Irroddu ħajr lill-Mulej għad-don tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Ittra Pastorali tal-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

IRRODDU ĦAJR LILL-MULEJ GĦAD-DON TAL-ISQOF MARIO GRECH

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/884898928″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Għeżież,

Nixtieq li f’din l-ewwel Ittra tiegħi lilkom irrodd ħajr lil Alla flimkien magħkom għad-don tal-Isqof Mons. Mario Grech, li qeda d-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex bħala r-Ragħaj tagħha għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena. 

Roddu ħajr lill-Mulej, għaliex hu tajjeb. It-tjieba tiegħu għal dejjem!” (Salm 135). Permezz ta’ Mons. Isqof Mario Grech, il-Mulej tana ħafna grazzji. Ippermettuli nsemmi biss ftit minnhom.

L-imħabba tiegħu għall-Kelma ta’ Alla wasslitu biex isaħħaħ il-katekiżmu tat-tfal u l-adolexxenti; u jmexxi ’l quddiem diversi gruppi, bħalma huma dawk tal-Lectio Divina, il-komunitajiet Neo-Katekumenali u l-komunitajiet Ewkaristiċi. U dan, mingħajr ma warrab l-għaqdiet u l-movimenti tal-Leġjun ta’ Marija, il-Museum u l-Azzjoni Kattolika.

Saħaq kemm felaħ biex l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata bid-dinjità li tistħoqqilha. Spiss kien idawwalna u jħeġġiġna b’omeliji sbieħ, magħġuna bil-Kelma u bil-profondità tal-persuna tiegħu. Il-preparazzjoni u l-kura tal-Liturġija kienu għalina sejħa u stimolu biex il-Qsim tal-Ħobż isir kif jixraq.

Kien attent għal min qiegħed ibati. Ta’ spiss kont issibu ħdejn is-sodda tal-marid u ta’ min qiegħed imut. Tkellem favur il-barrani u ħeġġiġna biex ikollna qalbna kbira biex tilqa’ lil kulħadd. Ħa ħsieb li fid-Djoċesi jkun hawn min tassew ikun ħsiebu fil-marid, fil-fqir u fil-batut, u għamel kif seta’ biex jgħin lil kulħadd.

Jixraq, għalhekk, li minn qalbna rroddu ħajr lil Alla għad-doni li tana fil-persuna tal-Isqof Mario Grech. Jixraq ukoll, fi tmiem il-missjoni tiegħu fid-Djoċesi tagħna, nirringrazzjaw lilu u nwegħduh talbna.

Grazzi, Eċċellenza, tal-ħidma u d-dedikazzjoni sħiħa tiegħek bħala l-Isqof tagħna. Grazzi li dejjem kont hemm għalina. Grazzi tat-tbatija tiegħek fis-skiet. Grazzi tal-iljieli mqajjem minħabba l-inkwiet tagħna. Grazzi, Eċċellenza, tal-kuraġġ li dejjem għamiltilna.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, grazzi, Eċċellenza, li fil-persuna tiegħek ser tieħu biċċa mill-Knisja Għawdxija fil-qalba tal-Knisja Universali. Filwaqt li nitolbuk titlob għalina, inwegħduk it-talb tagħna.

“Roddu ħajr lill-Mulej, għaliex hu tajjeb. It-tjieba tiegħu għal dejjem!” (Salm 135).

 

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria

Il-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu 2020, Tifkira ta’ Santu Wistin, Isqof ta’ Ippona

 

Anton Teuma

Isqof ta’ Għawdex

 

 Mons. Salv Debrincat

Kanċillier

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading