Il-Mulej huwa fil-qrib!

ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 20 ta’ Diċembru 19781.Il-laqgħa tagħna tallum toffrilna l-okkażjoni għar-rabà u l-aħħar meditazzjoni dwar l-Avvent. Il-Mulej huwa fil-qrib, dan tfakkarulna kuljum il-liturġija tal-Avvent. Din il-viċinanza tal-Mulej inħossuha lkoll: kemm aħna s-saċerdoti, waqt li kuljum nirreċitaw l-“antifoni maġġuri” tal-għaġeb tal-Avvent, kif ukoll l-insara kollha li jfittxu li jħejju qlubhom u l-kuxjenzi tagħhom għall-miġja tiegħu. Naf li f’dan il-perijodu il-kunfessjunarji tal-knejjes f’pajjiżi, il-Polonja, jkunu assedjati (xejn inqas minn matul is-Randan). Naħseb li huwa hekk ukoll fl-Italja u kulfejn spirtu profond ta’ fidi jġegħlna nħossu l-bżonn li niftħu qlubna għall-Mulej li wasal biex jiġi. Il-ferħ l-iktar kbir ta’ din l-istennija tal-Avvent huwa dak li jgħixu t-tfal. Niftakar li propju huma b’iktar rieda kienu jħaffu fil-parroċċi ta’ pajjiżi għall-quddies li jiġu ċcelebrati ma’ tlugħ ix-xemx (l-hekk imsejħa “Rorate…” mill-kelma li biha tiftaħ il-liturġija, “Rorate coeli”: Nixxu, smewwiet, mill-għoli) ( 45,8). Huma kienu jgħoddu kuljum kemm  kien għad fadal “tarġiet” mit-“taraġ ċelesti” li minnu kellu jinżel Ġesù fuq l-art, biex ikunu jistgħu jiltaqgħu miegħu f’nofsillejl tal-Miled fil-presepju ta’ Betlem.

Il-Mulej huwa fil-qrib!

  1. Diġa ġimgħa ilu, tkellimna dwar dan l-avviċinament tal-Mulej. Din, infatti, kienet it-tielet tema tal-konsiderazzjoni ta’ nhar t’Erbgħa, magħżula għall-Avvent ta’ din is-sena. Immeditajna suċċessivament, waqt li morna lura għall-bidu nnifsu tal-umanità, jiġifieri għall-ktieb tal-Ġenesi, il-veritajiet fundamentali tal-Avvent: Alla li joħloq (Elohim) u f’dan il-ħolqien jirrivela fl-istess ħin Lilu nnifsu; il-bniedem, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla, “jirrispekkja” lil Alla fid-dinja maħluqa viżibbli. Dawn kienu t-temi ewlenin u fundamentali tal-meditazzjonijiet tagħna matul l-Avvent. Imbagħad it-tielet tema li tistà tkun miġbura fil-qosor fil-kelma: “grazzja”. “Alla jrid, li l-bnedmin kollha jkunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità” (1Tm2,4). Alla jrid li l-bniedem isir parteċipi fil-verità tiegħu, f’imħabbtu, fil-misteru tiegħu, sabiex  ikun jistà jieħu sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu. “Is-siġra tal-ħajja” tissimboliġġja din ir-realtà diġa sa mill-ewwel paġni tal-Iskrittura Mqaddsa. Però fl-istess paġni niltaqgħu wkoll ma’ siġra oħra: il-ktieb tal-Ġenesi isejħilha “is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” (Ġen2,16). Sabiex il-bniedem ikun jistà jiekol il-frott tas-siġra tal-ħajja, m’għandux imiss il-frott tas-siġra “tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”. Din l-espressjoni però tistà ddoqq bħala leġġenda arkajka. Però iktar ma nippenetraw “ir-realtà tal-bniedem”, bħal ma tana biex nifhmuha mill-istorja terrena –  bħal ma tkellem lil kull wieħed minna l-esperjenza umana nterna tagħna u l-kuxjenza morali tagħna – iktar nintebħu li ma nistgħux nibqgħu indifferenti, ngħollu spallejna quddiem dawn ix-xbihat bibbliċi primittivi. Kemm toqol ta’ verità eżistenzjali dwar il-bniedem dawn fihom! Verità li kull wieħed minna jħoss bħala tiegħu. Ovidju, il-poeta Ruman tal-qedem, pagan, forsi ma qalx b’mod espliċitu: “Video meliora proboque, deteriora sequor”: Nara dak li huwa l-aħjar, napprovah, imma nsegwi dak li hu agħar (Ovidio, Le Metamorfosi, VII, 20)? Il-kliem tiegħu ma jitbiegħedx wisq minn dak li iktar tard kiteb San Pawl: “Jien ma jirnexxilix nifhem linqas dak li nagħmel jien: infatti mhux dak li rrid jien nagħmel, imma dak li nobgħod” (cf. Rm 7,15). Il-bniedem innifsu, wara d-dnub oriġinali, jinsab bejn “it-tajjeb u l-ħażin”.

