ta’ imħabba, ġabra u fidi li nibtet il-vokazzjoni ta’ binthom, Sr Cecilia Casolani. Ineż kienet tieħu ħsieb din id-dar bl-akbar għożża – anki għax kienet mogħnija b’bosta talenti. Kienet ukoll tieħu sehem attiv fl-attivitajiet tal-Paroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun fejn kienu jgħixu. Għall-istess parroċċa, kienet tikteb bosta artikli ta’ natura spiritwali u reliġjuża li jixhdu l-fidi u l-prudenza tagħha.

Il-Qaddeja ta’ Alla Ineż Casolani, għexet din il-ħajja u offriet dawn id-doni fl-ispirtu tal-Beatitudnijiet; kienet tħenn u ta’ qalb ħelwa, permezz tal-pariri tagħha kienet tipprova ġġib il-paċi u kienet tfittex li tgħix ħajjitha f’dan l-ispirtu. U f’dan l-ispirtu, hija irnexxilha tara u taqdi l-Imgħallem, li kif iffakkarna l-Papa Franġisku, “aħna msejħin nirriflettu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.”

Kitba ta’ Dr André P. Debattista

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.