Benedittu XVI dwar id-domma tal-Assunzjoni.

Print Friendly, PDF & Email

Omelija tal-Papa Benedittu XVI. Solennità ta’ Santa Marija.

15 ta’ Awwissu 2012

Għeżież ħuti,

Nhar l-1 ta’ Novembru 1950, il-Venerabbli Papa Piju XII ipproklama bħala domma li l-Verġni Marija “fi tmiem ħajjitha fuq din l-art, ġiet imtellgħa bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-Sema”. Din il-verità tal-fidi kienet magħrufa mit-Tradizzjoni, saħqu fuqha l-Missirijiet tal-Knisja, u fuq kollox kienet aspett importanti tal-qima mogħtija lil Omm Kristu.  Kien sewwa sew l-element ta’ kult li, biex ngħidu hekk, kien il-mutur li wassal għat-tiswir ta’ din id-domma: id-domma tidher bħala att ta’ ġieħ u eżaltazzjoni lill-Verġni Mbierka.  Dan joħroġ ukoll mit-test innifsu tal-Kostituzzjoni Appostolika, fejn jingħad li d-domma qed tiġi pproklamata “għall-ġieħ ta’ l-Iben, għall-glorifikazzjoni ta’ l-Omm u l-ferħ tal-Knisja kollha”.  Hekk ġie espress fil-forma dommatika dak li diġà kien iċċelebrat fil-kult u fil-qima tal-Poplu ta’ Alla bħala l-ogħla u l-aqwa glorifikazzjoni ta’ Marija: l-att ta’ proklamazzjoni ta’ l-Assunta deher kważi bħala liturġija tal-fidi.  U fil-Vanġelu li għadna kemm smajna issa, Marija nfisha tlissen b’mod profetiku xi kelmiet li jmexxuna f’din il-perspettiva.  Hi tgħid: “Minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48).  Hi profezija għall-istorja kollha tal-Knisja.  Din l-espressjoni tal-Magnificat, li nsibuha f’San Luqa, turina li t-tifħir lill-Verġni Mbierka, Omm Alla, magħquda ħaġa waħda ma’ Kristu Binha, insibuh fil-Knisja ta’ kull żmien u ta’ kull post.  U l-fatt li l-Evanġelista jniżżel dawn il-kelmiet ifisser li l-glorifikazzjoni ta’ Marija kienet diġà hemm fi żmien San Luqa u hu kien jaraha bħala dmir u dover tal-komunità Nisranija għall-ġenerazzjonijiet kollha.  Kliem Marija jfisser li hu dmir tal-Knisja li tfakkar il-kobor tal-Madonna fil-ħajja tal-fidi.  Din is-solennità għalhekk hi stedina biex infaħħru lil Alla, u biex inħarsu lejn il-kobor tal-Madonna, għax lil Alla nagħrfuh mill-wiċċ ta’ dawk li huwa għażel.

Imma għaliex Marija hi gglorifikata bit-Tlugħ fis-Sema?  San Luqa, kif smajna, jara l-għerq ta’ l-eżaltazzjoni u tal-ġieħ lil Marija fl-espressjoni ta’ Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet” (Lq 1:45).  U l-Magnificat, din l-għanja lil Alla li hu ħaj u jaħdem fl-istorja, hu innu ta’ fidi u ta’ mħabba, li jnixxi minn qalb il-Verġni.  Hi għexet b’fedeltà eżemplari u ħarset fil-ġewwieni ta’ qalbha l-kelmiet ta’ Alla lill-poplu tiegħu, il-wegħdiet li saru lil Abraham, Iżakk u Ġakobb, u għamlet minnhom il-kontenut tat-talb tagħha: il-Kelma ta’ Alla fil-Magnificat saret il-kelma ta’ Marija, musbieħ fil-mixi tagħha, hekk li fetħitilha qalbha biex tilqa’ wkoll fil-ġuf tagħha lill-Verb ta’ Alla magħmul bniedem.  Il-paġna tal-Vanġelu tal-lum tfakkarna f’din il-preżenza ta’ Alla fl-istorja u fl-istess ġrajjiet li jseħħu fiha; b’mod partikulari hemm riferiment għat-Tieni Ktieb ta’ Samwel fis-sitt kapitlu (6:1-15), fejn David iġorr l-Arka Mqaddsa tal-Patt.  It-tixbih li jagħmel l-Evanġelista hu ċar: Marija, hija u tistenna t-twelid ta’ Binha Ġesù, hi l-Arka Mqaddsa li ġġorr fiha l-preżenza ta’ Alla, preżenza li hi għajn ta’ faraġ, ta’ ferħ sħiħ.  Ġwanni, fil-fatt, jaqbeż bil-ferħ f’ġuf Eliżabetta, l-istess kif David żifen quddiem l-Arka.  Marija hi ż-“żjara” ta’ Alla li ġġib magħha l-ferħ.  Żakkarija, fl-għanja tiegħu ta’ tifħir, jgħidha ċara: “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Israel, għax ġie jżur u jifdi lill-poplu tiegħu” (Lq 1:68).  Id-dar ta’ Żakkarija għexet iż-żjara ta’ Alla fit-twelid bla mistenni ta’ Ġwanni l-Battista, imma fuq kollox fil-preżenza ta’ Marija, li f’ġufha ġġor lill-Iben ta’ Alla.

Imma issa nistaqsu: X’se jagħti lill-mixja tagħna, lil ħajjitna, dan it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija?  L-ewwel tweġiba hi din: fit-Tlugħ fis-Sema naraw li f’Alla hemm wisa’ għall-bniedem, Alla nnifsu hu d-dar ta’ ħafna għamajjar li dwarha jitkellem Ġesù (ara Ġw 14:2); Alla hu d-dar tal-bniedem, f’Alla hemm il-wisa’ ta’ Alla.  U Marija, meta twaħħdet ma’ Alla, ma tbegħditx minna, ma marritx fuq xi pjaneta minsija, imma min imur għand Alla iktar joqrob lejna, għax Alla hu qrib tagħna lkoll, u Marija, magħquda ma’ Alla, tieħu sehem fil-preżenza ta’ Alla, hi qrib ħafna tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna.  Hemm kelma sabiħa ta’ San Girgor il-Kbir dwar San Benedittu li nistgħu napplikaw mill-ġdid għal Marija wkoll: San Girgor il-Kbir jgħid li l-qalb ta’ San Benedittu tant twessgħet li l-ħolqien kollu seta’ jidħol f’din il-qalb.  Dan jgħodd bil-wisq aktar għal Marija: Marija, magħquda kollha kemm hi ma’ Alla, għandha qalb hekk kbira li l-ħolqien kollu jista’ jidħol f’din il-qalb, u xhieda ta’ dan huma l-ex-voto mxerrdin mad-dinja kollha.  Marija hi qrib tagħna, tista’ tismagħna, tgħinna, hi qrib tagħna lkoll.  F’Alla hemm wisa’ għall-bniedem, u Alla hu qrib tagħna, u Marija, magħquda ma’ Alla, hi qrib ħafna, għandha qalbha kbira bħall-qalb ta’ Alla.

Imma hemm ukoll l-aspett l-ieħor: mhux biss f’Alla hemm post għall-bniedem; fil-bniedem hemm post għal Alla.  Dan ukoll narawh f’Marija, l-Arka Mqaddsa li ġġorr fiha l-preżenza ta’ Alla.  Fina hemm post għal Alla u din il-preżenza ta’ Alla fina, hekk importanti biex iddawwal id-dinja fin-niket tagħha, fil-problemi tagħha, din il-preżenza sseħħ fil-fidi: fil-fidi niftħu l-bibien tagħna hekk li Alla jista’ jidħol fina, hekk li Alla jista’ jsir il-qawwa li tagħtina l-ħajja u d-direzzjoni.  Fina hemm wisa’, ninfetħu bħalma nfetħet Marija, u ngħidulu: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmteK”.  Niftħu qalbna għal Alla, xejn ma nkunu nitilfu.  Bil-kontra: ħajjitna tistagħna u tikber.

U hekk, fidi u tama u mħabba jsiru ħaġa waħda.  Il-lum nisimgħu ħafna dwar stennija ta’ dinja aħjar: din hi t-tama tagħna.  Jekk din id-dinja aħjar għadx tasal u meta, ma nafux, ma nafx.  Li hu żgur hu li dinja li titbiegħed minn Alla ma ssirx aħjar, imma tmur għall-agħar.  Il-preżenza ta’ Alla biss tista’ tiggarantixxi wkoll dinja tajba.  Nieqfu hawn fuq din.

Ħaġa waħda, tama waħda hi żgura: Alla qed jistenniena, m’aħniex mexjin lejn il-vojt, hemm min qed jistenniena.  Alla qed jistenniena u, meta naslu fid-dinja l-oħra, sa nsibu tilqagħna t-tjieba ta’ l-Omm tagħna, sa nsibu lill-għeżież tagħna, sa nsibu l-Imħabba dejjiema.  Alla qed jistenniena: dan hu l-ferħ kbir tagħna u t-tama kbira li titnissel sewwa sew minn din il-festa.  Marija qed iżżurna, u hi l-ferħ ta’ ħajjitna u l-ferħ hu tama.

Mela xi ngħidu?  Qalb kbira, preżenza ta’ Alla fid-dinja, wisa’ għal Alla fina u wisa’ ta’ Alla għalina, tama, aħna mistennija: din hi s-sinfonija ta’ din il-festa, il-ħjiel li tagħtina l-meditazzjoni ta’ din is-Solennità.  Marija hi ż-żerniq u l-ġmiel tal-Knisja trijunfanti; hi l-faraġ u t-tama għall-poplu li għadu miexi, jgħid il-Prefazju tal-lum.  Nintelqu fl-interċessjoni tagħha ta’ Omm, biex taqlgħalna minn għand Alla l-grazzja li nissaħħu fil-fidi tagħna fil-ħajja ta’ dejjem; tgħinni ngħixu tajjeb u bit-tama ż-żmien li Alla qed joffrilna.  Tama Nisranija, li m’hix biss nostalġija tal-Ġenna, imma xewqa ħajja u attiva ta’ Alla hawn fid-dinja, xewqa għal Alla li tagħmilna pellegrini bla heda, u ssaħħaħ fina l-kuraġġ u l-qawwa tal-fidi, li fl-istess waqt huma kuraġġ u qawwa ta’ l-imħabba.  Amen.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: