Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tal-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema

Print Friendly, PDF & Email

Fil-15 ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tal-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema.

Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verità rrivelata lilna minn Alla li meta l-Verġni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bil-qawwa ta’ Alla mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hi d-domma tal-Assunzjoni. Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesù tela’ bil-qawwa tiegħu stess.

Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa’ bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.

Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna. Wara li Ġesù tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu. Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u 15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesù.

Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum. Dan hu t-twemmin tagħna.

Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sa mill-bidu tal-mewt tagħha, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.

Marija mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply