Piju XII dwar Sant Antnin ta’ Padova

Print Friendly, PDF & Email

PAPA PIJU XII. ITTRA APPOSTOLIKA. EXULTA, LUSITANIA FELIX;

O FELIX PADUA, GAUDE[1].    (16 ta’ Jannar 1946)

ITTRA APPOSTOLIKA LI BIHA SANT’ANTNIN TA’ PADOVA, KONFESSUR, JIĠI DIKJARAT DUTTUR TAL-KNISJA UNIVERSALI

B’tifkira hienja għal dejjem. – Ifraħ, Portugall hieni; o hienja Padova, ifraħ.  Intom nissiltu fis-sema u fl-art, bl-istess dija ta’ glorja, lil dan il-bniedem li mhux biss hu magħruf għall-qdusija ta’ ħajtu u għall-mirakli li bihom sar famuż, imma wkoll jiddi bid-duttrina tas-sema li hu mar iferrex, u li biha dawwal id-dinja kollha, u għadu jdawwalha biha sallum.

 

Hu twieled minn ġenituri nsara u fi ħdan familja nobbli, fil-belt ta’ Lisbona, il-kapitali tal-Portugal.  Fi tfulitu l-Mulej żejjnu b’innoċenza u b’abbundanza ta’ għerf, hekk li dawn bla ebda dubju deheru fih sa mill-għabex tal-ħajja, flimkien ma’ sinjali oħrajn ċerti ta’ qdusija.

 

Ta’ żagħżugħ libes it-tonka umli tal-Kanoniċi Regulari ta’ Santu Wistin.  Għal ħdax-il sena ħarreġ ruħu fil-virtujiet tal-ħajja reliġjuża, u mela lil moħħu u lil qalbu bit-teżor tad-duttrina tas-sema.  Bid-dawl tal-grazzja divina wasal għas-saċerdozju, u kompla jikber fil-ħajja tal-perfezzjoni.  Sadanittant l-ewwel ħames martri ta’ l-Ordni tal-Patrijiet Minuri, li kienu marru missjunarji fil-Marokk, ħammru b’demmhom lill-Ordni Serafiku bħallikieku kien jiddi fil-ħmura ta’ l-għodwa.  Hu feraħ fuq li feraħ bir-rebħa glorjuża tal-fidi nisranija, u hekk Antnin tħeġġeġ bl-imħabba taħraq għall-martirju.  Erħielha bil-ġifen lejn il-Marokk, u niżel mimli hena fuq ix-xtut ta’ l-Afrika.  Imma wara ftit taż-żmien inħakem minn marda gravi, u kellu jerġa’ lura bil-ġifen lejn art twelidu.  Iżda qamet tempesta mill-aktar qalila fil-baħar, u Alla iddisponda li l-mewġ u l-irjieħ ġarrew il-ġifen tiegħu fuq ix-xtut ta’ l-Italja.  Hemmhekk ma kien jafu ħadd, u lanqas hu ma kien jaf lil ħadd, u għalhekk mar Assisi, waqt kapitlu ġenerali li fih kienu inġabru l-patrijiet u l-għalliema ta’ l-Ordni tiegħu.

 

Meta wasal hemmhekk, il-Missier San Franġisk laqgħu b’ferħ kbir, u bil-ħlewwa u t-tjieba tiegħu imlielu ruħu bl-ispirtu serafiku u b’ħeġġa kbira.  Sadanittant id-duttrina tas-sema ta’ Antnin xerrdet fil-beraħ il-fama tiegħu.  Il-Patrijarka Serafiku, meta aċċerta ruħu dwar dan kollu, ta l-mandat lil Antnin biex jgħallem lill-patrijiet, u ried jiktiblu dawn il-kelmiet mill-aktar sbieħ: Lil fra Antnin, isqof tiegħi, fra Franġisk jixtieqlek saħħa.  Għandi pjaċir li inti tgħallem it-tejoloġija mqaddsa lill-aħwa, imma basta li int, minħabba fl-istudju, ma titfix fik l-ispirtu tat-talb u tad-devozzjoni, kif hemm miktub fir-Regola.

 

Hekk Antnin aċċetta li jaqdi l-uffiċċju tat-tagħlim, u sar l-ewwel Lettur fi ħdan l-Ordni Serafiku.  Kien jgħallem fl-istudju tal-patrijiet f’Bologna; imbagħad kompla jgħallem f’Toulouse, u f’Montpellier; hekk sar mill-aktar magħruf f’dawn il-kunventi ta’ studji fil-bliet.  Antnin għallem lill-patrijiet u ġabar frott mill-aktar għammiel, imma hu qatt ma heda li jingħata għat-talb, kif kien għallmu l-Patrijarka Serafiku.

 

Mhux biss bil-kelma tat-tagħlim tiegħu, imma wkoll bl-eżempju tal-ħajja mill-aktar qaddisa tiegħu, ħa ħsieb jgħallem lid-dixxipli tiegħu f’Padova, u kien jidher abjad silġ bħal ġilju bis-safa tal-qalb tiegħu.  Kemm kien għażiż għall-Óaruf bla tebgħa, urieh Alla nnifsu għalkemm hu kien jibqa’ moħbi.  Ta’ spiss waqt li kien ikun waħdu fiċ-ċella jitlob, Antnin kien jiffissa għajnejh bil-ħlewwa kollha lejn is-sema, u dak il-ħin stess it-Tarbija Ġesù, jiddi b’dija ta’ l-għaġeb, kien jidher fi ħdan dak iż-żagħżugħ Franġiskan li kien iħaddnu ma’ dirgħajh.  Kien jitbissimlu u jimla lill-Qaddis bil-ħlewwa ta’ tifel ċkejken, hekk li l-Qaddis kien iħossu barra minn sensieh, u donnu jsir Anġlu u mhux bniedem, u jkun fil-kumpanija ta’ l-Anġli u mal-Óaruf, biex miegħu jirgħa qalb il-ġilji (cfr. Għan 2,16).  Antnin kien ixerred ma’ kullimkien id-dawl tad-duttrina tiegħu, u kien xandâr tal-kelma divina, hekk li kulħadd kien jaqbel filli jagħti xhieda li kien bniedem ta’ għerf kbir u li t-tifħir u l-kelma divina tiegħu kienu jgħollu lil kulħadd lejn is-sema.  Meta kien Padova kien kiteb is-Sermones tiegħu, li f’dawn il-volumi Antnin jidher mill-aktar espert fix-xjenzi qaddisa; jidher ukoll uniku fit-tiftix tad-dommi ta’ fidi teologiċi; jidher duttur insinji u għalliem fil-mod kif jitratta kwestjonijiet ta’ axxetika u mistika.  Hu kien jgħallem dan kollu bl-arti ta’ l-elokwenza divina, bħallikieku kien teżor, u kien jingħata b’ruħu u ġismu għal din l-opra unika ta’ ħabbâr ta’ l-Evanġelju.  Kien donnu jiġbor fl-imħażen il-ġid, u kien iwassal lil kulħadd, inklużi l-predikaturi qaddisa, għall-verità, kien ixekkel l-erruri, kien jieqaf lill-eretiċi, kien iwassal lura fit-triq it-tajba lill-bnedmin li jkunu sejrin jintilfu, permezz ta’ l-argumenti qawwija li jkunu bil-għatx għalihom.

 

Billi Antnin kien ta’ spiss jippriedka billi jagħmel użu minn siltiet u sentenzi mill-Evanġelju, stħaqqlu l-isem xieraq ta’ “Duttur Evanġeliku”.  Minn dan kollu, bħal minn għajn ta’ ilma dejjem tnixxi, kienu ħafna dawk id-Dutturi u Teoloġi li xorbu bl-abbundanza mill-kelma divina tiegħu sal-ġurnata tallum, hekk li huma jqisu lil Antnin bħala għalliem, u jixtiequ li jkollu l-ġieħ ta’ Duttur tal-Knisja Mqaddsa.  F’dan il-ġudizzju, l-istess Papiet kienu wrew xewqa simili u bħallikieku raw minn qabel l-utilità li jimxu fuq l-eżempju ta’ dawn id-dutturi.

 

Il-Papa Sistu IV, fl-Ittra Apostilika Immensa, tat-12 ta’ Marzu 1472, hekk mar jikteb: “Sant’Antnin ta’ Padova, bħal kewkba tiddi fil-għoli, dawwal id-dinja kollha bid-dija tiegħu, bil-prerogattivi tal-merti l-aktar wesgħin u tal-virtujiet li kellu, u bil-profondità ta’ l-għerf u tad-duttrina, kif ukoll bil-predikazzjoni mħeġġa tal-fidi tagħna ortodossa li biha dawwal il-Knisja Kattolika, żejjinha u waqqafha fis-sod”.  Il-Papa Sistu V, fl-Ittra Apostolika mogħtija bis-siġill fl-24 ta’ Jannar 1586, kiteb hekk: “Sant’Antnin minn Lisbona kien bniedem ta’ qdusija unika … u xorob mill-għerf divin”.  Il-predeċessur tagħna l-Papa Piju XI, ta’ tifkira hienja, fl-Ittra Apostolika ta’ l-1 ta’ Marzu 1931, Antoniana sollemnia, li ħabbret is-seba’ ċentenarju mill-mewt hienja ta’ Sant’Antnin, mibgħuta lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Elia Dalla Costa, Isqof ta’ Padova, li mbagħad sar Arċisqof u Kardinal ta’ Firenze, faħħar il-għerf divin ta’ dan l-Appostlu Franġiskan, li xtered ma’ kullimkien, u li ħabrek għall-integrità u l-qdusija ta’ l-Evanġelju.  Minn din l-Ittra tal-predeċessur tagħna jkun jiswa għalina li nerġgħu nġibu dawn il-kelmiet b’tifkira: “It-Tawmaturgu ta’ Padova, fiż-żminijiet imqallbin li fihom għex, li kienu infettati b’ħafna mard spiritwali, kien jiddi bil-għerf kristjan, u kien ixerred ma’ kullimkien il-fwieħa tal-virtujiet tiegħu … (Fl-Italja) il-ħidma apostolika tiegħu wettaqha bil-qawwa u b’mod ċar; hekk li qatt ma heda minn dan l-impenn tiegħu kostanti; fi Franza mbagħad ħadem f’diversi provinċji, hekk li dawn il-popli kollha, kemm iċ-ċittadini ta’ Lisbona, kif ukoll l-Afrikani, it-Taljani, il-Franċiżi, kollha setgħu jifhmu l-veritajiet tal-fidi kattolika permezz ta’ Antnin, u hu xerred it-tagħlim tiegħu bla ebda preferenza bejn nazzjonijiet u b’ħidma ikkurata tajjeb.  Óadem ukoll fost l-istess eretiċi, jiġifieri l-Albiġiżi, il-Katari u l-Patarini, li kienu qawwija u mħeġġa ħafna fi żmienu u li bosta minnhom kienu jġiegħlu lill-fidili nsara biex jitfu fihom id-dawl tal-fidi, u tant għamel suċċess bil-ħidma tiegħu fosthom, li stħaqqlu t-titlu ta’ martell ta’ l-eretiċi”.

 

Dan kollu ma għandux jgħaġġibna, meta nqisu l-piż tal-fama tiegħu f’mumenti qawwija, l-aktar meta l-Papa Girgor IX, li baqa’ mistagħġeb meta sema’ l-kliem ta’ l-għaġeb tal-predikazzjoni ta’ Antnin, mar jagħti lill-Qaddis ta’ Padova l-unur li jsejjaħlu Arka tat-Testment u Teżor ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.  Ta’ min jiftakar ukoll bil-mod hekk xieraq li, fl-istess jum tat-30 ta’ Mejju 1232, li fih it-Tawmaturgu ta’ Padova ġie inkluż fil-lista tal-Qaddisin tas-sema, biss ħdax-il xahar mit-transitu hieni tiegħu, meta l-Papa Girgor mexxa r-rit solenni u pontifikali tal-Kanonizzazzjoni ta’ Sant’Antnin, ried li bil-leħen tiegħu stess jibda l-kant ta’ l-Antifona tad-Dutturi tal-Knisja: “O duttur mill-aqwa, dawl tal-Knisja Mqaddsa, Sant’Antnin, int li ħabbejt il-liġi ta’ Alla, itlob għalina lill-Iben ta’ Alla”.  U meta hu għamel dan u beda l-Liturġija mqaddsa ried li lil Sant’Antnin jingħatalu l-kult tad-Dutturi tal-Knisja, permezz tal-ġieħ tal-Quddiesa tad-Dutturi fil-Missal “skond l-użanza tal-Kurja Rumana”.  Ukoll il-Quddiesa, li bdiet tintuża wara r-riforma tal-Kalendarju li għamel il-Papa San Piju V fl-1570, u li tintuża sa żminijietna mill-Familja Franġiskana fid-dinja kollha, u fid-djoċesijiet ta’ Padova u ta’ Lisbona u tal-Brażil, fost il-kleru kollu, lanqas ma tonqos li tagħtih dan l-istess ġieħ.

 

Minn dan kollu u minn dak li diġà għidna qabel ġara li, malli Antnin irċieva l-ġieħ tal-qaddisin fis-sema, ix-xbihat tiegħu fil-pitturi u l-iskulturi, biex iqanqlu d-devozzjoni ta’ l-insara lejn dan l-Appostlu kbir, bdew jipproponuh bil-ktieb miftuħ, jew f’idu jew maġenbu, biex jindika l-għerf u d-duttrina tiegħu, u wkoll bil-fjamma fl-id l-oħra, li hi simbolu tal-ħeġġa taħraq li kellu.  Ma għandniex nistagħġbu dwar dan, jekk fi ħdan l-istess Ordni Serafiku fil-kapitli ġenerali tiegħu għal diversi drabi ġiet murija x-xewqa li għat-Tawmaturgu ta’ Padova jiġi ikkonfermat il-kult ta’ Duttur li kien ilu jgawdih għal sekli sħaħ, u li dan il-kult jinfirex fil-Knisja kollha.  Kienu bosta dawk l-irġiel famużi li ma kellhomx dubju li din ix-xewqa setgħet issir realtà.  Fis-seba’ ċentenarju mill-mewt ta’ Sant’Antnin, sabiex bil-kuraġġ kollu dawn l-unuri tas-sema jiġu mogħtijin lilu darba għal dejjem, il-Franġiskani ta’ l-Ordni tal-Minuri għamlu talba uffiċjali lill-predeċessur tagħna, ta’ tifkira hienja, il-Papa Piju XI, kif ukoll imbagħad tennew l-istess talba lilna, sabiex aħna jogħġobna nordnaw li jingħata lil Antnin il-kult riservat għad-Dutturi tal-Knisja.

 

Ġara għalhekk li dawn it-talbiet bdew ġejjin mill-Kardinali, minn bosta Arċisqfijiet u Isqfijiet, kif ukoll mill-Ordnijiet Reliġjużi u Kongregazzjonijiet ta’ Prelati, kif ukoll minn persuni mill-aktar għorrief, kemm mill-kleru kif ukoll mil-lajċi, u wkoll mill-Universitajiet ta’ l-Istudji u l-Istituti akkademiċi tar-Reliġjużi.  Dawn it-talbiet żdiedu u kotru dejjem aktar.  Hekk aħna, wara li ikkonsultajna s-Sagra Kongregazzjoni Rumana għar-Riti, ħallejna għall-vot tagħha li jiġi magħżul iż-żmien opportun biex din ix-xewqa tiġi mitmuma.  Is-Sagra Kongregazzjoni bdiet taħdem fuq il-mandat tagħna, u iddelegat irġiel li jistħoqqilhom jeżaminaw ex officio b’mod akkurat dak kollu li ġġib magħha talba bħal din.  Wara li intalbu l-pariri separati ta’ kull membru, u wara li ġie eżaminat kollox bir-reqqa, kien fadal biss li l-istess Kongregazzjoni titlob li jitqies dak kollu li l-predeċessur tagħna l-Papa Benedittu XIV, ta’ tifkira hienja, għoġbu jitlob li jkunu r-rekwiżiti biex persuna qaddisa tiġi milqugħa fost id-Dutturi: jiġifieri, ħajja qaddisa insinji, duttrina eminenti u ċelesti, u d-dikjarazzjoni tal-Papa.  Hekk huma setgħu jipproċedu biex jiġi ippreżentat Sant’Antnin ta’ Padova għad-dikjarazzjoni ta’ Duttur tal-Knisja universali.

 

Fil-konċistorju ordinarju tat-12 ta’ Ġunju 1945, li sar fil-belt tal-Vatikan, l-Eminentissimu Kardinal Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, il-maħbub iben tagħna l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Presbiteru Raffaele Carolo Rossi, Segretarju tas-Sagra Kongregazzjoni tal-Konċistorju, u Ponente ta’ din il-kawża, li għamel relazzjoni dettaljata kif suppost, wara li l-membri semgħu wkoll il-maħbub iben tagħna Salvatore Natucci, Promutur Ġenerali tal-Fidi, qablu li din id-dikjarazzjoni setgħet issir.

 

Issa li ġie mwettaq dan il-proċess kollu, aħna nikkonċedu lill-Franġiskani kollha u lill-oħrajn kollha li jiġu milqugħin bil-qalb ix-xewqat tajba tagħhom.  Permezz ta’ din l-Ittra, wara li domna naħsbu fuq li naħsbu u nqisu kollox b’deliberazzjoni matura, Aħna, bil-milja tal-qawwa Apostolika li biha mżejnin, naħtru u niddikjaraw li Sant’Antnin ta’ Padova, Konfessur, għandu jitqies bħala Duttur tal-Knisja Universali.  Dan kollu nordnaw li jsir minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja fil-kostituzzjonijiet jew Ordinazzjonijiet Apostoliċi, ġejja minn fejn ġejja.  Hekk nordnaw, u hekk irridu li jiġi konfermat permezz ta’ din l-Ittra, sabiex jibqa’ dejjem validu u effikaċi u permanenti; irridu li dak li jingħad jottjeni l-effett sħiħ u integru tiegħu; hekk irridu li jiġi mifhum jew iġġudikat dak li hu definit; hekk li jkun projbit għal kull wieħed, hu min hu, u hi liema hi l-awtorità li jgawdi, li jittanta ma jħarisx dak li hu mniżżel, jew b’mod konxju jew inkella minħabba injuranza.

 

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, taħt iċ-ċurkett tas-Sajjied, nhar is-16 tax-xahar ta’ Jannar, festa tal-Protomartri Franġiskani, tas-sena 1946, is-seba’ sena tal-pontifikat tagħna.

 

Pius PP. XII

 

 

miġjuba għall-Malti minn Patri Noel Muscat ofm

[1] PIUS PP. XII, Litterae Apostolicae “Exulta, Lusitania felix; o felix Padua, gaude”, in Acta Apostolicae Sedis 38 (1946) 200-204.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d