L-Isqof Mario Grech fil-Pontifikal ta’ Santa Marija

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 15 ta’ Awwissu 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Pontifikal tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, fil-Pjazza tal-Katidral, iċ-Ċittadella.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/876297181″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

 

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex

LINGWAĠĠ LI JERFA’ LILL-BNIEDEM

L-ewwel sentenza li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann tolqot il-widna anki ta’ min ma jemminx bil-qarabagħli: “Fil-bidu kienet il-Kelma, il-Kelma kienet ma’ Alla u l-Kelma kienet Alla. Kienet fil-bidu ma’ Alla. Kollox sar biha u xejn ma sar mingħajrha” (1:1-2).

Fi kliem ieħor il-Kelma hija kollox! Imma llum qed ngħixu f’epoka mħawda qatigħ għax tlifna l-“kelma”. Il-Kelma ta’ Alla tilfet is-sens għalina l-bnedmin; u l-bnedmin battlu kliemhom minn kull tifsira, għaldaqstant kliemna sar bla sens. X’jibqa’ fih il-bniedem meta jarmi taħt riġlejh kliemu! Neħħilu l-kelma, u l-bniedem jista’ jindifen. Ma nistgħux inkunu fi kriżi iktar wiegħra, għax meta l-bniedem jitlef il-kelma, ikun tilef is-sens tal-limitu, tad-drittijiet, tad-dmirijiet, saħansitra kull sens ta’ dinjità. Meta l-kelma tiddgħajjef, ma tibqax ċara u preċiża u ssir “fluwida”, jiddgħajfu ħafna affarijiet oħra: nibdew nitħawdu min hu l-bniedem, x’valur għandha l-ħajja umana, x’inhi l-familja, x’jagħmel il-ġid komuni u l-bqija. Meta nibdew nilagħbu bil-kliem, inkunu nħottu l-qigħan tal-ħajja, għax jisfaxxaw valuri kbar bħalma huma l-imħabba, is-sinċerità, l-onestà, il-mogħdrija u l-ġustizzja. B’xorti ħażina, illum taħsibha darbtejn u tlieta jekk toqgħodx fuq il-kelma ta’ dak li jkun. Darba waħda l-kelma kienet tfisser impenn (“nagħtik kelma!”), serħan il-moħħ, garanzija, ċertezza… imma llum dan kollu tar mar-riħ. Saħansitra l-kelma msaħħa bil-ġurament tilfet il-qawwa tagħha! Bħal donnu l-kelma ġiet iffriżata, u xħin naqbduha f’idejna, din tinħall u f’idejna tibqa’ qatra ilma!

Huwa fatt li kliemna sar irħis wisq; ir-ribass ta’ kliemna wassal biex hawn inflazzjoni tal-lingwaġġ. Illum is-suq tant huwa mifqugħ bil-kliem li ftit baqa’ kliem serju li għadu verament jinċidi. Il-kliem tant ma għadu jfisser xejn li bħal donnu wieħed jemmen li għandu l-liċenzja li jgħid kollox u l-kuntrarju ta’ kollox fl-istess nifs. Il-midja soċjali tgħin f’dan il-proċess ta’ degradazzjoni tal-kelma, għax tat lok biex il-bniedem ivenven mhux biss dik li tissejjaħ fake news imma wkoll kliem baxx u oxxen, tagħjir, kalunnji, kliem aggressiv u vjolenti. Qisu dak li jiswa llum huwa kemm wieħed kapaċi jwassal leħnu u għalhekk jiftaħ il-ħanxra u jgħajjat, jgħajjar u jfieri u jaħraq lil dak u lill-ieħor. F’isem id-demokrazija ninsabu niżlin b’ritmu mgħaġġel fl-assurd. F’dan il-qafas li jikxef kemm il-bniedem sar ma jafx jinqeda bil-kelma, ħassieb Taljan, Vittorino Andreoli, dan l-aħħar qal li l-bniedem ta’ żmienna tilef “il-memorja semantika” u għalhekk ikun insult li dan jissejjaħ homo sapiens sapiens, għax tant erġajna morna lura illi wieħed jista’ jiddeskrivi l-bniedem kontemporanju bħala homo stupidus stupidus!

B’xorti ħażina, illum il-gidba saret parti mill-ordni tal-ġurnata. Hemm min juża l-gidba biex jiddefendi lilu nnifsu. Hemm min jinqeda bil-gidba bħala għodda ta’ gwerra – saret parti minn strateġija meta rridu nkissru lil xi ħadd jew lil xi wħud. Meta ma naqbilx ma’ xi ħadd jew għażla li tkun saret, allura nipprova naħtaf il-moħħ ta’ ħaddieħor bil-gideb. Il-bniedem jaf li l-qerq huwa arma qawwija li tmermer u tħassar individwi, familji, gruppi u soċjetà. Barra minn hekk, mhux daqshekk rari li l-istess giddieb jispiċċa jemmen il-gideb tiegħu nnifsu. Dan id-dnub jeżisti wkoll fil-Knisja. Mhux ta’ b’xejn is-soċjetà tal-lum ġiet deskritta bħala “post truth society”, li fi kliem Oxford Dictionaries hija soċjetà fejn il-fehma pubblika ma sserraħx fuq il-fatti oġġettivi imma fuq l-emozzjonijiet u fuq dak li l-bniedem jimmaġina li huwa fattwali. F’din il-kultura, il-verità saret ta’ importanza sekondarja jekk mhux ukoll irrilevanti!

Fil-ktieb tiegħu Post-truth, il-ħassieb McIntyre Lee jgħid li l-gidba hija għamla ta’ kif wieħed jaħkem u jinfluwenza l-ħsieb tal-oħrajn. Għall-giddieb mhux importanti li jitwemmen imma li jkollu l-wiċċ li jigdeb. Għalxejn wieħed jipprova jġib provi u xhieda – anki dokumentata jew xjentifika – għax it-tendenza hija li wieħed jaċċetta bħala fatt dak li jaqbel mal-mentalità, il-valuri u l-preġudizzji li hu jkollu f’qalbu, u jiġi jaqa’ u jqum jekk dak li qed jgħid jew qed jasallu għandux fundament jew le. L-importanti għall-giddieb huwa li jitfa’ t-tajn biex iħammeġ jew jgħawweġ il-verità.

Hemm imbagħad dik li tissejjaħ “il-gidba negattiva”, meta quddiem il-kultura tal-gideb, partikularment quddiem il-gidba kollettiva li toħloq ħafna illużjonijiet, wieħed jiskot, għax is-sinċerità mhix apprezzata u xi drabi hija ppenalizzata. Għalhekk wieħed jasal biex jiċħad il-verità billi ma jiddefendihiex.

Fis-Solennità tal-Assunta l-Knisja tfakkarna f’dak il-passaġġ fil-Vanġelu fejn Ġesù jfaħħar lil Marija mhux tant għax hija l-omm li wilditu, imma għax hija dik li semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha. Fil-fatt, lil dik il-mara li minn qalb il-folla qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġabek u s-sider li rdajt”, Ġesù weġibha: “Imma… aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha”. Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem għax f’ħajjitha ħolqot spazju f’qalbha fejn setgħet “tħares” u tindokra l-Kelma ta’ Alla. San Ljun il-Kbir jikteb li Marija l-ewwel nisslet lil Ġesù fil-menti tagħha, imbagħad f’ġufha; u Santu Wistin jgħallem li “Kristu verità fil-ħsieb ta’ Marija u Kristu laħam fil-ġuf tagħha”. Santu Wistin ikompli jgħid: “Huwa aktar importanti li Marija kienet dixxiplu ta’ Ġesù milli kienet omm Kristu” (Sermo 25,7).

Fil-Vanġeli għandna diversi passaġġi li jikkonfermaw li l-Assunta kienet kustodja tal-Kelma. Meta r-ragħajja spiċċaw jaduraw lil Ġesù tarbija mimduda f’maxtura u telqu, “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tħares f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Wara li ġew lura mill-festa tal-Għid f’Ġerusalemm fejn kienu tilfu lil Ġesù, San Luqa jgħidilna li “ommu kienet tħares f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (2:52). Darba oħra Ġesù jgħid: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu” (Lq 8:21). Għalhekk, bir-raġun nistgħu niddefenixxu lil Marija bħala dik li “tħares il-kliem ta’ Ġesù” (LG, 58).

Wieħed ma jħarisx il-Kelma billi jimla l-Bibbja bit-tpinġija artistika, jiksiha bid-deheb, iżejjinha bil-ħaġar prezzjuż, imbagħad ipoġġiha fil-vetrina! Il-mużewijiet mimlijin b’dawn! Imma kif jgħid il-Papa Franġisku, il-Kelma ta’ Alla nħarsuha meta niftħu qalbna għaliha u dik il-Kelma tinżel bħal żerriegħa f’qalbna; meta nfittxu t-tifsira tal-Kelma għall-mument li qed ngħixu, nistħarrġu xi jrid Alla minna f’dan il-mument u nikkonfrontaw il-ħajja tagħna mal-Kelma (8 ta’ Ġunju 2013). Min iħares il-Kelma jitgħallem jitkellem. Il-bniedem jitgħallem jitkellem bis-sens biss skont kemm għandu ħila jħares il-Kelma ta’ Alla. Dan narawh f’Marija. Fil-fatt, il-Papa Benedittu jikteb li proprju għax kienet dieħla u ħierġa fil-Kelma, Marija saret “titkellem u taħseb bil-Kelma ta’ Alla; il-Kelma ta’ Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma ta’ Alla. Barra dan jidher li ħsibijietha jixbhu l-ħsibijiet ta’ Alla, ir-rieda tagħha hija ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla. Billi hija kienet mimlija għalkollox bil-Kelma ta’ Alla, hija tista’ ssir Omm il-Kelma li saret bniedem” (Deus Caritas est, 41).

Marija ġiet imtellgħa fis-Sema għax hija Omm Kristu, imma wkoll għax kienet ħarriesa tal-Kelma ta’ Alla. It-Tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem jikkonferma mhux biss li l-Kelma ta’ Ġesù hija ta’ min joqgħod fuqha – “Alla stess, li qajjem lil Kristu mill-imwiet, iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħix fikom” (Rum 8:11) – imma wkoll li min iħares il-Kelma ta’ Alla, quddiemu ma għandux il-baħħ imma l-ħajja eterna. Dik li qatt ma bejtet ebda kelma mħassra f’qalbha u lanqas ħassret ħajjet ħadd, stħaqqilha li ma tarax it-taħsir tal-qabar! Għax kienet tuża lingwaġġ li jerfa’ lill-bniedem, Marija ġiet merfugħa fis-Sema.

Għalhekk, f’din il-kultura ta’ kliem battal li jiffumenta biss l-inċertezza u s-suspett, iktar u iktar fi żmien drammatiku mmarkat bi kriżi ekonomika u soċjali, l-Għid ta’ Kristu u l-Għid tal-Assunta qed jagħtuna messaġġ li l-Kelma ta’ Alla hija l-uniku kriterju ermenewtiku taż-żmien u tal-istorja. L-Assunta qed tgħidilna li l-kliem tagħna l-bnedmin jibda jagħmel sens jekk, kif seħħ fil-każ tagħha, inħalluh jittieħed mill-Kelma ta’ Alla. Min jagħmilha mal-Kelma ta’ Alla huwa sinċier, ma jigdibx, ma joħloqx stejjer, ma jgħawwiġx il-fatti, ma jidħakx b’ħaddieħor, ma joffendix, ma jnissilx inċertezzi. Imdakkrin bil-Kelma ta’ Alla, nevitaw ħafna taħsir soċjali. Hija l-Kelma ta’ Alla li tgħinna nibnu soċjetà aktar fraterna u solidali. Il-Kelma li fil-bidu kienet ma’ Alla, kienet Alla u kollox sar biha u xejn mingħajrha (Ġw 1:2), tiggwidana biex nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba. Nitolbu lill-Assunta tgħinna nintebħu kemm jista’ jkun malajr li l-intelliġenza razzjonali jew intellettwali waħidha mhix biżżejjed, imma neħtieġu l-intelliġenza tal-qalb li tiddistingwi lill-bniedem, biex inkunu nistgħu nintrefgħu ’l fuq! Alla biss jimla l-qalb tal-bniedem!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading