Summi Pontificatus tal-Papa Piju XII

Print Friendly, PDF & Email

 L-EWWEL ENĊIKLIKA TAL-Q.T. PIJU XII SUMMI PONTIFICATUS

DWAR L-GĦAQDA FIS-SOĊJETÀ UMANA. 20 OTTUBRU 1939

 Lill-Primati, Arċisqfijiet tad-dinja kollha li qegħdin fix-Xirka tal-Knisja Mqaddsa magħqudin mas-Sede Apostolika

 Aħwa venerabbli, is-sliem u barka lilkom.

Il-pjan misterjuż tal-Mulej irħielna f’idejna, mingħajr l-ebda mertu tagħna, id-dinjità wisq għolja u t-taħbit tqil bil-bosta tal-Pontifikat proprju fis-sena li fiha jaħbat l-erbgħin anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-bnedmin kollha lill-Qalb Santissima tal-Feddej, konsagrazzjoni proklamata lill-predeċessur immortali tagħna, Ljun XIII, meta s-seklu li għadda kien qorob lejn it-tmiem tiegħu, fil-bidu tas-Sena Mqaddsa.

  1. B’liema ferħa, b’liema ħrara w approvazzjoni ma lqajniex allura, bħala tħabbira tas-sema, l-Enċiklika Annum Sacrum proprju allura meta, billi konna għadna kemm ħadna s-saċerdozju, stajna ngħidu: Introibo ad altare Dei. U b’liema entużjażmu għaqqadna qalbna mal-ħsibijiet u mal-fehmiet li kienu jmexxu u jagħtu l-ħajja lil dan il-għemil tabilħaqq providenzjali ta’ dan il-Papa, li b’kapaċità hekk profonda kien jagħraf il-bżonnijiet u l-pjagi moħbija u mikxufa ta’ żmienu! Kif mela llum ma nistgħux inħossu rikonoxxenza profonda lejn il-Provvidenza, li riedet li l-ewwel sena tal-Pontifikat tagħna taħbat sewwasew mat-tifkira hekk importanti u għażiża tal-ewwel sena tas-saċerdozju tagħna: u kif ma nistgħux ma nilqgħux bil-ferħa din l-okkażjoni li nagħtu qima pubblika lis-Sultan tas-slaten u lis-Sid is-sidien (1 Tim 6,15; Apok 19,16), qima li ser tkun qisha t-talba tad-daħla ta’ dan il-Pontifikat tagħna, fl-ispirtu tal-Predeċessur indimentikabbli tagħna u biex inwettqu fedelment il-fehmiet tiegħu? Kif ma nagħmlux minn din il-qima il-bidu u t-tmiem tar-rieda u tat-tama tagħna, tas-sabar tagħna u tat-tbatijiet tagħna, kkonsagrati kollha għat-tixrid tas-saltna ta’ Kristu?

 

Għajn ta’ ġid li ma jitfissirx

  1. Jekk aħna noqogħdu nikkontemplaw fid-dawl tal-eternità l-ġrajjiet esterni u l-iżviluppi interni ta’ dawn l-aħħar erbgħin sena, u nqisu l-kobor u n-nuqqasijiet tagħhom, dik il-konsagrazzjoni universali lil Kristu Sultan tidher f’għajnejna dejjem iżjed fit-tifsira sagra tagħha, fis-simboliżmu tagħha ta’ talb, fl-iskop ta’ tisfija w elevazzjoni ta’ saħħa u ħelsien mill-erwieħ, u fl-istess ħin fil-għerf tagħha li jaf jara fil-bogħod, fil-ħsieb tagħha li tfejjaq u tgħolli kull għaqda ta’ bnedmin u tirsisti għall-ġid tagħhom. Dejjem u dejjem aktar din il-konsagrazzjoni tidher f’għajnejna bħala messaġġ ta’ talb u bħala ħniena ta’ Alla mhux biss lejn il-Knisja tiegħu, iżda wkoll lejn id-dinja, dinja li għandha bżonn wisq li tqum min-ngħas u li tiġi mmexxija sewwa, dinja li, għax imgħar-għra fil-qima tal-preżent, kienet qiegħda tintilef dejjem iżjed u kienet tinħela f’tiftix bla sens ta’ ideali tal-art: din il-konsagrazzjoni tidhrilna dejjem iżjed bħala messaġġ lill-umanità, li b’kotra dejjem tiżdied kienet qed titlaq il-fidi ta’ Kristu, u iżjed u iżjed it-tagħrif u l-ħarsien tal-liġi tiegħu: din il-konsagrazzjoni tidhrilna bħala messaġġ kontra konċezzjoni tad-dinja li għaliha t-tagħlim ta’ mħabba u ta’ ċaħda tal-Prietka tal-Muntanja u l-għemil divin ta’ mħabba ta’ fuq is-Salib ma kienx għajr skandlu u bluha.
  2. Bħalma ġurnata waħda l-Prekursur tal-Mulej, lil dawk li kienu qed ifittxu u jsaqsu, xandrilhom: Araw il-Ħaruf t’Alla (Ġw 1,29), biex jurihom li l-mistenni mill-ġnus kien qiegħed jgħix, għalkemm mhux magħruf fosthom; hekk ukoll il-Vigarju ta’ Kristu indirizza s-sejħa qawwija tiegħu: Arawh is-Sultan tagħkom (Ġw 19,14) lir-rinnegaturi u lid-dubjużi, lill-indeċiżi u lill-eżitanti li, jridu jew ma jridux jimxu wara l-Feddej glorjuż, dejjem ħaj u jaħdem fil-Knisja tiegħu, jew kienu qegħdin jimxu warajh bla interess u bil-lajma.
  3. Mit-tixrid u mit-tkattir tal-qima lejn il-Qalb Divina tal-Feddej, qima li sabet il-qofol splendidu tagħha, barra milli fil-Konsagrazzjoni tal-bnedmin kollha fit-tmiem tas-seklu li għadda, anki fl-istituzzjoni tal-festa ta’ Kristu Re bis-saħħa tal-Papa ta’ qabilna, minn dan it-tixrid u minn dan it-tkattir ħareġ ġid li ma jitfissirx għal erwieħ bla għadd – xmara ta’ qawwa li tferraħ il-belt ta’ Alla (Salm 45,5). Liema żmien, iżjed miż-żminijiet tagħna, għandu bżonn daqshekk ta’ dan il-ġid? Liema żmien, aktar miż-żminijiet tagħna, kien turmentat daqshekk mill-baħħ spiritwali u mill-faqar tar-ruħ, bil-progress kollu li sar f’dik li hi teknika u ħajja ċivili? Mhux forsi ta’ min japplika għaż-żminijiet tagħna l-kelma tal-Apokalissi, li ddawwal il-fehmiet tagħna: Int qed tgħid: Jiena għani u għandi mitt ġid u ma jonqosni xejn; u ma tafx li int imsejken, fqajjar, u nieqes, u agħma, u għeri (Apok 3,17)
  4. Aħwa venerabbli! Jista’ jkun hemm dmir aqwa w iżjed urġenti minn dan, li aħna nxandru l-għana li ma jistax jintlemaħ ta’ Kristu (Ef 4,8) lill-bnedmin ta’ żminijietna? U jista’ jkun hemm ħaġa ogħla minn dik li nxejru l-‘istandard’ tas-Sultan quddiem dawk li mxew u qegħdin jimxu wara bandieri qarrieqa, u li nerġgħu niksbu għall-bandiera rebbieħa lil dawk li kienu ħallewha? Liema qalb m’għandhiex taħraq bil-ħerqa li tiġri tagħti l-għajnuna, meta tara tant’aħwa li minħabba żbalji, ġibdiet, okkażjonijiet u preġudizzji tbegħdu mit-twemmin ta’ Alla veru u nfirdu mill-aħbar ferriħija u li tagħti l-ħajja ta’ Ġesù Kristu?
  5. Is-suldat ta’ Kristu – sew jekk ikun ekkleżjastiku, sew jekk ikun sekular – m’għandux forsi jħoss ruħu mqanqal u miġbud biex jgħasses iżjed, meta jara qed joktru dejjem aktar il-qtajjiet tal-għedewwa ta’ Kristu, meta jara li x-xandara ta’ dawn it-tendenzi jiċħdu u ma jagħtux kas ta’ dawn il-veritajiet li jagħtu l-ħajja u tal-valuri li jinsabu fit-twemmin t’Alla u ta’ Kristu, ifarrku b’mod sagrilegu l-liġijiet u l-kmanda-menti t’Alla biex iqiegħdu flokhom liġijiet u regoli ta’ ħajja li minnhom hija turufnata l-morali kollha, is-sustanza tas-Sinaj, l-ispirtu tad-Diskors fuq il-Muntanja, u l-ispirtu tas-Salib?
  6. Min jista’ ma jarax, mingħajr ma qalbu tinqasam bid-dwejjaq, kif din il-firda ġġib warajha ħerba ta’ biki fost dawk li, fil-jiem ta’ sikurezza u ta’ paċi kienu magħdudin bħala segwaċi ta’ Kristu, iżda jaħasra billi huma nsara tal-isem u mhux tal-għemil – fis-siegħa li fiha kien jeħtieġ li jissaportu, jissieltu, ibatu, u jilqgħu l-persekuzzjonijiet moħbija jew fil-beraħ, dawn in-nies isiru vittmi tal-biża’, tad-debbulizza, tal-inċertezza, u, maħkumin mit-twerwir quddiem is-sagrifiċċji li jkollhom ibatu minħabba t-twemmin tagħhom nisrani, ma jsibux il-qawwa li jixorbu l-kalċi morr tal-fidili ta’ Ġesù Kristu?

 

Taħt il-bandiera ta’ Kristu Sultan

  1. F’dawn il-kundizzjonijiet ta’ żmien u ta’ spirtu, Aħwa Venerabbli, jalla l-festa ta’ Kristu Re, li fiha għandha taslilkom din l-ewwel Enċiklika tagħna, tkun ta’ ħniena u ta’ tiġdid sħiħ u qawwa mill-ġdid fl-ispirtu tas-Saltna ta’ Kristu. Jalla din tkun ġurnmata li fiha l-konsagrazzjoni tal-bnedmin kollha lill-Qalb Divina, konsagrazzjoni li għandha tkun ċċelebrata b’mod partikolarment solenni, tgħaqqad fejn it-tron tas-Sultan Etern l-insara tal-ġnus kollha u n-nazzjonijiet kollha fil-qima u fir-riparazzjoni biex iġeddu Lilu u l-liġi Tiegħu ta’ verità u ta’ mħabba l-ġurament ta’ fedeltà issa u dejjem.
  2. Jalla din il-festa ta’ Kristu Sultan tkun ġurnata ta’ grazzja għall-insara, ġurnata li fiha n-nar li l-Mulej ġie biex iġib fuq l-art, jitkebbes u jikber fi fjamma safja u li tarmi aktar dawl. Jalla tkun ġurnata ta’ grazzja għall-birdin, għall-għajjenin, u jalla l-qlub ta’ dawn in-nies li saru beżżiegħa, jagħtu frott ġdid ta’ spirtu ġdid u ta’ saħħa ġdida tar-ruħ. Jalla din il-ġurnata tkun ġurnata ta’ grazzja anke għal dawk li ma jagħrfux lil Kristu jew li tilfuh; ġurnata li fiha togħla lejn is-Sema minn miljuni ta’ qlub fidili t-talba: Jalla d-dawl li jdawwal lil kull bniedem li jiġi f’din id-dinja (Ġw 1,9), jurihom it-triq tas-saħħa, u jalla l-grazzja tiegħu tqanqal fil-qalb inkwieta tal-mifrudin ix-xewqa li jerġgħu jiksbu l-ġid etern, xewqa li ġġagħlhom imorru għand Dak, li minn fuq it-tron duluru tas-Salib għandu l-għatx ta’ ruħhom ukoll, u xewqa u ħerqa li Hu jsir għalihom ukoll it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja (Ġw 14,6).

 

Ringrazzjament ta’ Missier

  1. Billi qegħedna din l-ewwel Enċiklika tal-Pontifikat tagħna taħt is-sinjal ta’ Kristu Re b’qalb mimlija tama w fiduċja, inħossuna żguri għal kollox li din l-Enċiklika tiġi milqugħa bl-approvazzjoni u bl-entużjażmu mill-merħla kollha tal-Mulej. L-esperjenzi, l-inkwiet u t-tiġrib tas-siegħa li għaddejjin minnha jqajmu, isaħħu u jsaffu s-sentiment tal-komunità tal-familja kattolika fi grad li rarament rajna bħalu. Dan, li għaddejjin minnu, jqanqal f’dawk li jemmnu f’Alla xi ħaġa li ġġiegħelhom iħossu theddida fuqhom ilkoll.
  2. Minn dan l-ispirtu ta’ komunità kattolika, li żdied hekk bil-qawwi f’ċirkostanzi hekk iebsa, minn dan l-ispirtu li hu ġabra w affermazzjoni li tfisser rieda soda u rieda ta’ rebħ, aħna ħassejna xi ħaġa minnu, bħal żiffa ta’ faraġ li ma jintesa qatt, li f’dawk il-jiem, li fihom imbeżżgħin iżda mimlija bit-tama f’Alla, aħna ħadna pussess tal-Kattedra mħollija vojta bil-mewt tal-Kbir Papa ta’ qabilna.
  3. Bit-tifkira ħajja tax-xhieda ta’ mħabba ta’ wlied lejn il-Knisja u lejn il-Vigarju ta’ Kristu, xhieda murija lilna fl-okkażjoni tal-għażla u nkurunazzjoni tagħna, turija hekk tenera, hekk sħiħa, hekk spontanea, nifirħu naħtfu din l-okkażjoni hekk f’waqtha biex ngħidu lilkom, Aħwa Venerabbli, u lil dawk kollha li huma fil-merħla tal-Mulej, kelma ta’ ringrazzjament għal dan il-vot ta’ mħabba mimli qima u fedeltà sħiħa lejn il-Papat, qima u fedeltà li bihom ġiet magħrufa l-missjoni providenzjali tas-Sommu Saċerdot u tar-Ragħaj Suprem.
  4. Ladarba tabilħaqq li dawn il-manifestazzjonijiet kollha ma setgħux ikunu saru għall-wiċċ il-persuna fqajra tagħna, iżda saru għall-wiċċ il-kariga unika u l-iżjed għolja li għaliha l-Mulej għoġbu jgħollina. Għaliex, jekk minn banda minn dak il-ħin stess ħassejna l-piż tar-responsabbiltajiet gravi li jinsabu fis-Setgħa Suprema, mill-banda l-oħra kien ta’ faraġ għalina li naraw dik id-dimostrazzjoni grandjuża u ċara tal-unità li ma tistax tinfired tal-Knisja Kattolika, li qed tingħaqad aktar sħiħa mal-blata li ma tistax titfarrak ta’ Pietru u li tifforma ma’ din il-blata tant u tant swar u ħitan qawwija, aktar tiżdied il-qilla tal-għedewwa ta’ Kristu.
  5. Din l-istess wirja ta’ unità kattolika mad-dinja kollha, u ta’ fraternità sopra-naturali tal-ġnus madwar il-Missier komuni, kien jidhrilna li hi mogħnija b’tama qawwija daqstant, daqskemm huma t-traġiċi ċ-ċirkostanzi materjali u spiritwali taż-żmien li fih seħħet. Dik it-tifkira kompliet tfarraġna anke fl-ewwel żminijiet tal-Pontifikat tagħna li fihom ġà ħassejna t-taħbit, l-inkwiet u t-tiġrib li bihom hi miżgħuda t-triq li trid tgħaddi minnha fid-dinja l-Għarusa ta’ Kristu.
  6. Anqas irridu ma nsemmux kemm ħassejna u kemm tqanqlet qalbna bir-rikonoxxenza, meta smajna l-awguri ta’ dawk li, għalkemm m’għandhomx sehem fil-Ġisem viżibbli tal-Knisja, madankollu ma nsewx fin-nobiltà u fis-sinċerità tagħhom li jħossu dak kollu li, fl-imħabba lejn il-Persuna ta’ Kristu jew fit-twemmin f’Alla, jgħaqqadhom magħna. Lilhom ilkoll jien nesprimi l-gratitudni tiegħi. Aħna nqiegħdu lil kull wieħed taħt il-ħarsien tat-tmexxija tal-Mulej u niżguraw solennement li ħsieb wieħed qed isaltan ġewwa moħħna: li nimitaw l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb biex immexxu lil kulħadd lejn il-vera ferħ: sabiex ikollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra (Ġw 10,10).

 

L-Opra Provvidenzjali tat-Trattat tal-Lateran

  1. Iżda speċjalment inħossuna li għandna nuru, b’mod li tidher, il-gratitudni intima tagħna għas-sinjali ta’ ġieħ u ta’ qima li wasluna minn Sovrani, Kapijiet ta’ Stati u Awtoritajiet Pubbliċi ta’ dawk in-nazzjonijiet li magħhom is-Sante Sede hija ħabiba. U mbagħad qalbna tifraħ wisq meta niftakru li fl-ewwel Enċiklika indirizzata lill-poplu nisrani mxerred mad-dinja kollha, nistgħu ndaħħlu wkoll lill-maħbuba Italja, ġnien li ta ħafna frott ta’ dik il-fidi mħawla mill-Prinċep tal-Appostli, lil dik l-Italja, li bis-saħħa tal-opra tal-Patrijiet tal-Lateran tokkupa issa l-post tal-unur fost dawk l-Istati rappreżentanti uffiċjalment mas-Santa Sede. Minn dawn il-pattijiet kellha bidu feliċi, bidu ta’ għaqda trankwilla u ftraterna bejn l-artali u s-soċjetà, il-paċi ta’ Kristu mogħtija lura lill-Italja; paċi, li għalih nitolbu lill-Mulej, paċi li jalla timla, tixtered, issaħħaħ u tferraħ bil-bosta u bil-qawwa lir-ruħ tal-poplu Taljan, poplu li hu tant qrib lejna, li fostu aħna qed nieħdu l-istess nifs li qed jagħ-tina l-ħajja: nitolbu lill-Mulej u nawguraw lilna nfusna li dan il-poplu tant għażiż għall-Predeċessuri tagħna u għalina, fidil lejn it-tradizzjonijiet kattoliċi tiegħu, iħoss dejjem iżjed fil-protezzjoni qawwija t’Alla l-verità tal-kelmiet tas-Salmista: Imbierek il-poplu li b’Alla tiegħu għandu lill-Mulej.
  2. Din is-sitwazzjoni ġdida spiritwali li ġiet inawgurata minn din l-opra, opra li għad tħalli impressjoni li ma titħassar qatt fl-Istorja, li ġiet inawgurata għall-Italja u għad-dinja kollha Kattolika, ma dehritilna qatt daqshekk grandjuża w unifikatriċi daqskemm meta minn fuq il-loġġa għolja tal-Bażilika Vatikana aħna ftaħna w għollejna għall-ewwel darba dirgħajna w idna biex inbierku lil Ruma, Sede tal-Papat u l-Belt il-maħbuba fejn twelidna, biex inbierku lill-Italja rikonċiljata mal-Knisja u lill-ġnus tad-dinja kollha.

 

Id-dmir tal-Vigarju ta’ Kristu

  1. Bħala Vigarju ta’ Dak li f’siegħa ta’ ħajja u ta’ mewt għalih, quddiem ir-rappreżentant tal-ogħla awtorità fuq l-art ta’ dak iż-żmien, qal il-kbar kelmiet: Jien twelidt u ġejt fid-dinja biex nagħti xhieda lis-sewwa; kull min jisma’ s-sewwa jisma’ leħni (Ġw 18,37), aħna xejn ma nħossu iżjed dmir tal-kariga tagħna u dmir lejn żminijietna, billi nagħtu bil-qawwa tal-Appostli xhieda lis-sewwa testimonium perhibere veritati. U dan id-dmir jikkomprendi neċessarjament li nesponu u nwaqqgħu l-iżbalji u l-ħtijiet tal-bnedmin, li jeħtieġ jiġu magħrufa sabiex tkun tista’ ssir il-kura u l-fejqan: tagħrfu l-verità u l-verità tagħmilkom liberi (Ġw 8,32).
  2. U biex inwettqu dan dmirna, aħna ma nħallux ruħna niġu nfluwenzati minn konsiderazzjonijiet ta’ din l-art u anqas dan dmirna m’aħniex sejrin ma nwettquhx minħabba l-biżà li nistgħu ma niġux fdati jew li nistgħu inqajmu kuntrasti, jew li dan dmirna jista’ jiġi rrifjutat jew li ma jinftiehemx, u anqas ma hu sejjer iżżommna l-biżà li dan dmirna ma jiġix magħruf sewwa jew li jiġi nterpretat ħażin.
  3. Iżda aħna dan dmirna nwettquh, imsaħħin minn dik l-imħabba ta’ Missier li waqt li tbati minħabba l-gwaj li qed jaħqar lill-ulied, turihom it-triq tal-fejqan, billi nagħmlu ħilitna ħalli nsiru nixbhu l-mudell Divin tar-ragħajja li hu r-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù, Dawl u Mħabba flimkien: billi nimxu wara s-sewwa bl-imħabba (Ef 4,15).
  4. It-triq waħdanija tal-ħelsien qiegħda filli jiġu magħrufin id-drittijiet ta’ Sultan lil Kristu, u meta l-individwi u s-soċjetà jerġgħu lura għal għand il-liġi tal-veritajiet tiegħu u tal-imħabba tiegħu.
  5. F’dan il-waqt li fih, Aħwa Venerabbli, qed niktbulkom dawn il-kelmiet, waslitilna l-aħbar tal-biżà li r-riefnu terribbli tal-gwerra, għalkemm aħna għamilna ħafna sforzi biex inbegħduh, ġà faqqa’. Il-pinna tagħna trid kieku tieqaf, meta noqogħdu naħsbu fuq il-bosta tbatijiet ta’ nies bla għadd, li sal-bieraħ kienu qegħdin igawdu ferħanin il-familji tagħhom. Il-qalb tagħna ta’ Missier titnikket u tibki meta naraw xi frott jista’ joħroġ miż-żerriegħa mudlama tal-vjolenza, żerriegħa li qed issib art tajba fejn tpoġġi, art miftuħa bis-saħħa tax-xabla mċappsa bid-dmija.
  6. Iżda proprju quddiem din id-dehra ta’ biżà u ta’ ħerba li ġejja fuqna u li għad trid tiġi ‘l quddiem, inħossu li hu dmirna li ngħollu bl-insistenza l-għajnejn u l-qlub ta’ dawk li għad baqa’ fihom xi ftit ta’ rida tajba lejn dak il-Wieħed li minnu ġejja s-salvazzjoni tad-dinja – lejn dak il-Wieħed, li idU biss, id tal-ħniena u setgħana, tista’ twaqqaf dan ir-riefnu – lejn dak il-Wieħed, li bil-verità u bl-imħabba tiegħU jista’ jdawwal l-imħuħ u jkebbes l-erwieħ ta’ tant u tant bnedmin fost din l-umanità imgħargħra fl-iżbalji, fl-imħabba tagħha nfisha, fil-ġlied u fit-taqbid, biex jerġa’ jgħaqqadha fl-armonija mill-ġdid, fl-ispirtu ta’ Kristu Sultan.
  7. Forsi – jalla jkun hekk – nistgħu naħsbu u nittamaw li din is-siegħa ta’ faqar u ta’ miżerja mill-akbar tkun ukoll siegħa li fiha qed jitbiddlu l-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ bosta li s’issa b’fiduċja għamja kienu mexjin wara l-iżbalji tant imxerrdin ta’ żminijietna mingħajr ma kienu biss jaħsbu kemm kienet qarrieqa u nċerta t-triq li kienu mexjin fiha. Forsi bosta li ma kinux jifhmu l-importanza tal-missjoni edukatriċi u pastorali tal-Knisja, jispiċċaw biex issa jifhmu aħjar it-twissijiet tal-Knisja, li ma tawx kas tagħhom għax tqarrqu u ħasbu li qegħdin fis-sod.In-niket tallum huwa l-isbaħ difiża tal-Kristjaneżmu, difiża li ma tistax tkun aktar impressjonanti milli hi. Mill-abbissi ta’ waħx, ta’ żbalji u ta’ movimenti kontra t-twemmin nisrani ħareġ frott tant morr li huwa l-kundanna ta’ dawn il-movimenti, kundanna li hi tant qawwija li m’hemmx bżonn iżjed li twaqqagħhom bl-argumenti.
  8. Sigħat ta’ niket u ta’ delużjoni bħal dawn huma ta’ spiss is-sigħat tal-grazzja – Meta jkun għaddej il-Mulej (Eż 12,11), sigħat li fihom għall-kelma tal-Feddej: arawni, jiena qiegħed fil-bieb u qed inħabbat (Apok 3,20), jinfetħu bibien li f’mumenti oħra kienu jibqgħu magħluqa. Alla jaf b’liema mħabba u kompassjoni, b’liema ferħ qaddis Qalbna ddur fuq dawk, li minħabba esperjenzi tant dolorużi, iħossu ġewwa fihom ix-xewqa li timbuttahom għas-saħħa u għas-sewwa, għall-ħaqq u għall-paċi ta’ Kristu. Iżda anki għal dawk li għadha ma daqqitx għalihom is-siegħa li fiha jiġu mdawlin mis-Sema, il-qalb tagħna m’għandhiex ħlief imħabba, u fommna ma jtennix ħaġa oħra għajr talba lill-Missier id-dawl, sabiex Hu jġiegħel tiddi fuqhom, li huma ndifferenti u għedewwa ta’ Kristu, id-dija ta’ dak id-dawl li darba biddel lil Sawlu f’Pawlu, ta’ dak id-dawl li wera l-qawwa misterjuża tiegħu proprju fil-mumenti l-aktar ibsin tal-ħajja tal-Knisja.

 

L-Iżbalji ta’ żminjietna

  1. Espożizzjoni ta’ duttrina kontra l-iżbalji ta’ żminijietna nistgħu inħalluha, jekk ikun meħtieġ, għal żmien ieħor anqas imqalleb mill-ġrajja li qed naraw: issa ser nillimitaw ruħna għal xi osservaz-zjonijiet fundamentali.
  2. Iż-żmien tallum, Aħwa Venerabbli, billi żied mad-duttrini ħżiena u mal-iżbalji tal-imgħoddi, żbalji oħra ġodda, tkaxkar f’estrem, li minnu ma setax joħroġ ħlief telfien u ħerba. U qabel kollox, hija ħaġa ċerta li l-qalba profonda tal-gwaj kollu, li qed nibku fuqu fis-soċjetà moderna, hija ċ-ċaħda u r-rifjut ta’ liġi u ta’ moralità universali, kemm fil-ħajja tal-individwi, kemm fil-ħajja soċjali u kemm fir-relazzjonijiet internazzjonali; il-gwaj qiegħed li mhix tiġi magħrufa u qed tiġi minsija għal kollox, u bosta qed jagħmluh dan, dik l-istess liġi naturali li għandha l-bażi tagħha f’Alla stess, Ħallieq li jista’ kollox u Missier ta’ kulħadd, leġiżlatur fuq kulħadd u fuq kollox, Imħallef, li jaf kollox u tal-ħaqq, ta’ kull għemil tal-bniedem. Meta Alla jiġi miċħud, titqanqal ukoll mill-għeruq kull bażi ta’ moralità, tiġi maħnuqa jew almenu ssir ferm dgħajfa l-vuċi tan-natura li tgħallem anke lill-injoranti u lit-tribujiet li għadhom ma laħqux iċ-ċiviltà, dak li hu sewwa u dak li mhux, dak li jiswa u dak li ma jiswiex, dik il-liġi tan-natura li ġġiegħelek tħoss ir-responsabbiltà tal-għemil tiegħek quddiem l-Imħallef fuq kulħadd.
  3. Meta ċ-ċaħda tal-bażi fondamentali tal-moralità taf il-bidu nett tagħha minn dik il-firda minn dik id-duttrina ta’ Kristu, li tagħha l-Kattedra ta’ Pietru hija mgħallma u depożitarja; duttrina li dari kienet tat il-għaqda spiritwali lill-Ewropa li, mħarrġa, magħmula aktar rikka u ċivilizzata mis-Salib waslet fi progress ċivili tant, li setgħet issir l-imgħallma ta’ ġnus oħra u ta’ kontinenti oħra. Meta iżda din l-Ewropa tbiegħdet mit-tagħlim li ma jistax jitqarraq tal-Knisja, mhux ftit mill-aħwa mifruda waslu biex saħansitra jiċħdu d-domma ċentrali tat-twemmin nisrani, id-Divinità tal-Feddej, u hekk għaġġlu biex jissuktaw iħarbtu l-kamp spiritwali.

 

Sinjali ta’ paganiżmu

  1. Jgħidilna l-Vanġelu Mqaddes li meta Ġesù ġie msallab, sar id-dlam fuq kollha kemm hija l-art (Mt 26,4): simbolu tal-biżà ta’ dak li ġara u għadu qed jiġri spiritwalment, kull fejn in-nuqqas u ċ-ċaħda tat-twemmin, ċaħda li tiġi mill-għama u mill-kburija, keċċew lil Kristu mill-ħajja moderna, speċjalment mill-ħajja pubblika, u bid-daqqa li taw lit-twemmin fi Kristu, ċaqalqu mill-għeruq it-twemmin f’Alla. Ir-regola morali, li biha fi żminijiet oħra kienu jiġu mgħarbla l-għemejjel privati u pubbliċi, per konsegwenza m’għadhiex moda, u s-soċjetà lajka li dejjem miexja ‘l quddiem, li neħħiet il-bniedem, il-familja u l-Istat mill-influwenza ta’ ġid u ta’ tiġdid li ġejja mill-idea t’Alla u mit-tagħlim tal-Knisja, din is-soċjetà lajka qed iġġiegħel jidhru, (anki f’dawk l-inħawi li fihom għal tant sekli ddew l-isbaħ dwal taċ-ċiviltà nisranija), dejjem iżjed ċari, dejjem iżjed qawwija, dejjem iżjed ta’ niket – is-sinjali ta’ paganiżmu mħassar u li jħassar: Meta sallbu lil Ġesù sar id-dlam.
  2. Bosta, forsi, meta kienu qed jitbiegħdu mit-tagħlim ta’ Kristu ma fehmux biżżejjed li kienu qed jiġu mqarrqa minn dawl taparsi ta’ frażijiet sbieħ u ta’ kliem li jleqq, li kienu jxandru, li din il-firda minn Kristu kien ħelsien mill-jasar li fih kienu jgħixu qabel; u anqas kienu kapaċi jilmħu l-konsegwenzi ta’ biki li ġibitilhom din il-bidla tal-verità li tagħti l-ħelsien, mal-qerq li jgħassar; anqas biss kienu jaħsbu, li meta ma ridux iżjed taħkem fuqhom il-liġi, għarfa bla qies u mimlija mħabba ta’ Missier, m’Alla, li meta ma ridux jisimgħu iżjed bit-tagħlim, li jgħolli u li jgħaqqad, tal-imħabba ta’ Kristu, huma kienu qegħdin jerħu ruħhom f’idejn l-imsejken għerf tal-bnedmin li jinbidel ma’ kull riħ: semmew il-progress, meta kienu qed jimxu lura; qalu li kienu qegħdin jogħlew, meta tabilħaqq kienu qegħdin jitbaxxew; qalu li kienu saru rġiel, meta verament kienu waqgħu fil-jasar; ma lemħux in-nuqqas ta’ saħħa ta’ kull sforz tal-bniedem biex idaħħal flok il-liġi ta’ Kristu xi ħaġa oħra li tkun bħalha u daqsha: saru boloh fir-raġunamenti tagħhom (Rum 1,21).
  3. U meta naqset il-fidi f’Alla u f’Ġesù, u meta ntefa fl-erwieħ id-dawl tal-prinċipji morali, ġie mqaċċat mill-qiegħ l-uniku pedament ta’ dik l-ordni u trankwillità, ta’ dak l-ordni estern u intern, privat u pubbliku, li waħdu biss jista’ jnissel u jħares il-ġid tal-Istati.
  4. Ċertament, anki meta l-Ewropa kienet qisha aħwa f’familja, magħquda f’ideali, l-istess ideali li ġew imnisslin mill-predikazzjoni nisranija, kien hemm ukoll ġlied, taqlib u gwerer li ħarbtuha: iżda qatt forsi ma nħass l-iskoraġġiment taż-żminijiet tagħna biex tirranġa dan il-ġlied, billi kienet għadha ħajja ġewwa l-qlub l-idea ta’ dak li hu sewwa u dak li mhux, ta’ dak li jiswa jsir u ta’ dak li ma jiswiex, idea li tgħin il-ftehim u trażżan il-ħarba tal-passjonijiet, u tħalli miftuħa t-triq għal ftehim onest. Fil-ġurnata tallum, kuntrarjament, il-għelt mhux ġej biss minn qilla ta’ passjoni li ma tridx titrażżan, iżda minn kriżi qawwija tar-ruħ, li qanqlet mil-għeruq il-prinċipji sodi tal-morali pubblika u privata.

 

Il-liġi tal-imħabba ntesiet għal kollox

  1. Fost il-kotra tal-iżbalji li ħerġin mill-għajn tas-sistema mingħajr reliġjon, sistema li ma tagħrafx reliġjon u morali, irridu niġbdu l-attenzjoni tagħkom, Aħwa Venerabbli, fuq żewġ żbalji partikolarment, bħala dawk li qed jagħmluha xi ħaġa kważi impossibbli, almenu ħaġa dejjem inċerta u dubjuża, il-ħajja fil-paċi bejn il-ġnus.
  2. L-ewwel fost dawn l-iżbalji qarrieqa, żball li llum huwa mxerred bil-bosta, huwa dak li nessa għal kollox dik il-liġi ta’ għaqda u mħabba bejn il-bnedmin, liġi magħmula u kkmandata kemm mill-istess bidu u mill-istess natura li kull bniedem għandu bħall-bnedmin l-oħra, ikun x’ikun il-ġens li jagħmel minnu, kemm mis-sagrifiċċju ta’ fidwa mwettaq minn Ġesù Kristu fuq l-artal tas-Salib, lill-Missier tiegħu tas-Sema għall-bnedmin kollha midinbin.
  3. Infatti l-ewwel paġna tal-Kitba Mqaddsa b’sempliċità grandjuża, tħabbrilna kif Alla, bħala qofol tal-għemil ħallieq tiegħu, għamel il-bniedem xbieha u mera tiegħu (Ara Ġen 1,26-27); u l-istess Kitba Mqaddsa tgħallimna kif dan Alla lill-bniedem għanieh b’doni u privileġġi fuq in-natura u ddestinah għall-ħajja ta’ hena ta’ dejjem li ma tistax titfisser. Turina wkoll il-Kitba Mqaddsa kif mill-ewwel raġel u mara kellhom il-bidu tagħhom il-bnedmin l-oħra, u tissokta turina, bi kliem qisu tpinġija, kif dawn il-bnedmin tqassmu fi gruppi magħżulin u kif xterdu ma’ tulek ja art. U anke meta tbiegħdu mill-Ħallieq, Alla ma waqaf qatt li jagħrafhom b’uliedu, li, skont il-pjan tal-ħniena tiegħu, kellhom ġurnata jerġgħu ikunu magħqudin miegħu fil-ħbiberija tiegħu. (Ara Ġen 12,3).
  4. L-Appostlu tal-ġnus sar imbagħad ix-xandar ta’ din il-verità, li tgħaqqad lill-bnedmin kollha bħal aħwa f’familja waħda, meta ħabbar lid-dinja Griega li Alla “silet minn għerq wieħed in-nisel kollu tal-bnedmin, sabiex jgħammru wiċċ l-art kollha kemm hi, u jgħaddu ħajjithom kollha u għomorhom minn tarf sa tarf, ifittxu lill-Mulej” (Atti 17,26).

 

Il-bnedmin kollha huma fondamentalment magħqudin f’familja waħda

  1. X’dehra tal-għaġeb hija din, li ġġegħelna nikkuntemplaw il-ġeneru uman magħqud, għax kull bniedem jaf il-bidu tiegħu mingħand Alla: Alla Wieħed u Missier ta’ kulħadd, Dak li hu fuq kulħadd u għal kulħadd u f’kulħadd: il-ġeneru uman huwa magħqud, għax il-bnedmin kollha għandhom natura wieħed bħal tal-ieħor, kulħadd l-istess b’ġisem materjali u b’ruħ spiritwali li ma tmut qatt: il-ġeneru uman huwa magħqud għax kulħadd għandu skop l-istess fid-dinja u kulħadd għandu missjoni xorta: huwa magħqud, għax il-bnedmin kollha jgħammru l-istess art, li tagħti l-ġid tagħha lil kull bniedem bil-jedd tan-natura, sabiex il-bnedmin jistgħu iżommu u jissaħħu fil-ħajja: huwa magħqud, għax wieħed hu l-fini soprannaturali ta’ kull bniedem, u xorta għal kull bniedem huma l-mezzi biex jintlaħaq dan il-fini.
  2. U l-Appostlu nnifsu jurina kif l-umanità hija waħda anki f’dak li kellha x’taqsam mal-Iben t’Alla, xbieha ta’ dak Alla li ma jidhirx, li fih inħolqu l-ħwejjeġ kollha (Kol 1,16); wieħed huwa l-prezz li Kristu ħallas għal kulħadd, prezz li reġa’ ġedded il-ħbiberija ma’ Alla tal-ewwel żminijiet, ħbiberija li kienet intilfet, ħbiberija li reġgħet seħħet bis-saħħa tat-tbatijiet ħorox u Mqaddsa ta’ dan Ġesù li daħal biex terġa’ ssaltan il-paċi bejn Alla u l-bniedem: ladarba Alla huwa Wieħed, Wieħed ukoll huwa l-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù (1 Tim 2,5).
  3. U biex aktar isaħħaħ u jgħaqqad din il-ħbiberija bejn Alla u l-bnedmin, dan l-istess Medjatur Divin u universali ta’ saħħa u ta’ paċi, fis-sikta qaddisa taċ-Ċenaklu, qabel ma temm is-Sagrifiċċju tal-aħħar, ħalla toħroġ minn fommu d-divin, il-kelma li ġiebet u qanqlet eroiżmi ta’ mħabba f’nofs dinja bla mħabba u mtertqa mill-mibegħda: Din hi t-twissija tiegħi: ħobbu wieħed lill-ieħor, bħalma jiena ħabbejt lilkom (Ġw 15,12).
  4. Dawn huma veritajiet soprannaturali, li jitfgħu pedamenti sħaħ u fil-qiegħ, u li jgħaqqdu rabtiet sodi bejn kull bniedem, rabtiet ta’ għaqda imsaħħin mill-imħabba t’Alla u tal-Feddej Divin, li mingħandu kulħadd jaf is-saħħa, sabiex jinbena l-ġisem ta’ Kristu, sakemm naslu lkoll għall-għaqda tat-twemmin, għat-tagħrif mitmum tal-Iben t’Alla, għall-Istat ta’ bnedmin perfetti, skont il-qies tal-milja ta’ Kristu. (Efes 4,12-13).
  5. Imdawlin b’din l-idea ta’ għaqda, li teżisti bil-jedd u bil-fatti bejn l-imseħbin tal-umanità kollha kemm hi, l-individwi ma jidhrulniex iżjed mifruda minn xulxin bħal ħafna trabiet tar-ramel: iżda magħqudin ma’ xulxin bejniethom f’armonija perfetta, kulħadd bil-parti tiegħu x’jagħmel, partijiet li jvarjaw bħalma jvarja t-temp, skont il-missjoni u l-grazzji mogħtija lilhom naturalment u soprannaturalment.
  6. U l-ġnus kollha, waqt li pperfezzjonaw irwieħhom u ngħażlu minn xulxin, skont il-kundizzjonijiet differenti ta’ ħajja u ta’ kultura proprja ta’ kull wieħed minnhom, m’humiex destinati biex iqaċċtu l-għaqda tal-ġeneru uman, iżda biex jagħnuha u jsebbħuha, billi kull ġens jagħti lill-ieħor minn dak li għandu, kull wieħed mill-ġid li għandu, bidla li tista’ sseħħ u ssir, biss kemm-il darba l-imħabba ta’ bejn l-aħwa, imħabba li tinħass tassew, imħabba qawwija, tgħaqqad l-ulied kollha tal-istess Missier u l-mifdijin kollha mill-istess Demm divin.
  7. Il-Knisja ta’ Kristu, depożitarja fedelissima tal-għerf u t-tagħlim divin, ma jistax jgħaddi minn rasha, u anqas qed jgħaddi minn rasha li tnaqqas jew li twaqqa’ s-siwi tal-karatteristiċi partikolari, li kull poplu għandu, karatteristiċi li jiġu mgħassin b’għira li għandek tistenniha, u mħarsin qishom wirt li jiswa bil-bosta. L-iskop tal-Knisja hija l-għaqda soprannaturali, għaqda ta’ mħabba mxerrda kullimkien, għaqda li tinħass u li tiġi prattikata; mela l-iskop tal-Knisja mhux l-uniformità: il-Knisja ma tridx li kull ġens ikun l-istess esternament u superfiċjalment, għax din tkun ħaġa li tnaqqas is-siwi u l-ħila tal-ġnus.
  8. Dak kollu, dawk id-direttivi u kuri li jistgħu b’għaqal u ordni jsaħħu u jiżviluppaw il-forzi u t-tendenzi partikolari ta’ kull poplu, li għandhom il-għerq tagħhom fil-qalba ta’ kull razza, sakemm m’humiex kontra d-dmirijiet li l-umanità għandha minħabba l-bidu komuni u l-iskop komuni, dawn it-tendenzi u l-forzi l-Knisja ssellmilhom u tawguralhom mitt ġid b’imħabba ta’ omm.
  9. Il-Knisja wriet kemm il-darba, fil-ħidma missjunarja tagħha, li din ir-regola dejjem imxiet fuqha fl-apostolat universali tagħha. Ir-riċerki bla għadd u t-tiftix mill-bidu nett; riċerki magħmulin b’imħabba u b’sagrifiċċji kbar mill-missjunarji ta’ kull żmien, kellhom bi skop li jħaffu l-komprensjoni u l-ġieħ lejn iċ-ċiviltajiet l-aktar differenti, u li jġiegħlu l-valuri spiritwali ta’ kull ċiviltà jagħtu l-frott tagħhom bis-saħħa tal-ħajja mlaqqma fihom bil-predikazzjoni tal-Vanġelu ta’ Kristu. Dak kollu li f’dawn id-drawwiet w użanzi m’għandux x’jaqsam għal kollox ma’ żbalji reliġjużi, dejjem isib fil-Knisja eżami bl-imħabba, u meta jista’ jkun, il-Knisja dawn id-drawwiet tħarishom u ġġibhom ‘il quddiem.
  10. U l-Papa ta’ qabilna, ta’ memorja qaddisa u venerata, billi mexa fuq din ir-regola f’kwistjoni partikolarment delikata, ħa deċiżjonijiet li jixhdu l-qawwa ta’ mħabba u li jgħollu monument lill-kobor tal-għaġeb tad-dehen tiegħu u lill-ħerqa tal-apostolat tiegħu. Anqas jeħtieġ, Aħwa Venerabbli, li Aħna nħabbrulkom li beħsiebna nimxu mill-istess triq. Dawk kollha li jidħlu fil-Knisja, ikun x’ikun l-għerq li ħarġu minnu u l-ilsien li jitkellmu bih, għandhom ikunu jafu li għandhom l-istess dritt ta’ wlied fid-dar tal-Mulej, fejn taħkem il-liġi u l-paċi ta’ Kristu. Biex timxi fuq dawn ir-regoli ta’ ugwaljanza, il-Knisja qed taħdem kemm tiflaħ biex tifforma kleru elevat nattiv ta’ kull pajjiż, u biex tkabbar l-għadd ta’ Isqfijiet nativi.
  11. U biex nuru minn barra l-fehma tagħna, għażilna l-festa li ġejja ta’ Kristu Re, biex ngħollu għad-dinjità ta’ Isqfijiet, fuq il-qabar tal-Prinċep tal-Appostli, tnax-il rappreżentant ta’ razez l-aktar diversi u differenti. Quddiem il-ġlied li qed itertaq il-familja tal-bnedmin, jalla dan l-għemil solenni jxandar ma’ wliedna kollha, imferrxin mad-dinja, li l-ispirtu, t-tagħlim u l-ħidma tal-Knisja ma tista’ tkun qatt għajr dik li l-Appostlu tal-ġnus kien ixandar: “Ilbsu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded billi juri ruħu jaqbel max-xbieha ta’ Dak li ħalqu, fih ma hemmx iżjed Grieg u Lhudi, ċirkonċiż, barbaru u skita, ilsir u liberu, iżda, f’kulħadd u f’kull wieħed.” (Kol 3,10-11).

L-imħabba nisranija t’ art twelidna

  1. U lanqas għandu għalfejn xi ħadd jibża’ li din l-imħabba ta’ bejn l-aħwa, imħabba mqanqla u nkoraġġuta mit-tagħlim nisrani, bis-sentimenti li ġġib magħha, m’humiex ser ikunu jaqblu mal-imħabba għat-tradizzjonijiet u għall-kobor t’ art twelidu, jew ifixklu x-xogħol għall-prosperità u għall-interessi leġittimi tagħha. Dan għaliex l-istess tagħlim tal-Knisja jgħallem li meta titħaddem l-imħabba, hemm ordni kif għandha titħaddem, ordni stabilit minn Alla, u skont dan l-ordni jeħtieġ li tħobb aktar bil-qawwa u tagħmel il-ġid qabel kulħadd lil dawk li huma magħqudin magħha b’rabtiet speċjali. Anke l-Imgħallem Divin urina kif inhi din il-preferenza lejn art twelidu, meta beka fuq il-ħerba li kienet thedded lill-Belt Imqaddsa. Iżda l-imħabba ġusta u leġittima lejn artna m’għandhiex tagħlqilna għajnejna għall-imħabba universali nisranija, li ġġiegħlek tara lill-oħrajn ukoll u l-ġid tagħhom fid-dawl mimli paċi tal-imħabba.
  2. Din mela hija d-duttrina tal-għaġeb, ta’ mħabba u ta’ paċi, li bl-isforzi nobbli tagħha tant għamlet biex jiġi ‘l quddiem il-progress ċivili u reliġjuż tal-umanità. U x-xandara ta’ din l-imħabba, imqanqlin minn imħabba soprannaturali, mhux biss ħadmu l-art u fejqu mard, iżda fuq kollox tejbu, biddlu w għollew il-ħajja lejn id-Divinità, u tajruha lejn il-quċċata tal-qdusija li fiha kollox jiġi muri fid-dawl t’Alla; għollew u bnew monumenti u knejjes li wrew fejn kien kapaċi jasal l-ideal nisrani, iżda fuq kollox għamlu min-nies, għorrief u njuranti, qawwija jew debboli, għamluhom għamara ħajja t’Alla, u żraġen tal-istess dielja, li hi Kristu; ħallew b’wirt lin-nisel ta’ warajhom it-teżori ta’ arti u għerf antik, iżda fuq kollox tawh il-wirt li jista’ jissieħeb f’dak ir-rigal tal-għaġeb tal-għerf etern, li jorbot b’mod soprannaturali lill-bnedmin bħala mseħbin fl-istess għaqda, bħala aħwa ta’ familja waħda.

 

Il-jedd uman u l-jedd Divin

  1. Aħwa Venerabbli, jekk bħal ma wrejnikom, meta tintesa l-liġi tal-imħabba universali, (li weħidha tista’ ssaħħaħ il-paċi billi titfi l-mibegħda u tnaqqas l-għelt u n-nuqqas ta’ ftehim), tinfetaħ għajn ta’ deni mill-akbar għall-għixien bis-sliema fost il-ġnus, xejn anqas ta’ ħsara għall-ġid tan-nazzjonijiet u għall prosperità tal-għaqda kbira tal-bnedmin, li tiġbor u tiġma’ ġewwa fiha l-ġnus kollha.
  2. Imma hemm żball ieħor li hu aktar perikuluż għall-ġid tan-nazzjonijiet. hu l-iżball li narawh f’dawk l-ideat li ma jibżgħux iħollu l-awtorità ċivili minn kull dipendenza lejn Alla, li hu l-ewwel kawża u s-Sid assolut, kemm tal-bniedem, kemm tas-soċjetà; l-iżball li jidher f’dawk il-konċezzjonijiet ta’ ħajja li jridu jħollu kull rabta minn liġi fuq kollox u fuq kulħadd, liġi li ġejja minn Alla, bħala minn għajn ewlenija; dawn il-konċessjonijiet ta’ ħajja jridu jagħtu libertà bla qies lill-għemil, libertà mmexxija biss mill-kapriċċ u mir-rieda li titbiddel tal-bniedem u mill-ħtiġiet storiċi u minn interessi li, fid-dawl tal-eternità, m’għandhomx dejjem l-importanza li tiġi mogħtija lilhom.
  3. U meta tiġi miċħuda b’dan il-mod l-awtorità t’Alla u l-ħakma tal-liġi tiegħu, is-setgħa ċivili tkun saret bilfors assoluta, u tidħol ġewwa fiha l-ġibda li tieħu għaliha dik l-awtonomija assoluta, li tistħoqq biss lill-Ħallieq Suprem, tinbet fiha x-xewqa li tidħol fil-post t’Alla li jista’ kollox, billi tgħolli l-Istat u n-nazzjon bħala l-aħħar skop tal-ħajja u l-ġid tal-Istat bħala l-unika regola ta’ jedd u ta’ morali, u għalhekk jiġi projbit kull appell għall-prinċipji tar-raġuni naturali u tal-kuxjenza nisranija. Aħna nagħrfu tabilħaqq, li dawn il-prinċipji ħżiena, fortunatament, mhux dejjem jaħsdu l-ħsara li jiżirgħu, l-aktar fejn il-prinċipji nsara, li għall-mijiet ta’ snin, għexu minn fuqhom il-ġnus, għadhom dejjem ħajja, għalkemm xi kultant moħbija, fil-qlub.
  4. Madankollu ma nistgħux ninsew, li kull regola ta’ ħajja li hi mqiegħda fuq bażi umana biss, li m’għandhiex skop ieħor ħlief dak ta’ din id-dinja, u taf is-saħħa tagħha minn sanzjonijiet esterni biss, ma ninsewx li din ir-regola hija bilfors insuffiċjenti u dgħajfa.
  5. F’dawk il-postijiet fejn tiġi miċħuda d-dipendenza tal-jedd tal-bnedmin mill-jedd t’Alla, fejn tiġi mitluba ubbidjenza lejn l-idea ftit u xejn soda tal-awtorità tal-art, f’dawk il-postijiet fejn tiġi proklamata awtonomija mqiegħda biss fuq morali li tara biss jekk taqbel jew ma taqbilx għall-interessi tal-għaqda jew bniedem li jkun, f’dawn il-postijiet stess il-liġijiet umani jitilfu ħafna mill-forza morali tagħhom meta jiġu applikati f’każi gravi, għax il-forza morali hija l-kundizzjoni essenzjali biex liġi tiġi magħrufa u biex isiru sagrifiċċji li jinħtieġu minnha.
  6. Tabilħaqq li s-setgħa mqiegħda fuq pedamenti hekk dgħajfa u mċaqalqa tista’ minn xi daqqiet, minħabba ċirkostanzi tal-mument u mhux importanti, tikseb suċċessi materjali li jqajmu l-għaġeb f’min ma jafx jara l-ħwejjeġ fil-fond.
  7. iżda jiġi l-waqt li fih tirbaħ il-liġi li ma tistax tiskarta minnha, li tolqot u tħarbat dak kollu li nbena fuq l-isproporzjon, moħbija jew mikxufa, bejn is-suċċess materjali u ta’ barra u bejn is-saħħa dgħajfa tal-valur ta’ ġewwa u l-bażi morali tiegħu. U dan l-isproporzjon għandek issibu dejjem, meta s-setgħa pubblika ma tagħrafx jew tiċħad il-ħakma tal-Leġislatur Suprem, li jekk il-ħakem tal-art tah is-setgħa, qegħedlu t-truf u wrieh sa fejn jista’ jasal.

 

Id-dmir tal-Istat

  1. Is-setgħa ċivili, infatti, iridha l-Ħallieq (kif b’għerf kbir għallem il-Predeċessur Kbir tagħna Ljun XIII fl-Enċiklika Immortale Dei), sabiex hija tmexxi l-ħajja soċjali skont ir-regoli ta’ ordni li ma jitbiddilx fil-prinċipji universali tiegħu, sabiex tħaffef lill-persuna tal-bniedem, fl-ordni temporali l-kisba tal-perfezzjoni tal-ġisem, tal-moħħ u tal-ispirtu u tgħinu sabiex jilħaq l-iskop soprannaturali li għalih Alla ħalqu.
  2. Huwa mela l-privileġġ għoli u x-xogħol tal-Istat li jikkontrolla, jgħin u jirranġa l-attivitajiet privati u individwali tal-ħajja tan-nazzjon, biex jgħaqqadhom u jwassalhom li jservu għall-ġid tan-nazzjon kollu. U dan il-ġid tan-nazzjon ma jistax jitqies minn ideat skont ir-rieda u l-kapriċċ tal-bnedmin, u anqas għandu jkollu bħala regola tiegħu l-prosperità temporali tas-soċjetà iżda għandu jkun għall-perfezzjonament bl-armonija, u għall-iżvilupp naturali tal-bnedmin li għalih is-soċjetà ġiet maħluqa bħala mezz mill-Ħallieq.
  3. Meta l-Istat jiġi mħares bħala l-uniku skop, li għalih għandu joqgħod u jċedi kollox, ma jitnissilx ħaġa oħra għajr ħsara għall-prosperità sħiħa u tabilħaqq tan-nazzjonijiet. U dan jiġri, kemm jekk din is-setgħa bla qies tiġi mogħtija lill-Istat mill-poplu li jkun rħielu f’idejh li jagħmel hekk, kemm jekk din is-setgħa tiġi merħija f’idejn l-Istat minn xi klassi soċjali, u kemm jekk l-Istat jidhirlu hu li hu s-Sid assolut mingħajr ħadd ma jkun irħielu f’idejh l-ebda setgħa.

Jekk infatti l-Istat jiġbed u jieħu għalih l-inizjattivi privati, jiġri li billi dawn l-inizjattivi huma mmexxija u ggvernati minn regoli interni u komplikati li jiggarantixxu u jiżguraw il-kisba tal-iskop li jkunu twaqqfu għalih, dawn l-inizjattivi jista’ jiġrilhom il-ħsara, u minflok ikunu ta’ ġid, jisfgħu ta’ deni għas-soċjetà pubblika, billi jkunu ġew imqaċċtin mill-ambjent naturali tagħhom li huwa l-attività tal-individwu responsabbli għaliha.

  1. Ukoll l-ewwel ċellola, anzi ċ-ċellola essenzjali tas-soċjetà, il-familja, kif ukoll it-tkabbir u l-ġid tagħha, tkun fil-periklu li tiġi mħarsa biss fid-dawl tal-kobor nazzjonali, u allura jintesa għal kollox li l-bniedem u l-familja huma min-natura tagħhom infushom qabel l-Istat, jintesa li l-Ħallieq ta lill-bniedem u lill-familja forzi u jeddijiet, u qegħdilhom dmir u missjoni mitluba min-natura stess.
  2. It-tfal li telgħin m’humiex qed jiġu mħarrġa b’mod proporzjonat f’dak li hu żvilupp tal-ġisem u f’dawk li huma kwalitajiet intellettwali u morali, iżda qed jiġi mogħti kas għal naħa waħda biss tal-edukazzjoni, billi jiġu miżrugħin fil-qlub dawk il-virtujiet ta’ ċittadin mħarsin bħala meħtieġa biex jiġu miksuba suċċessi politiċi; iżda dawk il-virtujiet li jagħmlu s-soċjetà aktar nobbli, umana u tar-rispett mhux qed jiġu mgħallma biżżejjed, għax jaħsbu li jnaqqsu l-ħila taċ-ċittadin.

 

Id-Drittijiet tal-Familja

  1. Quddiem għajnejna qed naraw aktar ċar, b’niket kbir tagħna, it-tiġrif li forsi ser jgħaddu minnu l-ġenerazzjonijiet tallum u ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu, minħabba li m’humiex jiġu magħrufin u li qed jiġu mnaqqsin, u li bil-mod il-mod imneħħijin għal kollox id-drittijiet li jistħoqqu lill-familja. Aħna iżda nqumu biex naqbżu bis-sħiħ għal dawn id-dmirijiet, għax inħossu d-dmir li jġegħelna nagħmlu dan minħabba l-ministeru apostoliku tagħna. In-niket u d-dwejjaq taż-żminijiet tagħna, kemm interni u kemm esterni, l-iżbalji bil-kotra, kif ukoll il-konsegwenzi bla għadd tagħhom, ħadd ma jħosshom aktar bil-qawwa daqs iċ-ċkejkna nobbli ċellola tal-familja.
  2. Minn xi daqqiet jeħtieġ veru kuraġġ, u fis-sempliċità tiegħu, eroiżmu li jistħoqqlu kull ġieħ, biex tissaporti t-tbatijiet tal-ħajja, it-toqol li jinħass kuljum tal-miżerji, tal-faqar li dejjem qed jikber u n-nuqqas ta’ mezzi, nuqqas li qatt ma nħass daqshekk u li ma nafux għaliex għandu jkun hekk u xi ħtieġa hemm li l-ħajja tkun iebsa daqshekk. Min għandu l-erwieħ f’idejh, min jaf jaqra l-qlub jaf biżżejjed bil-biki moħbi tal-ommijiet, u bin-niket mimli sabar ta’ bosta missirijiet, bit-tbatijiet bla tarf li l-ebda statistika ma tasal biex issemmi u anqas tista’ ssemmi; min għandu l-kura tal-erwieħ qed jara b’inkwiet kbir joktor dejjem iżjed il-għadd ta’ dawn it-tbatijiet u jaf kif is-setgħat tal-ħerba u tal-qerda qegħdin fil-bieb, lesti biex jisservew b’dawn it-tbatijiet għall-fini mudlama tagħhom.
  3. Fil-kundizzjonijiet straordinarji li d-dinja tinsab fihom illum il-ġurnata, ħadd minn dawk li għandhom rieda tajba w għajnejn miftuħa, ma jista’ jiċħad lis-setgħa tal-Istat jedd aktar wiesgħa biex jgħin fil-bżonnijiet tal-poplu. Iżda l-ordni morali, imwaqqaf minn Alla, jitlob li anke f’dawn il-kundizzjonijiet tittieħed kura serja jekk moralment ikunux jiswew il-provvedimenti li jittieħdu u jekk humiex tabilħaqq meħtieġa, skont ma jitlob il-ġid ta’ kulħadd fin-nazzjon.

 

Id-drittijiet tal-kuxjenza

  1. Iżda nsomma, aktar ma jkunu tqal is-sagrifiċċji materjali li l-Istat jitlob mill-familji u mill-individwi, aktar u aktar għandhom ikunu sagri għall-Istat b’mod li ma jmisshom qatt id-drittijiet tal-kuxjenza. L-Istat jista’ jippretendi ġidek u demmek, iżda qatt lil ruħek, mifdija minn Alla. Ix-xogħol merħi minn Alla f’idejn il-ġenituri, li jaħsbu għall-ġid tar-ruħ u tal-ġisem tal-ulied u li jagħtuhom edukazzjoni ħolistika (li tinkludi kollox), edukazzjoni mimlija bi spirtu reliġjuż tabilħaqq, Dan ix-xogħol fdat minn Alla f’idejn il-missier u l-omm ma jistax jiġi mċaħħad lilhom mingħajr ma jiġi milqut bl-ikrah id-dritt.
  2. Din l-edukazzjoni ċertament ikollha l-iskop ukoll li thejji ż-żgħażagħ biex jaqdu bid-dehen, bil-kuxjenza kollha, u bil-ħila, dawk id-drittijiet għolja lejn arthom, dmirijiet li jġagħluna nagħtu ‘l pajjiżna l-imħabba, s-sagrifiċċji u x-xogħol li jistħoqqlu. Iżda min-naħa l-oħra, dik l-edukazzjoni li tinsa, jew agħar, li tħalli apposta li tmexxi l-għajnejn u l-qlub taż-żgħażagħ lejn l-art soprannaturali, edukazzjoni bħal din tkun inġustizzja kontra d-dmirijiet u d-drittijiet sagrosanti tal-familja nisranija, ħruġ barra mit-truf, li jeħtieġ jinsab fejqan għalih, u dan għandu jsir anki għall-ġid tal-poplu u tal-Istat.
  3. Edukazzjoni bħal din tista’ forsi tidher f’għajnejn dawk li ħolquha u qed imexxuha, bħala għajn ta’ saħħa u ta’ ħila ġdida; iżda huwa proprju l-oppost, u l-konsegwenzi ta’ niket jippruvaw li hu hekk. Id-delitt li fih tiġi mmaqdra l-maestà tas-Sultan tas-slaten u Sid is-sidien (1 Tim 6,15; Apok 19,16), delitt mitmum b’din l-edukazzjoni li ma tagħtix kas jew li hija kuntrarja għall-ispirtu nisrani, l-edukazzjoni bil-maqlub ta’ ħallu t-tfal jiġu għandi (Mk 10,14) għandha tagħti frott ħażin ferm. Iżda mill-banda l-oħra dak l-Istat li jħaffef il-qlub imbikkija u mtertqa tal-missirijiet u l-ommijiet insara mit-toqol tal-inkwiet tagħhom u jerġa’ jagħtihom lura d-drittijiet li huma tagħhom, ma jagħmilx ħaġ’oħra għajr isaħħaħ il-paċi interna tiegħu stess u jqiegħed pedament sod għall-ġejjieni hieni tan-nazzjon. L-erwieħ tal-ulied, mogħnija b’rigal minn Alla lill-ġenituri, kkonsagrati fil-magħmudija bis-siġill reali ta’ Kristu, huma depostu qaddis, li fuqu tgħasses l-imħabba għajjura t’Alla. L-istess Kristu, li qal b’fommu ħallu lit-tfal jiġu għandi, hedded ukoll, għalkemm huwa tant twajjeb u ħanin, li jitħallas bil-qilla minn dawk li jagħtu skandlu lill-maħbubin ta’ qalbu.
  4. U liema skandlu huwa aktar ta’ ħsara għall-ġenerazzjonijiet, liema skandlu jdum iżjed fl-effetti tiegħu minn formazzjoni ta’ żgħażagħ immexxija ħażin lejn skop, li jbiegħed minn Kristu li hu t-triq, is-sewwa u l-ħajja, formazzjoni li twassal għaċ-ċaħda moħbija jew fil-beraħ ta’ Kristu? Dan l-istess Kristu li minnu jridu jbegħdu l-ġenerazzjonijiet tallum u ta’ għada huwa dak l-istess li ġie mogħti mill-Etern Missieru kull setgħa fis-sema u fl-art. F’idejh hu li jtawwal jew inaqqas il-ħajja tagħhom, it-tkabbir tagħhom, il-prosperità tagħhom, il-qawwa tagħhom.
  5. Minn dak kollu li għandu ħajja fuq l-art, ir-ruħ biss ma tmut qatt. Dik is-sistema t’edukazzjoni li ma jagħtix dak li jistħoqq lis-santwarju tal-familja, santwarju mħares mil-Liġi Mqaddsa t’Alla, dik is-sistema ta’ tagħlim li jibda biex iqaċċat il-pedamenti ta’ dan is-santwarju, li jagħlaq liż-żgħażagħ it-triq li tieħu għal għand Kristu u għand l-għejun ta’ ferħ u ta’ ħajja li jinsabu fil-Feddej (Is 12,3), dak it-tagħlim li jgħodd iċ-ċaħda ta’ Kristu u tal-Knisja bħala sinjal tal-fedeltà lejn il-poplu jew lejn xi klassi, dan it-tagħlim ikun qed jaqta’ l-kundanna kontra tiegħu nnifsu u meta jasal iż-żmien iħoss il-verità li ma tistax titqarraq tal-kelmiet tal-Profeta: Dawk li jitbegħdu minnek, ikunu miktubin fl-art (Ġer 17,13).

 

Liġijiet morali supremi

  1. L-idea li l-Istat għandu jkollu awtorità bla qies, mhux biss, Aħwa Venerabbli, żball li jġib ħsara kbira fil-ħajja ta’ ġewwa tan-nazzjonijiet, mhux biss żball li jħarbat il-prosperità u ż-żieda ordnata tal-ġid tagħhom, iżda dan l-iżball jagħmel ħsara wkoll lir-relazzjonijiet ta’ bejn il-ġnus, għaliex ifarrak l-għaqda tas-soċjetà supra-nazzjonali, jeqred il-pedament u s-siwi tad-dritt tal-ġnus, jiftaħ it-triq għall-vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddieħor u jagħmel tqil ferm il-ftehim u l-għajxien fil-paċi flimkien.
  2. Infatti, il-bniedem, għalkemm, b’diżpożizzjoni tan-natura, magħmul minn Alla, huwa mqassam fi gruppi soċjali, f’nazzjonijiet u fi Stati indipendenti wieħed mill-ieħor, f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-ħajja interna tagħhom; madankollu huma marbuta flimkien minn rabtiet ta’ bejniethom, rabtiet ta’ dritt u ta’ morali, rabtiet li jagħmlu minn dawn il-gruppi u nazzjonijiet għaqda kbira, ordnata għall-ġid tal-ġnus u mmexxija minn regoli speċjali li jħarsu s-sħuħija tar-rabta u jġibu ‘l quddiem il-prosperità tagħhom.
  3. Issa min ma jindunax kif l-awtonomija assoluta proklamata mill-Istat ma taqbel xejn mal-liġi ta’ għaqda fondamentali u naturali li għadna kemm semmejna? Mhux biss, iżda tiċħadha għal kollox, billi l-awtonomija jew il-jedd assolut tħalli f’idejn ir-rieda tal-mexxejja tal-Istat jekk ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-pajjiżi għandhomx jibqgħu sodi jew le, u billi teqred għal kollox il-possibilità ta’ għaqda tabilħaqq u ta’ ħidma flimkien, għall-ġid tal-pajjiżi kollha.
  4. Ladarba, Aħwa Venerabbli, biex isseħħ tabilħaqq l-eżistenza ta’ paċi u ta’ armonija kontinwa, u biex iżommu sħaħ ir-relazzjonijiet kapaċi li jagħtu frott tajjeb, jeħtieġ li l-ġnus jagħrfu u jħarsu dawk il-prinċipji tal-jedd naturali w internazzjonali li jmexxu b’ħidma u b’xogħol normali ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Skont dawn il-prinċipji jeħtieġ li jkun magħruf għal kull nazzjon il-jedd għall-indipendenza, għall-għajxien u għall-possibbiltà ta’ perfezzjonament progressiv fit-triq taċ-ċiviltà; dawn il-prinċipji jitolbu li tinżamm il-kelma mogħtija fit-trattati magħmulin u mwettqin solennement skont ma jridu r-regoli tal-jedd tal-ġnus.
  5. Ma hemm l-ebda dubju li t-tħejjija meħtieġa biex il-ġnus jgħixu fil-paċi bejniethom, ir-ruħ li tagħti l-ħajja lir-relazzjonijiet bejn il-ġnus, hija l-fiduċja ta’ wieħed fl-ieħor, hija li kulħadd ikun jaf minn qabel u jkun persważ li l-kelma li tkun ġiet mogħtija miż-żewġ bnadi ser tiġi miżmuma, hija li kull wieħed, min-naħa u mill-oħra jemmen tabilħaqq li aħjar l-għaqal mill-għodod tal-gwerra (Ekk 9,18) li jkun hemm il-fehma li aħjar jiddiskutu milli jsejħu l-forza jew jheddu l-gwerra fil-każ li jinqala’ dewmien, tfixkil, tibdil jew kwistjonijiet, ladarba dawn il-ħwejjeġ jistgħu jinqalgħu mhux minħabba rieda ħażina, iżda minħabba tibdil ta’ ċirkostanzi u ta’ interessi li kultant ma jaqblux tabilħaqq.
  6. Iżda min-naħa l-oħra meta l-jedd tal-ġnus jinqala’ minn mal-ankra tal-jedd Divin, biex jitqiegħed fuq ir-rieda awtonoma tal-Istati, dan ifisser twaqqa’ mit-tron tiegħu dan l-istess jedd tal-ġnus u tisraqlu t-titoli l-aktar għolja u ta’ siwi, għax tkun qed titlaq fl-idejn l-idea ta’ is-saħħa kollox, idea li ħlief ħsara ma ġġibx; tkun qed terħi dan il-jedd tal-ġnus fi ħdan il-kapriċċi tal-interessi privati u tal-egoiżmu kollettiv, li jaħseb biss biex imexxi l-quddiem id-drittijiet tiegħu u biex ma jagħrafx id-drittijiet ta’ ħaddieħor.

 

Dehriet foloz ġejjin mill-kburija

  1. Veru li meta jgħaddi ż-żmien u jitbiddlu sostanzjalment iċ-ċirkostanzi b’mod li dan it-tibdil ħadd ma seta’ jinduna bih qabel il-waqt li ġie magħmul trattat, dan it-trattat, jew xi klawżoli tiegħu jistgħu isiru jew jidhru nġusti, jew ma jistgħux iseħħu jew ibsin wisq għal xi waħda min-naħiet li jkunu ffirmaw it-trattat; hija ħaġa ċara, li meta jiġri dan, jeħtieġ li fil-ħin jinbena taħdit legali biex jitbiddel kollu jew biċċa mit-trattat. Iżda li tikkonsidra t-trattati, għax hekk taħsibha inti, bħala ħwejjeġ li għandhom idumu ġurnata biss, jew li bis-skiet kollu tieħu f’idejk il-jedd li tista’ tqattagħhom min-naħa tiegħek biss meta ma jkunx jaqbel lilek iżjed li t-trattati jibqgħu, din hi ħaġa li teqred għal kollox kull fiduċja li l-Istati jistgħu ikollhom f’xulxin. B’hekk jitkisser il-fus li fuqu jiddependi l-ordni kollu naturali, u jitħaffer qiegħ li ma jimtela qatt ta’ firda bejn il-ġnus u nazzjonijiet differenti.
  2. Illum, Aħwa Venerabbli, kulħadd qed jara mwerwer bil-biża’ l-abbiss li tħaffer bl-iżbalji li wrejnikom u bil-konsegwenzi tagħhom. Waqgħu għal kollox id-dehriet mimlijin kburija ta’ progress indefinit, u min għadu ma qamx biex jinduna b’dan, għandhom iqajmuh min-ngħas li jinsab fih il-kelmiet tal-profeta: Isimgħu, ja torox, u araw, ja għomja (Is 42,18). Dak li kien jidher bħala armonija ma kienx ħlief inkwiet dejjem jiżdied, taqlib fir-regoli morali tal-ħajja, li nfirdu mill-kobor tal-liġi Divina u tebbgħu l-attivitajiet kollha tal-bnedmin.
  3. Iżda l-imgħoddi nħalluh u ndawru l-ħarsa tagħna lejn iż-żmien li ġej, li skont ma qed iwiegħdu nies ta’ setgħa f’din id-dinja, wara li jispiċċa t-taqbid u t-tixrid ta’ demm li għaddejjin minnu, dan il-futur għandu jkun bażat fuq ordni ġdid, ordni mibni fuq il-ħaqq u l-prosperità. Nistgħu ngħidu tabilħaqq li s-snin li ġejjin ikunu differenti, ikunu tassew aħjar? It-trattati tal-paċi, l-ordni ġdid internazzjonali, meta tispiċċa din il-gwerra, sejrin tabilħaqq ikunu mibnija fuq il-ġustizzja, fuq il-ħaqq lejn kulħadd, sejrin ikunu animati minn dak l-ispirtu li jagħti l-ħelsien u l-paċi, jew inkella ser jiġu mtennija l-iżbalji qodma u reċenti?
  4. Li tittama li mit-taqbid tal-gwerra biss u mir-riżultat finali tagħha joħroġ tibdil darba għal dejjem, għalxejn tittamah u l-esperjenza turihulna ċar. Is-siegħa tar-rebħa hija s-siegħa tat-trijonf għal min jegħleb l-għadu: iżda fl-istess ħin hija s-siegħa tat-tentazzjoni, li fiha l-anġlu tal-ħaqq jissielet max-xitan tal-vjolenza; il-qalb ta’ min jirbaħ ma tridx wisq biex tibbies għal kollox; ir-rebbieħ ikun jidhirlu li l-moderazzjoni u l-għaqal li jara ‘l bogħod huwa nuqqas ta’ ħila, il-qilla tal-passjonijiet tal-popli, qalb imkebbsa mis-sagrifiċċji u mit-tbatijiet li jkunu għaddew minnhom, ittappan kultant anke għajnejn il-kapijiet u ma tħallihomx jisimgħu t-twissijiet tal-ħniena u tal-ħaqq billi dawn iż-żewġ virtujiet f’dak il-ħin jiġu mirbuħa mill-qawl kiefer: ħażin għall-mirbuħa. Il-fehmiet u d-deċiżjonijiet li jittieħdu f’kundizzjonijiet bħal dawn ikunu fil-periklu li ma jkunux ħlief inġustizzji mgħottijin taparsi bis-satra tal-ġustizzja.

 

Enerġiji li għandhom iġeddu d-dinja

  1. Le, Aħwa Venerabbli, il-ħelsien għall-ġnus ma jinkisibx bil-mezzi esterni, bix-xabla, li tista’ timponi kundizzjonijiet ta’ paċi, iżda ma tistax iġġib il-paċi. L-enerġiji, li għandhom iġeddu wiċċ l-art għandhom joħorġu minn ġewwa, mir-ruħ. L-ordni ġdid fid-dinja, fil-ħajja nazzjonali w internazzjonali, meta jieqfu d-dwejjaq u t-taqbid kiefer tallum, m’għandux jinbena iżjed fuq ir-ramel ta’ regoli li jitbiddlu ta’ kuljum, regoli dettati mill-egoiżmu tal-individwi u tal-Istati.
  2. Ir-regoli għandhom ikunu mibnijin fuq il-pedament sħiħ u sod u fuq il-blata qawwija tal-jedd naturali u tar-rivelazzjoni Divina. Minn dawn iż-żewġ għejun il-bniedem li jrid jagħmel liġijiet ġodda għandu jixrob dak l-ispirtu ta’ ħaqq, dak is-sens ta’ responsabbiltà morali, li mingħajru diffiċli tagħżel u tagħraf sa fejn għandek tasal fl-użu leġittimu tas-setgħa u fejn m’għandekx taqbeż biex ma tkunx qed tabbuża mis-setgħa merħija f’idejk. Hekk biss id-deċiżjonijiet li jieħu l-leġiżlatur ikunu xierqa, ikunu ta’ sentimenti għolja u jkunu msaħħin u mwettqin mill-appoġġ tar-reliġjon u ma jkunux mmexxija mill-egoiżmu u mill-passjoni.
  3. Għaliex, jekk minn banda huwa veru, li l-gwaj li qed tbati minnu l-umanità llum huwa tort tan-nuqqas ta’ ekwilibriju fit-taqsim tal-ġid, u tort ukoll tal-ġlied interessat biex ikun hemm aktar ħaqq f’dawk li huma mezzi t’għajxien li Alla ta lil kull bniedem biex imantni ruħu u jimxi ‘l quddiem; mhux anqas veru li l-għerq ta’ dan il-gwaj għandna nfittxuh iżjed fil-qiegħ, għaliex ġej mill-attakk fuq it-twemmin reliġjuż u fuq il-prinċipji morali li ħżienu minħabba li l-ġnus bil-ftit il-ftit tbiegħdu minn dik l-għaqda waħdanija ta’ fidi, ta’ drawwiet u ta’ morali, għaqda miġjuba ‘l quddiem mill-ħidma bla heda u ta’ ġid tal-Knisja. Biex l-umanità tkun terġa’ tiġi formata sewwa, hemm bżonn li din il-formazzjoni tkun formazzjoni fuq kollox tar-ruħ u reliġjuża; għandha tinbena fuq Kristu, bħala fuq pedament li ma tistax tgħaddi mingħajru, għandha tkun formazzjoni ħajja tal-ġustizzja, u bħala qofol tagħha għandu jkollha l-imħabba.

 

Il-Knisja fil-ħidma tagħha hija vera Omm

  1. Il-ħidma tal-Knisja qiegħda filli ta’ vera omm li twettaq din l-opra ta’ ħajja ġdida billi tadatta l-mezzi tagħha għall-bżonnijiet ġodda tal-bnedmin. Il-predikazzjoni tal-Vanġelu, fdata f’idejn il-Knisja mill-Fundatur Divin tagħha, predikazzjoni li fiha jiġu miżrugħin f’qalb il-bnedmin il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba u l-isforz li hija tagħmel biex twaħħlilhom sħiħ f’ruħhom u fil-kuxjenzi tagħhom il-preċetti kkmandati minn dawn it-tliet virtujiet huwa l-ogħla ħidma li għandha tagħti frott kbir ħalli sseħħ il-paċi. Din il-ħidma, fil-proġett grandjuż tagħha donnha kultant taħbat taqta’ qalb dawk li huma mseħbin fil-Knisja fuq din l-art. Iżda x-xogħol għat-tixrid tal-ħajja ta’ Kristu, xogħol li ġie moqdi f’kull żmien b’manjieri differenti, b’mezzi diversi u b’taħbit iebes, dan ix-xogħol huwa preċett li jorbot lil kull min ġie maħtuf bis-saħħa tal-grazzja tal-Mulej minn taħt il-jasar tax-xitan u msejjaħ bil-magħmudija biex ikun imsieħeb fis-Saltna tal-Knisja.
  2. U jekk, biex tkun imsieħeb f’din is-Saltna, u biex tgħix skont ma jixraq lil din is-Saltna, jekk biex taħdem għat-tixrid tagħha u biex titħabat ħalli l-ġid li tista’ tagħti biex jiksbuh anki dawk li għadhom m’humiex imseħbin fiha, jekk biex tagħmel dan fiż-żminijiet tagħha jeħtieġ tegħleb tfixkil u oppożizzjoni, jeħtieġ teħodha ma’ xkiel iebes, qawwi u organizzat bir-reqqa bħalma qatt ma kien qabel, dan kollu ma jħollokx mid-dmir li tistqarr b’wiċċek minn quddiem u bil-qlubija kollha t-twemmin tiegħek, iżda iżjed imissu jqajmek biex iżżomm sħiħ fit-taqbida, anki jekk dan ikun jiswielek mhux ftit sagrifiċċji. Min jgħix il-ħajja ta’ Kristu mhux sejra tonqsu l-ħila minħabba t-tfixkil li jiltaqa’ miegħu, iżda iżjed iħoss ruħu miġbud li jaħdem b’saħħtu kollha u b’tama qawwija f’Alla; ma jistmerrx it-tbatijiet u ċ-ċaħdiet li fis-siegħa tat-taqbid ikollu jara, iżda jilqagħhom bil-kuraġġ kollu, lest dejjem biex jagħmel ħiltu ħalli jgħin b’dik l-imħabba li ma tibżax mis-sagrifiċċji, li hija aktar qawwija mill-mewt u li ma tiġix mitfija anqas bix-xita ta’ slaleb li tista’ tara u tħoss jitqalu fuqha.
  3. Hu ta’ faraġ kbir li jimlielna qalbna b’ferħ tas-Sema, faraġ li għalih ta’ kuljum nir-ringrazzjaw umilment u b’qalbna kollha lil Alla, meta naraw fl-inħawi kollha tad-dinja Kattolika sinjali ċari ta’ ħerqa ġdida li qalbiena qed tilħaq max-xogħol immens ta’ żminijietna, ħerqa tar-ruħ li ma toqgħodx taħsibha biex tlaqqa’ mad-dmir essenzjali tagħha li tqaddes nfisha anki x-xogħol ta’ apostolat għat-tixrid u għat-tkattir tas-Saltna t’Alla. Mill-Kungressi Ewkaristiċi, mibdijin u miġjubin ‘il quddiem b’kura u b’imħabba mill-Papiet ta’ qabilna, u mill-ħidma tas-sekulari li bis-saħħa tal-Azzjoni Kattolika jifhmu s-sejħa li għaliha għajtilhom Alla, minn dawn l-attivitajiet, ħerġin għejun ta’ grazzji u riservi ta’ forzi li, fiż-żminijiet tallum, li fihom qed jikber it-theddid, li fihom akbar huma l-bżonnijiet u aktar qed tiħrax it-taqbida bejn il-Kristjaneżmu u l-Anti-Kristjaneżmu, ma nistgħux inqisu biżżejjed l-importanza u l-kobor tagħhom.

 

Il-ħidma apostolika tas-sekulari

  1. Meta, b’niket kbir tagħna, ikollna naraw bilfors kemm l-għadd tas-saċerdoti ma jasalx biex ilaħħaq max-xogħol li qed jistennihom, meta naraw kemm hi vera llum ukoll il-kelma tal-Feddej: il-ħsad huwa kbir iżda l-ħaddiema huma ftit (Matt 9,27; Lq 10,2), l-għajnuna tas-sekulari fix-xogħol tal-apostolat taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet u tas-saċerdoti, għajnuna qawwija mimlija ħerqa u sagrifiċċji, tidher ta’ siwi kbir lix-xogħol tas-saċerdoti u turi li għad trid ikber u titjieb dejjem iżjed b’mod li timlina b’tama l-aktar sabiħa. It-talba tal-knisja lill-Mulej biex jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu (Mt 9,38; Lq 10,2) qed tiġi mismugħa għal daqskemm huma l-bżonnijiet tallum u l-għajnuna li qed tiġi mogħtija, tissupplixxi u ssaħħaħ l-enerġija tal-apostolat saċerdotali, apostolat li llum jaħasra huwa tant imfixkel u ma jasalx biex ilaħħaq mal-kwantità ta’ xogħol li għandu. Eżerċtu qalbieni ta’ rġiel u nisa, ta’ żgħażagħ u ta’ xebbiet, semgħu l-leħen tar-Ragħaj Suprem, u taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet tagħhom ikkonsagraw ħajjithom għax-xogħol tal-apostolat, biex jerġgħu jagħtu lura lil Kristu l-qtajja’ ta’ nies li kienu tbiegħdu minnU.
  2. Għalihom, f’dan il-waqt hekk importanti għall-Knisja u għall-umanità, it-tislima tagħna ta’ Missier, lilhom ir-ringrazzjament tagħna, fihom it-tama u l-fiduċja tagħna. Huma ġrew tabilħaqq b’ruħhom u ġisimhom taħt il-bandiera ta’ Kristu Re u lilha ħalfu li jikkonsagraw ħajjithom, ħinhom u xogħolhom, u jistgħu itennu mas-Salmista: “Lis-Sultan nuri x-xogħol tiegħi” (Salm 44,1). It-Tiġi Saltnatek mhix biss ix-xewqa u t-talba tagħhom, iżda anki t-tmexxija li tagħti l-ħajja lix-xogħol tagħhom.
  3. Fil-klassijiet kollha, fil-kategoriji kollha, fl-għaqdiet kollha din l-għajnuna tas-sekulari lis-saċerdot qed turi enerġija ta’ valur kbir, li lilhom ġiet fdata missjoni li tistħoqq tabilħaqq lill-qlub għolja u fidili, missjoni li dawn il-qlub ma jistgħux jistennew aqwa w isbaħ minnha. Dan ix-xogħol apostoliku, magħmul skont l-Ispirtu tal-Knisja, jagħmel lis-sekular kważi “ministru ta’ Kristu” f’dak is-sens li Santu Wistin ifissrilna: “Ħuti, meta tisimgħu leħen il-Mulej jgħidilkom: ‘Fejn ninsab jien, ikun hemm ukoll il-ministru tiegħi’, m’għandhomx jiġu quddiem għajnejkom it-twajba Isqfijiet u qassisin biss. Intom ukoll min-naħa tagħkom għandkom tkunu ministri ta’ Kristu billi tgħixu sewwa, tagħmlu l-karità, ixxandru l-isem Tiegħu u t-tagħlim Tiegħu ma’ min tistgħu, b’mod li, kull wieħed minnkom, ukoll jekk ikun missier ta’ familja, jagħraf li għandu d-dmir li jkollu għall-familja tiegħu mħabba ta’ missier tabilħaqq, għandu, għall-ġieħ ta’ Kristu u bil-ħajja ta’ dejjem quddiem għajnejh, iwissi lil kull min qiegħed taħtu, jgħallimhom bil-kelma t-tajba, iċanfarhom fejn jeħtieġ, jurihom imħabba u jmexxihom fit-triq tas-sewwa; hekk huwa jkun qed jagħmel fid-dar tiegħu x-xogħol ta’ qassis u b’ċertu mod ukoll dak ta’ Isqof, ikun qed jaqdi lil Kristu biex ikun miegħu għal dejjem ta’ dejjem (Fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann, Tratt.51 nru.13).

 

Fi ħdan il-familja

  1. F’din il-ħidma apostolika tas-sekulari, ħidma hekk importanti fi żminijietna, il-familja għandha biċċa xogħol speċjali, għax il-familja hija dik li għandha l-aktar qawwa fuq dak li hu bini tal-karattru taż-żgħażagħ li telgħin. Sakemm fid-dar jibqa’ jixgħel in-nar qaddis tat-twemmin fi Kristu, u sakemm il-ġenituri jibqgħu irabbu lil uliedhom skont ma jgħidi-hom dan it-twemmin, iż-żgħażagħ jibqgħu dejjem ikunu lesti biex jagħrfu d-drittijiet tal-Feddej Sultan, u biex jeħduha ma’ dawk li jridu jitturufnawh mis-soċjetà jew li jridu jkasbru jew jisirqu l-jeddijiet tiegħu.
  2. Meta l-Knejjes jiġu magħluqin u l-Kurċifiss jitneħħa mill-iskejjel, tibqa’ dejjem il-familja bħala kenn provvidenzjali tal-ħajja nisranija, kenn li sa ċertu punt, l-ebda għadu ma jista’ għalih. U niżżuħajr bla tarf ‘l Alla meta naraw li kotra ta’ familji qed jaqdu l-missjoni tagħhom b’fedeltà kbira, mingħajr ma jaqtgħu qalbhom mis-sagrifiċċji u mill-ġlied li jridu jiltaqgħu miegħu biex iżommu sħiħ fid-dmirijiet ta’ nsara li huma. Anki f’dawk l-inħawi fejn temmen fi Kristu jfisser tkun maħqur u batut, eżerċtu qawwi ta’ żgħażagħ u ta’ xebbiet waħħluha f’rashom li ma jitqanqlux minn fejn it-tron tal-Feddej, u qed juru ħila u qlubija li tfakkarna fl-isbaħ żminijiet ta’ meta l-Knisja kienet imħabbta.
  3. Liema xmara ta’ ġid tista’ tinfirex fuq id-dinja, liema dawl, liema paċi tista’ tinxtered fuq il-ħajja soċjali, liema ħidma prezzjuża tista’ ssir għall-ġid tal-bnedmin, kieku lil din il-Knisja, li f’idejha ġie fdat minn Alla dmir sagrosant li ħadd ma jista’ jeħodulha, iħalluha taħdem u tagħmel hi! Kemm ħasra u ħerba tiġi skartata, x’hena u x’paċi jkunu assigurati fid-dinja kieku l-isforzi soċjali w internazzjonali jkunu magħġunin bl-ispirtu profond tal-Vanġelu kontra t-taqlib li jġib l-egoiżmu individwali u kollettiv.

 

Ħidma għall-Paċi

  1. M’hemm xejn li ma jaqbilx bejn il-preċetti li jirregolaw il-ħajja tan-nisrani u bejn dawk il-kundizzjonijiet li jinħtieġu biex id-dinja titjieb, iżda għal kuntrarju, hemm ftehim sħiħ bejn dawn iż-żewġ konċezzjonijiet ta’ ħajja u waħda tgħin lill-oħra. Għall-ġid tal-umanità hekk batuta u hekk mifxula fir-ruħ u fil-ġisem, aħna m’għandniex xewqa oħra ħlief din: li n-niket tallum jiftaħ għajnejn bosta, sabiex jaraw fid-dawl li jistħoqqilhom lil Sidna Ġesù Kristu u lill-missjoni tal-Knisja tiegħu fuq din l-art; nixtiequ għalhekk li dawk kollha li għandhom is-setgħa f’idejhom iħallu lill-Knisja l-libertà li tħarreġ lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-prinċipji tal-ħaqq u tal-paċi.
  2. Din il-ħidma għall-paċi, biex tirnexxi, tinħtieġ li ma tiġix imfixkla u maħnuqa minn kullimkien fix-xogħol tagħha; tinħtieġ li l-poplu, speċjalment iż-żgħażagħ, ma jiġix imbiegħed minn taħt l-influwenza tagħha, influwenza li dejjem tħaddmet għall-ġid ta’ kulħadd.
  3. Għalhekk aħna, bħala Vigarju ta’ Dak li ġie msejjaħ mill-profeta Prinċep tal-Paċi (Is 9,6), insejħu lill-mexxejja tal-ġnus, u lil dawk kollha li għandhom xi setgħa fl-Istat sabiex iħallu lill-Knisja l-wisa’ kollha li tgħallem, iħalluha tħabbar u ddaħħal fl-imħuħ is-sewwa u l-ħaqq, iħalluha tkebbes il-qlub bl-imħabba Divina ta’ Kristu.
  4. Jekk il-Knisja min-naħa tagħha ma tistax titlaq minn idejha dan id-dmir mitlub mill-missjoni tagħha, missjoni li għandha l-iskop biex fuq din l-art iseħħ il-proġett t’Alla li jiġġeddu fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, kemm dawk tas-Sema, kemm dawk tal-art (Ef 1,10), min-naħa l-oħra l-ħidma tagħha hi iżjed meħtieġa milli fi żminijiet oħra, ladarba kulħadd illum tgħallem bl-esperjenza li l-mezzi esterni biss, u l-passi li jieħdu l-bnedmin u t-tiswijiet politiċi m’humiex biżżejjed biex tittaffa l-ħsara li qed tbati l-umanità.
  5. U bosta, li fehmu sewwa, kemm ma jiswew xejn il-mezzi umani biex ibegħdu l-irwiefen li qed jheddu li jordmu ċ-ċiviltà, bosta b’tama ġdida fi qlubhom refgħu l-ħarsa tagħhom lejn il-Knisja, sur tas-sewwa u tal-imħabba, bosta tefgħu għajnejhom fuq dik il-Kattedra ta’ Pietru, għaliex iħossu li minnha biss il-ġeneru uman jista’ jieħu dik l-għaqda waħdanija fit-tagħlim reliġjuż u fir-regoli ta’ ħajja li waħedhom fl-imgħoddi kellhom il-ħila jżommu l-paċi bejn il-ġnus.
  6. Din l-għaqda, jibkuha u jixtiequ jerġgħu jiksbuha bosta li għandhom fuq spallejhom ir-responsabbiltà ta’ nazzjonijiet sħaħ, tant nies li qed jaraw b’għajnejhom stess kemm huma fiergħa dawk il-mezzi li fihom s’issa kienet imqegħda t-tama kollha tagħhom; din l-għaqda jixtiquha għadd bla tarf ta’ wlied tagħna li ta’ kuljum jitolbu ‘l Alla tal-paċi u tal-imħabba; din l-għaqda qed jistennewha tant erwieħ nobbli, jaħasra mbegħdin minna, li fil-ġuħ u fl-għatx li jħossu ta’ ħaqq u ta’ paċi, jitfgħu l-ħarsa tagħhom fuq il-Kattedra ta’ Pietru, u minn hemm jistennew tmexxija w għajnuna.
  7. Il-għaliex huma jagħrfu li l-Knisja Kattolika ilha hemm elfejn sena, dejjem sħiħa u l-istess fit-twemmin u fit-tagħlim, jagħrfu l-għaqda tal-għaġeb li hemm fil-Ġerarkija tal-Knisja li, ħaġa waħda mas-Suċċessur ta’ Pietru, tagħti ruħha w ġisimha, saħħitha u ħinha biex iddawwal lill-ġnus bit-tagħlim tal-Vanġelu, biex tmexxi u tqaddes lill-bnedmin u biex ta’ Omm Ħanina tinżel u tikkuntenta lil kulħadd, iżda li hi iebsa u qawwija daqs iż-żonqor, meta anki akkost ta’ turmenti u ta’ martirju jkollha toħroġ minn fommha l-kelma: non ticet, ma jiswiex.

 

Suspetti li ma jistħoqqulniex

  1. Madankollu, Aħwa Venerabbli, it-tagħlim ta’ Kristu xi minn daqqiet iqajjem tħassib fl-Istati għax dawn donnhom jaħsbu li dan it-tagħlim ser imur jhedded l-awtorità tal-Istat u jrid jieħu, mingħajr m’għandu l-jedd, taħt idejh is-setgħa li tistħoqq lill-kapijiet tal-art – waqt li t-tagħlim ta’ Kristu u l-ħidma tal-Knisja fl-erwieħ qiegħda biss biex tibni fil-bniedem pedament sħiħ u sod ta’ twemmin, qiegħda biex iddawwal l-imħuħ, biex twessa’ l-qlub bl-imħabba u biex tagħti dak il-fejqan li waħdu jista’ jbiegħed il-mard li qed jifni s-soċjetà fil-ġurnata tallum.
  2. Kontra dan it-tħassib, Aħna nxandru b’sinċerità apostolika – għalkemm għandu jibqa’ dejjem dak li kien għallem il-Kbir Papa ta’ qabilna Piju XI fl-Enċiklika tiegħu Quas Primas tal-11 ta’ Diċembru 1925, fuq is-setgħa ta’ Kristu Sultan u dik tal-Knisja tiegħu – Aħna niddikjaraw li skopijiet bħal dawk li qed jaħsbu fuqna, qatt ma daħlu fil-ħidma tal-Knisja, għax jekk il-Knisja tifrex dirgħajha fuq id-dinja, ma tifrixhom biex taħkem, iżda biex taqdi. Hija ma tridx tidħol fl-għalqa tal-awtoritajiet leġittimi, iżda anzi trid tagħtihom l-għajnuna biex tkun tixbaħ tabilħaqq lil min waqqafha, li meta kien fid-dinja, għadda jagħmel il-ġid (Att 10,38).
  3. Il-Knisja tipprietka dejjem u tipprova tiżra’ fil-qlub li l-awtoritajiet tal-art għandu jkollhom kull ġieħ, għax ġejjin minn Alla; il-Knisja timxi wara t-tagħlim tal-Imgħallem Divin li qal: Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari (Mt 22,21) u m’għandha l-ebda ħsieb li tieħu taħt idejha drittijiet li m’humiex tagħha, għax hi dik l-istess Knisja li fil-Liturġija tagħha tkanta: ma jaħtafx is-saltniet tal-art, Dak li jagħti s-Saltna tas-Sema (Innu fil-festa tal-Epifanija). Il-Knisja ma tmewwitx l-enerġiji tal-bniedem, iżda tgħollihom għal dak kollu li hu safi, sabiħ u kbir, u tibni karattri li ma jilagħbux mal-kuxjenza. Il-Knisja li tat liċ-ċiviltà lill-ġnus qatt ma ġiebet dewmien lill-umanità, iżda ta’ Omm li hi, tħoss ruħha mkabbra b’dan il-progress, u tifraħ u tithenna bih. L-iskop tal-ħidma tal-Knisja ġie mxandar tassew tajjeb mill-Anġli fuq in-nieqa tal-Verb magħmul Bniedem, meta kantaw Glorja ‘l Alla, u ħabbru l-paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
  4. Din il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti bħalha, ġiet imħollija b’wirt mill-istess Feddej lid-dixxipli tiegħu: Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi (Ġw 14,27); u miljuni ta’ erwieħ din il-paċi kisbuha, qegħdin jiksbuha u għad jiksbuha għaliex jimxu wara t-tagħlim sublimi ta’ Kristu, miġbur minnU stess fil-preċett doppju tal-imħabba t’Alla u tal-proxxmu. Il-ġrajja tad-dinja – il-ġrajja, li oratur kbir Ruman sejħilhom Imgħallmin tal-ħajja (Ċiċerun Oratio 1.2,9) – ġrajja ta’ elfejn sena sħaħ qegħdin hemm biex juru kemm hija mnnha l-kelma tal-Iskrittura li ma jkollux paċi min iżomm iebes lil Alla (Ġob 9,4). Il-għaliex Kristu huwa l-ġebla tal-minkeb (Ef 2,20) li fuqha biss il-bnedmin u s-soċjetà jistgħu isibu l-mistrieħ u l-ħelsien.
  5. Fuq din il-ġebla tal-minkeb hija mibnija l-Knisja, u għalhekk is-setgħa tal-għadu ma tista’ qatt għaliha, il-bibien tal-infern ma jirbħux (Matt 16,18) l-għadu ma jista’ qatt jifnilha ħajjitha, anzi jiġri l-kontra, jiġri li t-taqbid minn barra u minn ġewwa jservi biss biex aktar isaħħaħha u biex iżid il-kuruni kbar tar-rebħiet tagħha.
  6. Min-naħa l-oħra kull ħaġ’oħra li ma tkunx mibnija fuq il-pedament sħiħ u sod tat-tagħlim ta’ Kristu, tkun qiegħda fuq ramel imċaqlaq, u ġurnata jew oħra għandu jasal il-waqt li tinqered għal kollox (Matt 7,26-27).

 

Is-siegħa tad-dwejjaq li għaddejjin minnha

  1. Aħwa Venerabbli, il-waqt li fih ser taslilkom l-ewwel Enċiklika tagħna, jista’ jissejjaħ tabilħaqq għall-bosta raġunijiet is-siegħa tad-dlamijiet (ara Lq 22,53), is-siegħa li fiha l-għelt u l-vjolenza qed iferrgħu fuq id-dinja xita ta’ dmija u ta’ tbatijiet li ma jistgħux jitfissru. M’hemmx bżonn ngħidulkom li l-qalb tagħna ta’ missier qiegħda bl-imħabba u l-mogħdrija tagħha qrib uliedna kollha, l-aktar qrib l-imnikktin, il-maħqura, il-batuti? Il-ġnus, imħarbtin mir-riefnu tal-gwerra għadhom forsi qegħdin iduqu biss il-bidu tat-tbatijiet (Matt 24,8), iżda diġà f’eluf ta’ familji qed isaltnu l-mewt, il-qirda, il-biki, il-miżerja.

Ix-xmajjar ta’ dmija li ħarġu minn eluf fuq eluf ta’ bnedmin, anke fost dawk li m’humiex jikkumbattu, iġibulna ħsara u qsim il-qalb, l-aktar meta niftakru li fost dawn l-imsejknin hemm nazzjon hekk maħbub bħalma hija l-Polonja, li għall-fedeltà tagħha lejn il-Knisja, għall-merti li kisbet biex taqbeż għaċ-ċiviltà nisranija, (merti miktubin b’ittri li ma jitħassru qatt fil-ġrajja tal-bnedmin) għandha l-jedd għall-mogħdrija ta’ aħwa mill-bnedmin kollha tad-dinja li jħossu tabilħaqq ta’ bnedmin; dan in-nazzjon b’tama qawwija fit-talb setgħan ta’ Marija Għajnuna tal-Insara qed tistenna l-jum li fih terġa’ tqum mill-ġdid u tirxoxta għall-ħajja li tkun taqbel mal-ħaqq u l-vera paċi.

  1. Dak kollu li ġara u li għadu qed jiġri, Aħna kollu rajnieh minn qabel, meta kienet għadha ma nqatgħetx kull tama, meta Aħna ma ħallejna xejn, skont ma jgħidilna l-ministeru apostoliku tagħna u skont il-mezzi li kellna f’idejna, meta għamilna kull ma stajna biex il-għelt li nqala’ ma jispiċċax fi gwerra u biex iseħħ il-ftehim li jkun xieraq għaż-żewġ naħiet. Għax billi nafu tajjeb li ladarba tibda l-forza min-naħa, in-naħa l-oħra mhux sejra ma tweġibx bl-armi wkoll, aħna ħassejna bħala dmir tal-ministeru apostoliku tagħna u tal-imħabba nisranija li tkebbsilna qalbna, li għandna nagħmlu minn kollox biex ma nħallux l-umanità u l-ġnus insara jinbelgħu fil-waħx tal-gwerra mondjali, u dawn l-isforzi ssuktajna nagħmluhom, avolja konna nafu li xi ħadd seta’ ma jifhimx sewwa jew jaħseb ħażin fil-fehmiet u fl-iskopijiet tagħna. It-twissijiet li tennejna, għalkemm ġew mismugħin bil-qima kollha, ma ġewx milqugħa. U waqt li l-qalb tagħna ta’ Ragħaj ma tista’ tagħmel xejn ħlief tara, tibki u tinfena, qed jiġi quddiem għajnejna r-Ragħaj it-Tajjeb u nistħajluna li f’ismU qed intennu lid-dinja t-tnehida tiegħu: Eh! li kieku kont taf x’inhu tajjeb għall-paċi tiegħek: iżda issa dan hu moħbi għal għajnejk (Lq 19,42).
  2. F’nofs din id-dinja li qed turina kemm ma taqbel xejn mal-paċi ta’ Kristu fis-saltna ta’ Kristu, il-Knisja u l-insara jinsabu fi żminijiet ta’ tiġrif li ftit dehru bħalu, għalkemm il-Knisja ħajjitha dejjem kienet hemm u taħbit. Iżda sewwasew fi żminijiet bħal dawn min jibqa’ sħiħ fit-twemmin u b’qalbu qawwija jaf li Kristu Re qatt ma hu aktar qrib milli fis-siegħa tat-tiġrif, li hi s-siegħa li fiha tiġi mġarrba l-fedeltà. B’qalbha mtertqa minħabba l-kotra ta’ tbatijiet li qed jaħqru lil uliedha, iżda bil-qawwa u bil-ħila kollha, l-Għarusa ta’ Kristu ma tistmellx tiltaqa’ ma rwiefen li qed ifaqqgħu. U hija taf li sewwasew mħabbar minnha, li l-imħabba li hija tgħallem u tħaddem għad ikunu l-għajnuna, li mingħajrha ma jista’ jsir xejn, ta’ dawk in-nies ta’ rieda tajba, meta jiġi biex jinbena ordni ġdid fid-dinja, ordni li jkun skont il-ħaqq u l-imħabba, wara li, l-umanità għajjiena mill-iżbalji tkun daqet kemm huma morri l-mibgħeda u l-vjolenza.

 

Il-bażi ta’ kollox

  1. Iżda sadanittant, Aħwa Venerabbli, id-dinja u dawk kollha li ġew milqutin mill-gwaj tal-gwerra għandhom jifhmu darba għal dejjem li l-imħabba nisranija, li fuqha hi mibnija s-saltna kollha ta’ Kristu, mhix xi kelma fiergħa iżda hi ħaġa ħajja u li teżisti tabilħaqq. Min irid iħaddem il-karità nisranija fl-għamliet kollha tagħha, għandu jsib issa xogħol x’jagħmel. Aħna għandna tama sħiħa li wliedna kollha, l-aktar dawk li għadu ma ġiex fuqhom il-flaġell tal-gwerra, jiftakru bħas-Samaritan Divin f’dawk kollha li, għax vittmi tal-gwerra, għandhom dritt għall-ħniena w għall-għajnuna.
  2. Il-Knisja Kattolika, din il-belt t’Alla l-Imbierek “li għandha s-sewwa b’sultan tagħha, l-imħabba b’liġi tagħha u l-ħajja ta’ dejjem b’qies u kejl tagħha” (S.Wistin, Ittra 138 lil Marċellinu C.3 no.17) din il-Knisja li xxandar mingħajr żbalji u t-tnaqqis tal-verità ta’ Kristu, li taħdem bil-ħrara ta’ Omm kif trid l-imħabba ta’ Kristu, din il-Knisja Mqaddsa tfeġġ bħal dehra mbierka ta’ paċi fuq il-belliegħa ta’ żbalji u ta’ taqlib, u tistenna l-waqt li fih l-id setgħana ta’ Kristu Re twaqqaf ir-riefnu u tjassar ix-xitan tal-għelt li kien kaġun tiegħu. Dak kollu li nistgħu nagħmlu biex tfittex tasal il-ġurnata li fiha l-ħamiema tal-paċi ssib fejn tistrieħ fuq din l-art imgħargħra fid-dilluvju tal-ġlied u tal-mibgħeda aħna nissuktaw nagħmluh waqt li nafdaw f’dawk il-kapijiet tal-Istati li qabel ma faqqgħet il-gwerra tħabtu kemm felħu biex ibegħdu ħerba bħal din mid-dinja; nissuktaw naħdmu għall-paċi waqt li nafdaw fil-miljuni ta’ erwieħ tal-pajjiżi kollha u tal-inħawi kollha, li mhux biss qed jitolbu ħaqq, iżda wkoll ħniena u mħabba: iżda fuq kollox, billi nafdaw f’dak Alla li jista’ kollox u billi nitolbuh ta’ kuljum: Jiena nistkenn taħt ġwenħajk sakemm jgħaddi r-riefnu (Salm 56,2).

 

Alla jista’ kollox

  1. Alla jista’ kollox: bħalma għandu f’idejh l-hena u x-xorti tal-ġnus, hekk ukoll imexxi kif irid, u jwassal bil-ħlewwa kollha lejn fejn jidhirlu Hu l-fehmiet tal-bnedmin: anki t-tfixkil, għas-setgħa bla qjies tiegħU mhux ħlief mezz biex isawwar kif irid Hu l-ħwejjeġ u l-ġrajja kollha, u biex idawwar il-ħsibijiet u r-rieda libera tal-bnedmin għall-iskopijiet għolja tiegħu.
  2. Itolbu mela Aħwa Venerabbli, itolbu mingħajr ma taqtgħu, itolbu l-aktar meta tkunu qegħdin toffru s-Sagrifiċċju Divin tal-imħabba. Itolbu intom, li biex tistqarru b’wiċċkom minn quddiem it-twemmin tagħkom, ikollkom toqogħdu għas-sagrifiċċji iebsa, ħorox u xi minn daqqiet erojċi: itolbu intom, imseħbin imnikkta u maħqurin tal-Knisja, meta Ġesù jiġi jfarraġkom u jtaffilkom in-niket tagħkom. U tinsewx tagħmlu mortifikazzjonijiet u penitenzi biex tagħmlu aktar saħħa u qawwa lit-talb tagħkom ħalli aktar jismagħkom. Dak li jwieżen lil min ikun ser jaqa’ u jerfa’ lill-imgħakksin (Salm 144,14) sabiex huwa fil-ħniena tiegħU iqassar iż-żmien tat-tiġrib u hekk iseħħu l-kelmiet tas-Salm: Isejħu lill-Mulej fil-hemm tagħkom, u Huwa min-niket tagħkom jeħliskom (Salm 106,13).
  3. U intom, qlub safja, qtajja’ ta’ ċkejknin, lilkom il-Mulej iħobbkom u jġibkom; meta titqarbnu bil-Ħobż tal-Ħajja, għollu t-talb sempliċi w innoċenti tagħkom, u għaqqduh ma’ dak tal-Knisja kollha. Il-Qalb ta’ Ġesù li tħobbkom, ma taf tiċħad xejn lill-innoċenti li jitolbuha; itolbu lkoll, itolbu mingħajr ma taqtgħu mit-talb (1 Tess 5,17).
  4. Hekk ikunu qed tħaddmu l-ogħla preċett tal-Imgħallem Divin, l-eqdes testment ta’ Qalbu, li kulħadd ikun ħaġa waħda (Ġw 17,21): li kulħadd jgħix f’dik il-għaqda ta’ twemmin u ta’ mħabba, sabiex id-dinja tagħraf is-setgħa u l-qawwa tal-missjoni ta’ Kristu u tal-ħidma tal-Knisja tiegħu.
  5. Il-Knisja tal-ewwel żminijiet fehmet u ħarset tajjeb dan il-preċett Divin u tennietu f’talba mill-isbaħ; u intom ingħaqdu bl-istess sentimenti li jaqblu tant ma’ dak li għandna bżonn fiż-żmien li għaddej minn fuqna: “Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek, sabiex teħlisha minn kull deni u sabiex twettaqha bl-imħabba tiegħek; qaddisha w iġborha minn kull naħa tad-dinja fis-saltna tiegħek li ħejjejtilha, għaliex tiegħek hija l-virtù u l-glorja għal dejjem ta’ dejjem” (Tagħlim tal-Appostli C.10).
  6. Fit-tama sħiħa li Alla li jagħti u jħobb il-paċi jisma’ t-talb tal-Knisja, bħala rahan tal-grazzja tas-Sema, mill-milja tal-Imħabba tagħna ta’ missier, inxerrdu fuqkom il-Barka Apostolika.

Mogħti f’Castel Gandolfo, qrib Ruma, fl-20 ta’ Ottubru 1939 fl-ewwel sena  tal-Pontifikat tagħna.

 

 PIUS P.P.XII

 

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading