Acerbo Nimis tal-Papa Piju X


Stampa t-test tal-Enċiklika …

ACERBO NIMIS fuq it-Tagħlim tad-Duttrina Nisranija

ITTRA ENĊIKLIKA TA’ PAPA PIJU X FUQ IT-TAGĦLIM TAD-DUTTRINA NISRANIJA LILL-PATRIJARKI, PRIMATI, ARĊISQFIJIET, ISQFIJIET, U ORDINARJI OĦRA F’GĦAQDA U SLIEMA MAS-SEDE APPOSTOLIKA

Venerabbli Ħutna, Saħħa u Barka Appostolika.

F’dan iż-żmien hekk iebes u diffiċli, il-pjanijiet moħbija ta’ Alla wasslu s-saħħa dgħajsa tal-uffiċju tar-Ragħaj suprem sabiex imexxi l-merħla sħiħa ta’ Kristu.  Dan il-għadu, ilha issa għal ħafna żmien jitħabat sabiex jattakka bil-għaqal sottili tiegħu lil din il-merħla hekk li t-taħbira tal-Appostlu lix-xjuħ tal-Knisja ta’ Efesu jidher li sseħħ tassew: ‘Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex’[1].  Dawk li huma żelużi għall-glorja ta’ Alla qed ifittxu l-kawżi u r-raġunijiet għal dan it-tkissir tar-reliġjon.  Jekk irridu naslu għal spjegazzjoni differenti rridu ngħidu li dawn l-għedewwa għandhom ilkoll skont il-ħsieb tagħhom pjan għall-protezzjoni u r-restawrazzjoni tas-saltna ta’ Alla fid-dinja.  Imma jidher għeżież ħuti li filwaqt li m’għandniex nibqgħu għaddejjin minn fuq kunsiderazzjonijiet oħra, aħna mġegħlin naqblu ma’ dawk li qed iżommu li l-kawża prinċipali tal-indifferenzi preżenti u tad-dgħufija tar-ruħ u l-ħażen kollu li joħroġ minn dan jinstab fuq kollxo fl-injoranza tal-ħwejjeġ divini.  Dan huwa fi qbil sħiħ ma’ dak li Alla nnifsu ddikjara permezz tal-Profeta  Ħosegħa: ‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej, ulied Iżrael. Għax il-Mulej għandu kawża man-nies tal-pajjiż. Għax m’hemmx fedeltà u lanqas tjieba; m’hemmx għarfien ta’ Alla fl-art, ħalf u gideb, qtil u serq; u kotra ta’ adulterji, vjolenza fil-pajjiż, u delitt fuq ieħor.  Għalhekk il-pajjiż għad jibki, u jinfena kull min jgħammar fih; il-bhejjem tax-xagħri, u t-tajr ta’ l-ajru, u mqar il-ħut ukoll jinqered’[2].

 

  1. Huwa għajn ta’ inkwiet komuni, u b’xorti ħażina inkwiet b’pedament tassew, li hemm għadd kbir ta’ Insara fi żmienna li huma tassew nieqsa mit-tagħlim fejn jidħlu l-veritajiet meħtieġa għas-salvazzjoni. U meta nsemmu l-Insara, qegħdin nirreferu mhux biss għall-maes jew għal dawk li jagħmlu parti mill-mixja l-aktar ordinarja tal-ħajja – għaliex dawn isibu xi skuża għall-injoranza tagħhom fil-fatt li d-domandi ta’ min iħaddihom ma jippermettilhomx ħin għajr sabiex jieħdu ħsieb  lil dawk li jiddependu minnhom – imma qed nirreferu hawnhekk lil dawk li mhumiex nieqsa mill-kultura u t-talenti.  Huwa diffiċli li jinstab kliem li jiddeskrivi kemm huwa profond id-dlam li fih dawn jinsabu u agħar minn dan hija t-trankwillità li fiha jibqgħu jgħixu.  Huma rarament jaħsbu f’Alla, l-Awtur u l-Ħakkiem Suprem u ta’ kollox u lanqas jaħsbu fir-restawrazzjoni perfetta tar-razza umana minnu mwettqa.  Il-Grazzja, l-ogħla fost l-għajnuniet li jwasslu għall-kisba tal-ħajja eterna, il-Sagrifiċċju Mqaddes u s-Sagramenti li bihom aħna niksbu l-grazzja, mhumiex magħrufa lilhom.  M’għandhom ebda kunċett ta’ ħażen jew tad-dnub; għalhekk ma juru ebda ansjetà sabiex jevitaw id-dnub jew jirrinunzjaw għalih.  Għalhekk huma jaslu fi tmiem il-ħajja f’din il-kundizzjoni hekk li s-saċerdot huwa obbligat li fl-aħħar ftit waqtiet tal-ħajja jwasslilhom ġabra fil-qosor tat-tagħlim tar-reliġjon meta dan il-ħin suppost li jkun iddedikat sabiex ir-ruħ tfittex tħobb lil Alla b’imħabba akbar.  Ħafna drabi wkoll il-persuna konċernata tant tkun nieqsa mit-tagħlim li ż-żjara tas-saċerdot f’dawn il-mumenti ma tkunx tista’ tħalli frott u allura r-ruħ tħejjji r-ruħ għall-passaġġ għall-ħajja eterna mingħajr il-konsolazzjoni tas-sliem ma’ Alla.  Għalhekk il-predeċessur tagħna Papa Benedittu XIV kellu raġun meta kiteb: ‘Aħna niddikjaraw li għadd kbir ta’ dawk li huma kundannati għall-kastig etern isofru din il-kalamità aħħarija minħabba l-injoranza ta’ dawk il-misteri tal-fidi li jeġtieġ li jkunu magħrufa minn kulħadd u emmnuti sabiex wieħed jingħadd fost dawk li huma salvi’.[3]

 

  1. Ma hemm imbagħad, Venerabbli Ħutna, ebda raġuni għalfejn wieħed jistagħġeb quddiem ir-realtà tal-korruzzjoni tal-morali u ċ-ċaħda tal-ħajja anke fost dawk li huma popli nieqsa miċ-ċiviltà imma anke fost dawn in-nazzjonijiet li diġà huma Insara. L-Appostlu Pawlu, huwa u jikteb lill-Efesin, għal aktar minn darba jwissihom: ‘Żína u kull xorta ta’ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux; imma aktar għandu jkun hemm fostkom radd il-ħajr’.[4]  Hu jqiegħed il-pedament tal-qdusija u l-morali sana fuq għarfien tal-ħwejjeġ qaddisa  għaliex huwa dak li jżomm fil-kontroll ix-xewqat ħżiena: ‘Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem’.[5]  Hekk tassew għandu jkun. Għaliex ir-rieda tal-bniedem iżżomm fiha ftit li xejn minn dak li huwa divinament imqiegħed fi ħdanha minn dik l-imħabba ta’ virtù u tjieba li permezz tagħhom hija tinġibed lejn dak li huwa tassew tajjeb u mhux biss tajjeb b’mod apparenti.  Minħabba d-diżordni tad-dnub ewlieni, il-bniedem jinsab lil Alla awtur tiegħu u jdawwar l-affezzjoni tiegħu lejn dak li huwa vanituż u qarrieqi.  Dan l-iżball għandu mela bżonn ta’ gwida sabiex twasslu lura lejn il-mogħdijiet tal-ġustizzja li minnhom il-bniedem ikun tbiegħed.  Hija gwida li imma jekk ma tkunx akkumpanjata mid-dawl, mill-għarfien tal-ħwejjeġ divini, tippreżena l-każ ta’ wieħed għami qed imexxi għami u għalhekk it-tnejn jaqgħu fil-ħofra.  Is-sultan qaddis David, huwa u jfaħħar lil Alla bħala Dawk imqaddes għall-intellet, jesklama: ‘Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek’.[6] Imbagħad jiddeskrivi l-effett ta’ dan id-dawl meta jgħid: ‘Int nissilt l-hena f’qalbi’. Dan il-ferħ jimla l-qalb ħalli timxi fil-kmandamenti ta’ Alla.

 

  1. Dan kollu jsir evidenti f’riflessjoni ċkejkna. It-tagħlim Kristjan jirrivela lil Alla u l-perfezzjoni infinita b’ċarezza akbar minn dik li hija possibli bil-fakultajiet tal-bniedem waħdu.  Dan mhuwiex kollox.  Dan it-tagħlim Nisrani jikkmandana sabiex nonoraw lil Alla bil-fidi, permezz tal-moħħ, permezz tat-tama li tappartjeni lir-rieda, u permezz tal-imħabba li tappartjeni lir-ruħ; u hekk il-bniedem sħiħ ikun suġġettat għall-Ħallieq suprem u Mexxej ta’ kollox.  Id-dinjità singulari tal-bniedem bħala iben il-Missier tas-sema li fix-xbieha tiegħu kien iffurmat u li miegħu hu destinat li jgħix fil-ħajja tal-hena ta’ dejjem hija rivelata biss permezz tad-duttrina ta’ Ġesù Kristu.  Minn din id-dinjità u mill-għarfien tal-bniedem tagħha, Kristu wera li l-bnedmin għandhom iħobbu lil xulxin bħal aħwa u bħala ulied id-dawl: ‘Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira.’[7]  Hu jħeġġiġna wkoll sabiex inqiegħdu l-ansjetà tagħna f’idejn Alla għaliex Hu jipprovdielna; jgħidilna sabiex ngħinu l-foqra, nagħmlu l-ġid lil dawk li jobogħduna, u li nippreferu l-ġid eterna ta’ ruħna ‘l fuq minn kull ġid ieħor temporali tal-ħajja.  Jewwilla mhuwiex veru li l-bniedem supperv huwa mħeġġeġ mill-amar tal-Mulej Ġesù sabiex jitħabat ħalli jikseb l-umiltà, l-għajn ta’ kull glorja? ‘Min iċekken lilu nnifsu….huwa l-akbar wieħed fis-saltna tas-smewwiet’.[8] Minn dan l-istess tagħlim aħna nitgħallmu l-prudenza tal-ispirtu u nevitaw il-prudenza tal-ġisem; nitgħallmu l-ġustizzja li permezz tagħha kulħadd jieħu dak li ħaqqu; nitgħallmu s-sabar li jħejjijna ħalli nifilħu nissaportu kollox b’qalb sħiħa  u nbatu kollox għal Alla u għall-ħajja eterna; u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, it-temperanza li permezz tagħha ngħożżu mqar il-faqar li ġej mill-imħabba ta’ Allau għalhekk insibu l-glorja fis-salib innifsu mingħajr ma nagħtu kas tal-għajb tiegħu.  Fl-aħħarnett, it-tagħlim Nisrani mhux biss jitfa’ fuq l-intellett id-dawl li jwassal għall-verita’ imma minnu r-rieda tagħha tislet dak il-ġieħ li permezz tiegħu nogħlew ‘il fuq lejn Alla u jingħaqdu miegħu fil-prattika tal-virtù.

 

  1. Aħna bl-ebda mod ma rridu nikkonkludu li rieda perversa u mġieba mhix kontrollata ma jistgħux jingħaqdu ma’ għarfien tar-reliġjon. Mhux li kien li l-fatti jippruvaw mod ieħor b’mod abbundanti!  Imma aħna nżommu wkoll li r-rieda ma tistax tkun f’postha u lanqas l-imġiba ma tkun tajba jekk il-moħħ ikun magħkus taħt it-toqol tad-dalma u s-saħta tal-injoranza.  Bniedem li jimxi b’għajnejh miftuha jista’ tassew jinfixel u ma jibqax miexi fit-triq it-tajba imma bniedem niqes mid-dawl jinsab f’periklu aktar imminenti li jitlef triqtu.  Aktar minn hekk, dejjem hemm ftit tagħha għal riforma mill-imġiba perversa sakemm id-dawl tal-fidi ma jkunx intefa għal kollox;  imma jekk in-nuqqas ta’ fidi jiżżewweġ man-nuqqas tal-moralità minħabba l-injoranza, il-ħażin ftit li xejn jaċċetta rimedju u t-triq tat-telfien tinfetaħ fil-wisa’ kollu tagħha.

 

  1. Kemm huma bosta u kemm huma gravi l-konsegwenzi tal-injoranza fil-ħwejjeġ tal-fidi! U mill-banda l-oħra kemm huwa neċessarju u benefiċenti t-tagħlim tal-istruzzjoni reliġjuża! Hija tassew vanità dik ta’ min jippretendi li jwettaq id-dmirijiet tiegħu ta’ Nisrani mingħajr ma jkun jaf x’inhuma dawn l-istess dmirijiet.

 

  1. Issa jeħtieġ li nikkunsidraw min huwa responsabbli li jeqred din l-injoranza u jxerred it-tagħlim tant indispensabbli. Ma hemm ebda dubju, Venerabbli Ħutna, li dan id-dmir l-aktar importanti huwa tagħna, aħna li aħna rgħajja tal-erwieħ.  Huwa fuqhom li bil-amar ta’ Ġesù jistrieħu l-obbligi tat-tagħlim u tal-għajxien tal-merħla afdata lilhom: ‘U nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u                   l-għaqal’[9].  Għalhekk l-appostlu Pawlu qal: ‘Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu’.[10] Dan juri li l-ewwel dmir ta’ dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-Knisja huwa li jgħallmu l-fidili l-ħwejjeġ ta’ Alla.

 

  1. Aħna ma nħossux li huwa meħtieġ li għandna hawnhekk infaħħru lil dawk li jistħoqqilhom il-mertu f’dan ir-rigward. Għax jekk Alla jfaħħar il-karità li nagħtu lil dawk fil-bżonn mela kemm aktar huma prezzjużi f’għajnejh dawk li biż-żelu u l-ħidma tagħhom jitħabtu sabiex jgħallmu t-tagħlim tal-ħajja ta’ dejjem!  Żgur li xejn mhu aktar mixtieq, xejn mhu aktar aċċettabbli għal Sidna Ġesù Kristu s-Salvatur tal-Erwieħ, li jgħid hekk fil-Ktieb ta’ Iżaija: ‘Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin’.[11]

 

  1. Mela tajjeb nenfasizzaw u ninsistu li għas-saċerdot ma hemm ebda dmir aktar gravi jew obbligu aktar qawwi minn dan. Min se jiċħad li t-tagħlim huwa marbut ħaġa waħda mal-qdusija u l-ħajja tas-saċerdot? ‘Għax xufftejn il-qassis għandhom iħarsu l-għerf, u n-nies minn fommu jfittxu t-tagħlim, għax hu l-messaġġier tal-Mulej ta’ l-eżerċti’.[12] Il-Knisja titlob dan l-għarfien minn dawk li huma ordnati għas-saċerdozju.  Għaliex? Għax il-poplu Nisrani jistenna minnhom li jkunu jafu t-tagħlim tal-liġi divina u x’inhi s-sejħa tagħhom. ‘U huma jfittxu l-liġi fuq fommu; għaliex huwa l-anġlu tal-Mulej tal-eżerċti’.[13]  Għalhekk l-isqof meta jitkellem mal-kandidati għas-saċerdozju fiċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni u jgħid: ‘Ħa jkun it-tagħlim tagħhom ta’ fejqan spiritwali għall-poplu ta’ Alla; jalla jkunu ħaddiema denji fl-ordni tagħna u permezz tal-meditazzjoni tal-Liġi tiegħu bil-lejl u bin-nhar, huma jemmnu dak li jaqraw u jgħallmu dak li jemmnu’.[14]

 

  1. Jekk dak li għadna kemm għidna jgħodd għas-saċerdoti, jewwilla ma japplikax ukoll b’qawwa akbar għal dawk li għandhom l-uffiċċju ta’ kappillani u li in virtu’ tal-uffiċju tagħhom iżommu bħal f’kuntratt l-uffiċċju ta’ ragħajja tal-erwieħ? Dawn huma sa ċertu punt, ir-rgħajja u l-għalliema magħżula minn Kristu sabiex il-fidili ma jkunux ‘aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball’,[15] imma jikbru fir-ras li huwa Kristu.

 

  1. Għal din ir-raġuni, il-Konċilju ta’ Trentu, huwa u jitratta d-dmirijiet tar-rgħajja tal-erwieħ iddekreta li l-aktar xogħol importanti tagħhom huwa t-tagħlim tal-fidili.[16] Għalhekk jippreskribi  li huma għandhom jgħallmu l-veritajiet tar-reliġjon kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi solenni; u fl-istaġuni qaddisa tar-Randan u l-Avvent huma għandhom jgħallmu kuljum mill-inqas għal tliet darbiet fil-ġimgħa.  Dan ma kienx meqjus biżżejjed.  Il-Konċilju provda wkoll għall-istruzzjoni taż-żgħażagħ billi żied li r-rgħajja tal-erwieħ għandhom jispjegaw il-veritajiet tar-reliġjon tal-inqas kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi u anke lit-tfal tal-parroċċa u jnisslu fihom imħabba għall-ubbidjenza lejn Alla u l-ġenituri.  Meta s-sagramenti jkunu amministrati, hu l-obbligu tal-kappillani li jispjegaw l-effikaċja tagħhom f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

 

  1. Dawn il-preskrizzjonijiet tal-Konċilju ta’ Trentu ġew imqassra u defeniti mill-predeċessur tiegħi, Benedittu XIV, fil-Kostituzzjoni Esti minime. “Il-konċilju ta’ Trentu impona żewġ obbligazzjonijiet lill-kappillani: l-ewwel li jippridkaw il-ħwejjeġ ta’ Alla fil-ħdud u fil-festi, u t-tieni li jgħallmu l-bażi tal-fidi u l-liġi divina liż-żgħażagħ u dawk li jeħtieġu istruzzjoni bħal din’.  Mela l-Papa qed jagħmel għażla bejn dawn it-tnejn: waħda hija dik li ngħidulha b’mod komuni l-ispjega tal-Vanġelu u l-oħra hija t-tagħlim tad-duttrina Nisranija.  Forsi hemm dawk li biex inaqqsu mix-xogħol tagħhom jemmnu li l-Evanġelju tal-Ħadd jista’ jieħu post l-istruzzjoni kateketika.  Imma min jirrifletti jintebaħ li dan hu impossibli.  Il-priedka tal-Vanġelu hija indirizzata lil dawk li diġa rċivew xi tagħlim tal-elementi tal-fidi.  Għalhekk din tkun qisha ħobż miksur għall-adulti.  L-istruzzjoni kateketika min-naħa l-oħra hija dak il-ħalib li l-appostlu Pietru jitkellem minnu u li jrid jingħata lil dawk li għadhom trabi.

 

  1. Ir-rwol tal-katekista huwa li jaqbad aspett tal-veritajiet tal-fidi jew tal-moralità Nisranija u jispjega kollox biċċa biċċa. Ladarba l-bidla tal-ħajja hija l-iskop ewlieni tal-istruzzjoni, il-katekista jeħtieġ joħloq xebh bejn dak li Alla jikkmandana u l-imġiba tagħna.  Imbagħad għandu juża eżempji xierqa u adattati mill-Iskrittura, mill-istorja tal-Knisja u mill-ħajjiet tal-qaddisin – hekk huwa jqanqal lis-semmiegħa tiegħu u jgħinhom jirregulaw l-imġiba tagħhom.  Fl-aħħarnett hu għandu jeżorta lil dawk preżenti sabiex jevitaw il-vizzju u jipprattikaw il-virtù.

 

  1. Aħna konxji tassew li x-xogħol tat-tagħlim tal-katekiżmu mhuwiex popolari fost ħafna nies għax ftit huma dawk li jħobbuh u lanqas jiġbed it-tifħir tal-pubbliku. Imma dan huwa ġudizzju żbaljat għax mibni fuq il-vanità u nieqes mill-verità.  Aħna m’aħniex kontra u ma niddiżapprovawx lil dawk l-oraturi tal-pulpti li frott iż-żelu ġenwin għall-glorja ta’ Alla jiddedikaw lilhom infushom għad-difiża tal-fidi u t-tixrid tagħhom u jagħmlu eloġji dwar il-qaddisin ta’ Alla.  Imma l-ħidma tagħhom titlob ħidma oħra li hija dik tal-katekist.  Jekk din tkun nieqsa, il-pedament ikun dgħajjef; u jitħabat għalxejn min irid jibni d-dar.  Ħafna drabi jiġri li l-priedki sbieħ li jirċievu l-applawsi tal-kongregazzjonijeit iservu biex jgħarrxu lill-widnejn imma ma jmissux il-qlub tas-semmiegħa.  L-istruzzjoni kateketika mill-banda l-oħra, fis-sempliċità kbira tagħha, hija l-Kelma t’Alla fuq fomm il-profeta Iżaija: ‘Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu      mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel. Iva, bil-ferħ għad toħorġu, u bis-sliem titwasslu. Quddiemkom f’għajat ta’ ferħ jinfexxu l-muntanji u l-għoljiet, u ċċapċap idejha kull siġra tar-raba’. Minflok ix-xewk jitla’ ċ-ċipress, minflok l-għollieq ir-riħan. Dan ikun għall-glorja tal-Mulej, sinjal għal dejjem li ma jitħassar qatt”.[17] Aħna nemmnu li l-istess jista’ jingħad għas-saċerdoti li jaħdmu biex jiktbu l-kotba li jispjegaw it-tagħlim tar-reliġjon.  Huwa ċertament ta’ min ifaħħarhom imma kemm huma dawk li qed jaqraw dawn il-kotba u jisiltu minnhom il-frott li huwa fi qbil max-xogħol u l-intenzjoni tal-kittieba? It-tagħlim tal-Katekiżmu mill-banda l-oħra qatt ma jehda milli jkun ta’ profitt għal min jisimgħu.

 

  1. Mela sabiex jissaħħaħ iż-żelu tal-ministri ta’ Alla ninsitu mill-ktieb li wieħed jilħaq il-għadd ta’ dawk li ma jafu xejn dwar ir-reliġjon. Kemm huma dawk mhux biss fost iż-żgħar imma anke fost l-adulti u dawk avvanzati fl-età li ma jafu xejn dwar il-misteri ewlenin tal-fidi u li meta jisimgħu l-isem ta’ Ġesù Kristu jistaqsu? ‘Min hu ..ħalli nemmen fih!’[18]  B’konsegwenza ta’ din l-injoranza huma ma jikkunsidrawx li huwa ħażin li jnisslu l-mibegħda lejn il-proxxmu, jew li jidħlu għal kuntratti inġusti, inkella li jagħmlu n-negozju b’mod diżonest jew li jkollhom flus tal-oħrajn u iżommuhom għal imgħax tassew għoli jew forsi jwettqu ħażen xejn inqas kbir minn dan.  Dawn huma nies injoranti mit-tagħlim tal-liġi ta’ Kristu li tikkundanna mhux biss l-azzjonijiet immorali imma li saħansitra ma tippermettix li wieħed ikollu b’mod deliberat ħsibijiet jew xewqat immorali. Ħafna huma dawk li ma jevitaw il-pjaċiri tas-sensi imma jħaddnu l-ħażen mingħajr skruplu u allura jkattru l-kotra ta’ dnubiethom.  Dawn in-nies issibhom, u hawhekk intenni, mhux biss fil-klassijiet il-baxxi tas-soċjeta’ imma anke qalb dawk li huma mgħallma u li jserrħu fuq l-għerf tagħhom sabiex jirridikulaw ir-reliġjon u jwaqqgħu għaċ-ċajt ‘dak kollu li ma jafux’.[19]

 

  1. Issa jekk ma nistgħux naħsdu meta ż-żerriegħa ma tkunx lanqas ġiet miżrugħa kif nistgħu mela nittamaw li jkollna poplu b’morali sana kemm-il darba d-duttrina Nisranija ma ġietx miżrugħa fi żmienha? Mela jekk fi żmienna din id-duttrina għebet għal kollox, ir-raġuni hija li d-dmir tat-tagħlim tal-katekiżmu jew ma ngħatax sewwa jew twarrab għal kollox.  Mhux biżżejjed li bi skuża ngħidu li l-fidi hija don gratuwitu ta’ Alla mogħti fil-Magħmudija.  Huwa minnu li fil-Magħmudija  aħna nitgħammdu fi Kristu u nirċievu l-abitu jew il-libsa tal-fidi u titqiegħed fina ż-żerriegħa divina.  Imma din mhijiex bħaż-żerriegħa tal-mustarda li ‘tikber ….u toħroġ friegħi wesgħin’.[20]  Il-bniedem għandu l-fakultà li jifhem diġa mat-twelid imma għandu wkoll il-bżonn tal-preżenza ta’ ommu sabiex din il-fakultà tqum fuq tagħha u tiżviluppa u ssir attiva.  Hekk ukoll in-Nisrani li jitwieled mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu għandu l-fidi fih imma jeħtieġ it-tagħlim tal-Knisja sabiex jgħajjixha u jsaħħaħha ħalli tħalli l-frott.  Għalhekk l-Appostlu Pawlu kiteb: Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu’.[21]  Imbagħad ikompli: ‘Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?’[22]

 

  1. Dak li għidna sa issa juri l-importanza suprema tal-istruzzjoni reliġjuża. Jeħtieġ mela li nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex inżommu sħiħ it-tagħlim tal-Knisja għaliex fil-kliem tal-Predeċessur tagħna Benedittu XIV ‘Ma hemm xejn aktar effettiv mill-istruzzjoni kateketika sabiex inxerrdu l-glorja ta’ Alla u nassiguraw is-salvazzjoni tal-erwieħ’.[23]

 

  1. Mela, Venerabbli Ħutna, mimlijin u msaħħin bix-xewqa tat-twettiq ta’ dan l-obbligu l-aktar importanti tal-Uffiċju tat-Tagħlim Tagħna, nixtiequ li bl-Awtorità Suprema mogħtija lilna ngħaddu dawn ir-reuli u nordnaw bil-qawwa li jkunu osservati u mwettqa fid-djoċesijiet kollha tad-dinja.

 

19.I.   Kull nhar ta’ Ħadd u fil-ġranet qaddisa, mingħajr eċċezzjoni, il-kappillani u dawk li għandhom il-kura tal-erwieħ iridu jgħallmu lit-tfal għal siegħa sħiħa t-test tal-Katekiżmu u jitkellmu magħhom fuq dak li għandhom jemmnu għas-salvazzjoni.

 

20.II. F’ċerti żminijiet tas-sena, iridu jħejju lil dawn it-tfal subjien u bniet kif jirċievu sewwa s-sagramenti tal-Maħfra u tal-Griżma tal-Isqof permezz ta’ istruzzjoni kontinwata mifruxa fuq diversi ġranet.

 

21.III. B’żelu partikulari, f’kull ġurnata tar-Randan jekk meħtieġ u anke fil-ġranet ta’ wara l-Għid, iridu jgħallmu permezz ta’ illustrazzjonijiet u eżortazzjonijiet liż-żgħażagħ taż-żewġ sessi sabiex jirċievu l-Ewwel Tqarbina kif xieraq.

 

22.IV. F’kull parroċċa is-soċjetà magħrufa bħala l-Konfraternità tad-Duttrina Nisranija għandha tkun kanonikament stabilita.  Permezz ta’ din il-konfraternità, ir-rgħajja speċjalment fejn hemm nuqqas jew skarzezza ta’ saċerdoti, għandu jkollhom lajċi sabiex jgħinuhom fit-tagħlim tal-Katekiżmu li jieħdu f’idejhom il-ħidma tal-mogħdija tat-tagħlim, jiġifieri li jgħaddu t-tagħlim ta’ Kristu għall-glorja ta’ Alla lill-oħrajn.  Dan għandhom jagħmluh għall-glorja ta’ Alla u sabiex jikbsu indulġenzi numerużi mogħtija mill-Papiet.

 

23.V. Fi bliet kbar u speċjalment fejn hemm universitajiet, kulleġġi u skejjel sekondarji, ħalli jkun hemm lezzjonijiet tar-reliġjon sabiex jgħallmu l-veritajiet tal-fidi u l-prattika tal-fidi Nisranija liż-żgħażagħ li jattendu dawk l-iskejjel. Dan it-tagħlim ħa jkun mgħallem ukoll f’dawk l-iskejjel fejn mhux permess it-tagħlim tar-reliġjon.

 

24.VI.  Ladarba huwa fatt li anke l-adulti għandhom bżonn dan it-tagħlim, ħalli mela r-rgħajja pastorali jispjegaw il-katekiżmu lill-poplu fi stil sempliċi adattat għall-intelliġenza tas-smmiegħa.  Dan għandu jsir mhux biss fil-ġranet qaddisa tal-obbligu imma kull meta jkun konvenjenti li jsir imma mhux waqt l-istess siegħa meta t-tfal qed ikunu mgħallma.  L-istruzzjoni trid tkun żjieda mal-omelija tas-soltu li ssir fil-Quddiesa tal-Ħadd u l-festi.  L-istruzzjoni kateketika trid tkun ibbażata fuq il-Katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trentu; fi spazju ta’ erba’ jew ħames sigħat irid isir it-trattament tal-Kredu tal-Appostli, is-Sagramenti, l-Għaxar Kmandamenti, il-Missierna u l-preċetti tal-Knisja.

 

  1. Venerabbli Ħutna, Aħna nordnaw u nikkmandaw bis-setgħa tal-Awtorità Appostolika dan kollu li għidna. Issa huwa għalikom li twettqu dan kollu fid-djoċesijiet rispettivi tagħkom u dan kollu għandu jsir bil-qima u l-kura kollha u mhux b’mod superfiċjali. Għidu lill-kappillani tagħkom sabiex l-ewwel jitħejjew sewwa huma fix-xogħol tagħhom.  Hekk huma ma jitkellmux biss kliem ta’ għerf uman imma jwasslu l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu ‘bis-sempliċità u s-sinċerità’[24].  Għaliex kien Hu li rrivela ‘l-ħwejjeġ moħbija sa mill-ħolqien tad-dinja’[25] imma li fl-istess waqt tkellem mal-folol bil-parabboli u mingħajr il-parabboli ‘ma kienx ikellimhom’.[26] Nafu li l-Appostli kienu mgħallma l-istess; għalihom il-Papa San Girgor kiteb: ‘Huma għandhom f’idejhom il-kura suprema tat-tagħlim lil dawk li ma jafux u jwasslulhom il-veritajiet faċli biex jinftiehmu aktar milli ħwejjeġ tqal u diffiċli’.[27]  Fl-oqsma tar-reliġjon, il-parti l-kbira tal-bnedmin ta’ żmienna jeħtieġ li jitqiesu nieqsa mit-tagħlim.

 

  1. Ma rridux nagħtu l-impressjoni li din il-ħidma tat-tagħlim imwassal b’mod sempliċi ma fihiex ħidma u meditazzjoni. Għall-kuntrarju titlob kull tħejjija aktar minn kull predikazzjoni oħra.  Aktar faċli għall-predikatur ta’ ħila li jagħmel omelija elokwenti milli għall-katekist li jgħallem fid-dettall.  Ħalli mela l-kaatekista jiftakar li ma jistax jgħallem id-duttrina Nisranija sewwa lill-adulti jekk qabel xejn ma jitħejjiex sewwa u jistudja.  Żbaljati dawk li jaħsbu li x-xogħol tal-katekista jista’ jitwettaq ta’ malajr u f’malajr.  Għall-kuntrarju inqas ma jkunu edukati dawk li se jisimgħu l-katekiżmu, aktar irid ikun imħejji min se jwassal il-veritajiet sublimi tal-fidi.  B’hekk biss jistgħu dawn jaslu għall-ferħ ta’ dejjem.

 

  1. U issa, Venerabbli Ħutna, ħalluni nagħlaq din l-ittra billi nindirizzalkom il-kliem ta’ Mosè: ‘Min iżomm mal-Mulej jigi ħdejja’[28] Inħeġġukom għalhekk tirriflettu fuq it-telfien tal-erwieħ li jista’ jseħħ frott l-injoranza fil-ħwejjeġ divini.  Żgur li fid-djoċesijiet rispettivi tagħkom intom wettaqtu proġetti ta’ ħila għall-ġid tal-erwieħ afdati f’idejhom.  Imma fuq kollox fittxu li twasslu t-tagħlim tad-duttrina Nisrani li hu tal-akbar importanza.  Hawnhekk ninqeda bil-kelmiet tal-Appostlu Pietru: ‘Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid ta’ l-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta’.[29]

 

  1. Bl-interċessjoni tal-Verġni Immakulata jalla t-tentattivi tagħkom iħallu l-frott permezz tal-Barka Appostolika, li bħala għotja tal-affenzjoni Tagħna u bħala pleġġ tal-grazzji tas-sema, Aħna nagħtukom lilkom, lill-kleru u lill-poplu tagħkom.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, nhar il-ħmistax-il jum ta’ April, 1905, it-tieni sena tal-Pontifikat Tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Dun Geoffrey George Attard

 

[1] Atti 20: 29.

[2] Ħos 4: 1-3

[3] Instit., 27:18.

[4] Efes 5: 3-4.

[5] Efes 5: 15-16.

[6] Salm 4:7.

[7] Rum 13: 13.

[8] Mt 18: 4.

[9]Ġer 3: 15.

[10] 1 Kor 1: 17.

[11] Lq 4: 18.

[12] Mal 2: 7.

[13] Ibid.

[14] Pontifikal Ruman.

[15] Efes 4: 14.

[16] Sess. V, cap. 2, De Reform.; Sess. XXII, kap. 8; Sess. XXIV, kap. 4 & 7, De Reform.

[17] Iż 55: 10-11.

[18] Ġw 9: 26.

[19] Ġuda 10.

[20] Mk 4: 32.

[21] Rum 10: 17.

[22] Rum 10: 14.

[23] Kostituzzjoni, Etsi minime, 13.

[24] 2 Kor 1: 12.

[25] Mt 13: 35.

[26] Mt 13: 35.

[27] Morals, I, 17, kap. 26.

[28] Eż 32: 26.

[29] 1 Pt 4: 10

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.