“Ir-realtà tal-bniedem” – l-iktar “realtà tal-bniedem” profonda – donnha tiżvolġi ruħha kontinwament bejn dak li sa mill-bidu kien definit bħala s-“siġra tal-ħajja” u dak li kien ddefinit bħala “s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”. Għalhekk ma nistgħux fil-meditazzjonijiet tagħna dwar l-Avvent, li jolqtu l-liġijiet fundamentali, ir-realtajiet essenzjali, neskludu tema oħra: dik jiġifieri li wieħed jistà jesprimi bil-kelma: id-dnub.

  1. Id-Dnub. Il-katekiżmu iwassalna b’mod sempliċi u faċli biex niftakru li dan huwa vjolazzjoni tal-kmandament ta’ Alla. Bla ebda dubju id-dnub huwa vjolazzjoni ta’ prinċipju morali, vjolazzjoni ta’ “norma”, u dwar dan naqblu lkoll, ukoll dawk li ma jridux jisimgħu diskors dwar “kmandamenti ta’ Alla”. Ukoll huma jaqblu fl-ammissjoni li n-normi morali ewlenin, il-prinċipji l-iktar elementari ta’ mġieba, li mingħajrhom il-ħajja u l-konvivenza fost il-bnedmin mhix possibbli, huma propju dawk li aħna nafu bħala “kmandamenti ta’ Alla” (b’mod partikolari ir-rabà, il-ħames, is-sitta, is-sebà u t-tmienja). Il-ħajja tal-bniedem, il-konvivenza bejn il-bnedmin, tiżvolġi ruħha f’dimensjoni etika, u hija din il-karatteristika essenzjali, u hija wkoll id-dimensjoni essenzjali tal-kultura umana.

Irrid madankollu li llum nikkonċentraw fuq dak l-“ewwel dnub” li – minkejja kemm komunement naħsbu – huwa deskritt fil-ktieb tal-Ġenesi b’tant preċiżjoni li turi l-profondità tar-“realtà tal-bniedem” miġbura fiha. Dan id-dnub “jitnissel” fl-istess ħin “’il hemm” jiġifieri mit-tentazzjoni, u “minn ġewwa”. It-tentazzjoni hija espressa fil-kliem li ġej tat-tentatur: “Alla jaf li meta tieklu, jinfetħulkom għajnejkom u ssiru bħal Alla, billi tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,5). Il-kontenut tat-tentazzjoni jolqot dak li l-Ħallieq innifsu għaġen fil-bniedem, għaliex, infatti, huwa ġie maħluq “xbiha ta’ Alla”, li jrid jgħid: “hekk bħal Alla”. Huwa jolqot ukoll ix-xewqa tal-għarfien li hemm fil-bniedem  – jiġifieri u x-xewqa tad-dinjità.  Biss li l-waħda u l-oħra jiġu ffalsifikati, hekk li x-xewqa tal-għarfien li hemm fil-bniedem bħal dik tad-dinjità – jiġifieri tax-xebħ ma’ Alla – huma fl-att tat-tentazzjoni mħaddma biex ipoġgu l-bniedem kontra Alla.    It-tentatur jpoġġi l-bniedem kontra Alla billi jissuġġerilu li Alla huwa l-avversarju tiegħu, li jfittex li jżomm lill-bniedem fl-istat tal-“injoranza”; li jfittex li “jillimitah” biex jissottomettih. It-tentatur jgħid: “Ma tmutux assolutament! Anzi, Alla jaf li hekk kif intom tieklu, jinfetħulkom għajnejkom u ssiru bħal Alla, billi ssiru tafu t-tajjeb u l-ħażin” (Skont it-traduzzjoni l-antika: “tkunu bħala allat”)  (Ġen 3,4-5).

Jeħtieġ li nimmeditaw din id-deskrizzjoni “arkajka” mhux darba biss. Ma nafx jekk ukoll fl-Iskrittura Mqaddsa jistgħux jinsabu ħafna passi oħra li fihom ir-realtà tad-dnub hija deskritta mhux biss fil-forma oriġinali tagħha, imma wkoll fl-essenza, jiġifieri fejn ir-realta tad-dnub hija ppreżentata f’dimensjonijiet hekk sħaħ u profondi, waqt li juru kif il-bniedem uża jontra Alla propju dak li fih kien ta’ Alla, dak li kellu jservi biex iqarrbu lejn Alla..

  1. Għaliex qegħdin nitkellmu dwar dan illum? Biex nifhmu aħjar l-Avvent. Avvent ifisser: Alla li se jiġi, għaliex irid li “il-bnedmin kollha ikunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità” (1Tm2,4). Gej għaliex ħalaq id-dinja u l-bniedem b’imħabba u stabilixxa miegħu l-ordni tal-grazzja.

Jiġi però “minħabba d-dnub”; jiġi “minkejja d-dnub”; jiġi biex ineħħi d-dnub.

Ma nistagħġbux għalhekk li, fil-lejl tal-Milied, ma jsibx post fid-djar ta’ Betlem u jkollu jitwieled fi stalla (fil-għar li kien iservi ta’ kenn għall-annimali).

Ferm iktar importanti huwa l-fatt li hu jiġi. L-Avvent ta’ kull sena jfakkarna li l-grazzja, u jiġifieri r-rieda ta’ Alla li jsalva l-bniedem, hija iktar qawwija mid-dnub.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.