Illum il-Knisja tfakkar lil San Alfons Marija De Liguori


Fl-1 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Alfons Marija De Liguori, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1696 sa 1787.

San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru, 1696. Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-età ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Università ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: “Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew.”

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna tal-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra. Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla d-djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi. Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awwissu 1787, ta’ 91 sena. L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma “It-Teoloġija Morali,” “Il-Glorji ta’ Marija,” u “Il-Visti lil Ġesù Sagramentat.” Fl-1839, il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

Aktar dettali
San Alfons kien iben ta’ kaptan tax-xwieni rjali. Meta kien qed jagħti rtir f’kunvent tas-sorijiet fi Scala, iltaqa’ ma’ Swor Marija Celeste u għarrfitu b’viżjoni li kellha dwar twaqqif ta’ ordni reliġjuża ġdida – u li kienet taqbel ma’ viżjoni oħra li l-Isqof Falcoia kellu aktar qabel f’Ruma. Il-qaddis għaraf li l-viżjoni kienet ġenwina. Alfons għalhekk, sena wara (fl-1731), organizza l-kunvent tas-sorijiet skont ir-regola li Swor Celeste kellha fil-viżjoni, u twaqqfet il-kongregazzjoni tas-sorijiet tas-Santissimu Redentur.

Hu mar joqgħod fi Scala fejn hemm ta bidu għat-twaqqif tal-fergħa tal-irġiel tal-Kongregazzjoni tas-Santissimu Redentur, imsejħin Redentoristi. Dawn huma ddedikati biex jipprietkaw missjonijiet speċjalment fi nħawi traskurati. L-ordni tar-Redentoristi kibret u fl-1743, il-Kunsill Ġenerali għażel lil Alfons bħala superjur.

Matul il-biċċa l-kbira tal-91 sena ta’ ħajtu, San Alfons kellu vot li ma jaħlix mument żmien. Barra li pprietka kemm felaħ missjonijiet fil-kampanja u fl-irħula, iddedika ruħu għall-kitba. Irrifjuta li jsir Isqof ta’ Palermo, imma fl-1762 kien imġiegħel jaċċetta li jsir Isqof ta’ Sant’Agata dei Goti ħdejn Napli.

Huwa inawgura programm maħsub biex jirriforma l-kleru, il-monasteri, u d-djoċesi kollha kemm huma, u ħabrek biex itaffi l-kundizzjonijiet tal-fqar u tal-injoranza.

Marid u batut bir-rewmatiżmu, li ħallieh ipparalizzat sakemm miet, huwa rriżenja minn isqof fl-1775 (wara li kien ilu 13-il sena) u rtira f’Noċera. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta naqaslu ħafna d-dawl ta’ għajnejh, sofra ħafna minħabba l-ordni tiegħu. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajtu sofra wkoll minn dipressjoni kbira spiritwali u għadda minn dak li hu msejjaħ il-lejl mudlam tar-ruħ. Imma mbagħad dan l-istat inbidel fi żmien ta’ paċi u dawl mis-sema, u esperjenza viżjonjiet, estasijiet u anki pprofetizza ġrajjiet li seħħew wara.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.