Il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Amoris Laetitia 

Print Friendly, PDF & Email

Fr Joe Galea Curmi,  Vigarju Ġenerali jikteb dwar il-kriterji tal-Isqfijiet Maltin dwar l-applikazzjoni ta’  Kapitlu VIII tal-Amoris Lætitia  …

Il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Amoris Laetitia huma pass għaqli ħalli s-saċerdoti f’Malta u Għawdex jistgħu jaqdu b’mod tajjeb il-ministeru tagħhom kif qed jitlob il-Papa. Huma linji-gwida li jagħtu għajnuna meħtieġa fiċ-ċirkustanzi kumplessi tal-lum.

JGC_12062014Diversi reazzjonijiet li kien hemm f’websites, speċjalment barranin, kienu għar-rapporti fuq il-media mhux għall-kriterji nfushom. Diversi nies ma għandhomx paċenzja jaqraw id-dokument kollu. Fil-fatt, anke jekk il-kriterji qegħdin ippubblikati bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan, hemm min ipprefera jaqra rapporti fuqhom, jew forsi jaqra biss paragrafu 10 tal-kriterji, jew sentenza minn dan il-paragrafu, minflok jaqra wkoll il-paragrafi kollha ta’ qabel u ta’ wara.

X’ma jgħidux il-kriterji

Għalhekk, qabel xejn, wieħed irid jara x’ma jgħidux il-kriterji.

Il-kriterji ma jgħidux li kull min hu divorzjat jew separat u qed jgħix ma’ xi ħadd ieħor jista’ jitqarben.

Il-kriterji ma jgħidux li issa t-tqarbin sar skont kif tħossok li qiegħed.

Il-kriterji ma jgħidux li dak li qabel kien ħażin issa sar tajjeb.

Huwa biss min ma jsegwix pass pass il-kriterji kif żviluppati fid-dokument li jista’ jasal għal xi konklużjoni jew oħra żbaljata. Nafu x’jiġrilek fid-dinja meta ma timxix pass pass – iċ-ċans hu li titgerbeb!

X’jgħidu l-kriterji

Il-kriterji jagħmlu referenza kontinwa għall-Eżortazzjoni Appostolika ta’ Papa Franġisku Amoris Laetitia biex jispjegaw kif għandu jsir l-akkumpanjament u d-dixxerniment.

Jgħidu li llum is-sitwazzjonijiet huma kumplessi ħafna u għalhekk wieħed irid iqis każ każ. Altru każ u altru ieħor.

Jgħidu li jrid isir proċess ta’ dixxerniment serju u onest. Mhux ta’ kafkaf jew fuq fuq. Dixxerniment ifisser li tgħarbel dak li Alla qed jgħidlek fiċ-ċirkustanzi partikulari ta’ ħajtek.

Jgħidu li s-saċerdot qiegħed hemm biex jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza mhux biex jieħu postha. Jiġifieri s-saċerdot m’għandux jgħid lil min jiġi: ‘agħmel hekk’, ‘tagħmilx hekk’. Imma għandu jgħin lill-persuna partikulari biex tasal għal deċiżjoni u terfa’ hi r-responsabbiltà quddiem Alla tad-deċiżjoni li tieħu.

Passi fl-akkumpanjament u fid-dixxerniment

Hemm diversi passi fl-akkumpanjament u d-dixxerniment. L-ewwel pass hu li persuna tfittex saċerdot li jakkumpanjaha biex iddawwal il-kuxjenza tagħha, kif stednuna nagħmlu l-Isqfijiet fl-Ittra li nqrat fil-Knejjes.

Insemmi xi punti li jsemmu l-kriterji tal-Isqfijiet:

–  Il-bżonn ta’ djalogu tas-saċerdot mal-persuni f’sitwazzjonijiet ‘irregolari’.

–  Is-smigħ attent tal-istorja tagħhom, bil-kumplessità kollha tagħha.

–  Id-dover li wieħed idawwal il-kuxjenza biex tkun iffurmata mit-tagħlim tal-Knisja.

–  Id-distinzjoni li trid issir bejn każ u ieħor.

–   L-għajnuna lill-persuni konċernati biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza, b’mumenti ta’ riflessjoni u ta’ sogħba.

–   L-attenzjoni għar-responsabbiltà morali fiċ-ċirkustanzi partikulari, u għall-fatturi li jikkundizzjonaw il-ħajja.

–   Fid-dawl ta’ dan, il-modi differenti kif jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità.

Is-saċerdot jakkumpanja lill-persuni konċernati u jgħinhom fid-dixxerniment, biex huma jistgħu jaslu għall-għażliet tagħhom li jagħmluhom skont il-kuxjenza quddiem Alla. Niftakru dak li l-Konċilju Vatikan II jgħid fuq il-kuxjenza. Hi “ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstema’ go fina.” (Gaudium et Spes, 16)

Espressjoni ta’ Knisja Omm u Għalliema

 Il-kriterji huma espressjoni ta’ Knisja Omm u Għalliema. Omm li tibqa’ ċara fit-tagħlim tagħha, u fil-messaġġi li jagħtu d-dawl meħtieġ u d-direzzjoni għall-ħajja; imma wkoll Omm li tagħmel minn kollox biex tieqaf ma’ wliedha u takkumpanjahom fil-mixja tal-ħajja u tara kif jistgħu jibqgħu dejjem parti mill-familja, anke meta jgħaddu minn ċirkustanzi dolorużi jew meta jiżbaljaw u jħawdu.

Naqraw il-kriterji kollha

Li żgur hemm bżonn hu li naqraw il-kriterji kollha bil-mod, mingħajr għaġġla żejda, u bi spirtu ta’ talb. Ma nagħżlux paragrafu wiehed u ninjoraw il-bqija. Inqisu kull pass li jissemma u x’ifisser. Meta nagħmlu hekk, nintebħu kemm huma kriterji għaqlin.

Fr Joe Galea Curmi

(Dan l-artiklu deher ukoll fir-Rivista, Flimkien u fil-gazzetta Il-Lehen)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading