L-indissolubilità taż-żwieġ hija ta’ ġid


DISKORS TAL-PAPA SAN ĠWANNI PAWLU II
LILL-AWDITURI PRELATI, UFFIĊJALI U AVUKATI
TAT-TRIBUNAL TAR-ROTA RUMANA,
FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SENA ĠUDIZZJARJA

It-Tnejn, it-28 ta’ Jannar 2002

1. Nirringrazzja minn qalbi lil Mons. Dekan li interpreta sewwa is-sentimenti u l-preokkupazzjonijiet tagħkom permezz ta’ osservazzjonijiet u figuri li juru x-xogħol tagħkom ta’ kuljum, kif ukoll kwistjonijiet kumplessi li huma l-oġġett tal-ġudizzji li tagħmlu.

Il-ftuħ solenni tas-sena ġudizzjarja jagħtini okkażjoni tajba biex niltaqa’ magħkom b’mod informali, intom li taħdmu fit-Tribunal tar-Rota Rumana – Awdituri Prelati, Promuturi tal-Ġustizzja, Difensuri, Uffiċċjali u Avukati – biex nurikom l-apprezzament tiegħi, l-istima tiegħi u nagħmlilkom kuraġġ.  L-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan il-komunità nisranija hija servizz mitqlu deheb, għaliex hija l-premessa indispensabbli tal-imħabba vera.

Il-ħidma ġudizzjarja tagħkom, kif enfasizza Mons Dekan, tikkonċerna l-iktar il-kawżi tan-nullità taż-żwieġ.  F’din il-kwistjoni, flimkien ma’ tribunali oħrajn tal-knisja, u b’ħdima tassew speċjali  fosthom, kif kont enfasizzajt fil- Pastor Bonus (cfr art. 126), dawn juru l-kura li għandha l-knisja meta tiġġudika, skont il-verità u l-ġustizzja, kwistjonijiet dwar l-eżistenza jew le ta’ xi żwieġ. Din il-ħidma tat-tribunali tal-Knisja tidħol sew bħala kontribut indispensabbli fil-kuntest tal-pastorali taż-żwieġ u l-familja. Il-perspettiva ta’ din il-pastorali titlob sforz ma jaqta’ qatt biex napprfondixxu l-verità dwar iż-żwieġ u l-familja, anke bħala kundizzjoni meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’dan il-qasam.

2. Il-propretajiet essenzjali taż-żwieġ – l-għaqda u l-indissolubilità (cfr CIC, kan. 1056; CCEO, kan. 776 § 3) – joffru l-opportunità għal riflessjoni siewja dwar iż-żwieġ innifsu. Għalhekk illum, filwaqt li nirreferi għal dak li kelli l-opportunità nittratta fid-diskors tiegħi tas-sena l-oħra dwar iż-żwieġ li ma jinħallx (ara AAS , 92 [2000], pp. 350-355), nixtieq nikkunsidra l-indissolubilità (iż-żwieġ li ma jinħallx) bħala ġid għall-miżżewġin, għall-ulied, għall-Knisja u għall-umanità kollha.

Huwa importanti li nippreżentaw iż-żwieġ li ma jinħallx b’mod pożittiv, biex niskopru mill-ġdid is-sbuħija u t-tajjeb li hemm. L-ewwelnett jeħtieġ li negħlbu l-mod kif inħarsu lejn iż-żwieġ li ma jinħallx bħallikieku din qiegħda ċċaħħad il-libertà tal-miżżewġin, u għalhekk titqies bħala xi piż, li xi kultant ma jkunux jifilħu jġorruh. Jekk inħarsu lejn iż-żwieġ li ma jinħallx b’dan il-mod, din tidher qisha xi liġi li ġejja minn barra, bħallikieku xi “impożizzjoni” ta’ xi liġi li hi kontra l-aspettattivi “leġittimi” biex il-persuna tkun rejalizzata. Fuq dan kollu, imbagħad, hemm l-ideja mifruxa sew, li ż-żwieġ li ma jinħallx hu biss għal min jemmen, u għalhekk min jemmen ma jistax jippretendi li jimponi idejat bħal dawn fuq is-soċjetà civili kollha kemm hi.

3. Biex wieħed jagħti tweġiba valida u sħiħa għal din il-problema, jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-Kelma ta’ Alla. Qed naħseb fuq il-silta tal-Evanġelju ta’ Mattew li jġibilna d-djalogu ta’ Ġesù ma’ xi fariżej, imbagħad mad-dixxipli dwar id-divorzju (cfr Mt 19, 3-12). Ġesù jmur lil hinn b’mod radikali mid-diskussjoni ta’ dak iż-żmien dwar ir-raġunijiet għala għandu jingħata divorzju, u jgħid: “Kien minħabba l-qalb iebsa tagħkom li Mosè takom il-permess tibgħatu n-nisa tagħkom, imma mill-bidu ma kienx hekk.” (Mt 19, 8).

Skont it-tagħlim ta’ Ġesù, huwa Alla li għaqqad flimkien lir-raġel u lill-mara fir-rabta taż-żwieġ.  Ċertament din l-għaqda sseħħ permezz tal-kunsens ħieles tat-tnejn li huma, imma dan il-kunsens uman jiddependi fuq pjan li huwa divin. Fi kliem ieħor, hija d-dimensjoni naturali ta’ din l-għaqda, u b’mod aktar konkret in-natura tal-bniedem iffurmata minn Alla nnifsu, li tipprovdi ċ-ċavetta indispensabbli biex nifhmu x’inhuma l-proprjetajiet l-iktar essenzjali fiż-żwieġ. Is-sagrament taż-żwieġ ikompli jsaħħaħ dawn il-proprjetajiet (cfr kan. 1056) u dan hu bbażat fuq il-pedament tal-liġi naturali, u jekk tneħħi dan kollu, wieħed ma jkunx jista’ jifhem il-ħidma salvifika ta’ Kristu, u li Kristu stess għolla r-rejalta taż-żwieġ darba għal dejjem.

4. Irġiel u nisa bla għadd, minn kull żmien u post, ikkonformaw ruħhom ma’ dan il-pjan naturali u divin, saħansitra anke qabel il-miġja tas-Salvatur, u ħafna oħrajn jikkonformaw ruħhom miegħu anke wara l-miġja tiegħu, mingħajr ma jkunu jafuh. Il-libertà tagħhom tinfetaħ għar-rigal ta’ Alla, kemm fil-mument taż-żwieġ, kif ukoll tul il-mixja tal-ħajja miżżewġa tagħhom. Madanakollu, dejjem hemm il-possibilità li dawn jirribellaw kontra dan il-pjan ta’ imħabba: din hija l-“ebusija tal-qalb” (cfr Mt 19, 8) li għaliha Mosè ppermetta li wieħed jibgħat lill-mara, imma li Kristu rebaħ b’mod definittiv. F’sitwazzjonijiet bħal dawn wieħed għandu jwieġeb bil-kuraġġ umli tal-fidi, fidi li ssostni u ssaħħaħ lill-istess raġuni, li tippermettilha li tiddjaloga ma’ kulħadd fit-tiftix tal-veru ġid tal-persuna umana u tas-soċjetà. Jekk wieħed iħares lejn iż-żwieġ li ma jinħallx mhux bħala liġi ġuridika naturali, imma bħala sempliċi idejal, ikun qed iġib fix-xejn il-kelma ċara ta’ Ġesù Kristu, li ċaħad assolutament id-divorzju għaliex “mill-bidu ma kienx hekk.” (Mt 19,8).

Iż-żwieġ ma jinħallx:  din il-propjeta taż-żwieġ tesprimi dimensjoni oġġettiva taż-żwieġ, u mhux xi fatt suġġettiv. Għalhekk il-ġid taż-żwieġ li ma jinħallx huwa l-ġid taż-żwieġ innifsu. U meta wieħed jifhem ħażin iż-żwieġ li ma jinħallx, ikun qed jifhem ħażin iż-żwieġ fih innifsu. Bħala konsegwenza, il-“piż” tal-fatt li ż-żwieġ ma jinħallx, u l-limiti li din tista’ ġġib lill-liberta tal-bniedem, mhumiex ħlief, biex ngħidu hekk, in-naħa l-oħra tal-munita fir-rigward tal-ġid u tal-potenzjalita li hemm fl-istituzzjoni taż-żwieġ bħala tali. F’dan id-dawl ma jagħmilx sens li wieħed jitkellem dwar “impożizzjoni” min-naħa tal-liġi umana, billi din trid tirrifletti u tħares il-liġi naturali u divina, li hi dejjem il-verità li teħlisna. (cfr Ġw 8, 32).

5. Din il-verità dwar iż-żwieġ li ma jinħallx, bħall-messaġġ nisrani kollu kemm hu, hija maħsuba għall-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien u post. Sabiex dan iseħħ, huwa meħtieġ li tingħata xhieda ta’ din il-verità kemm mill-Knisja u partikolarment mill-familji individwali li huma “knejjes tad-dar”, li fihom ir-raġel u l-mara jagħrfu li huma marbutin flimkien għal dejjem, b’rabta li titlob minnhom imħabba li dejjem tiġġedded, imħabba ġeneruża u li tkun lesta għas-sagrifiċċju.

Wieħed ma jisatax iċedi għall-mentalità divorzista: ma tistax iċċedi għal din il-mentalità jekk wieħed għandu fiduċja fid-doni naturali u sopranaturali li Alla jagħti lill-bniedem. Il-ħidma pastorali għandha ssostni u tippromwovi ż-żwieġ li ma jinħallx. L-aspetti ta’ duttrina għandhom jiġu trasmessi, iċċarati u wieħed għandu jiddefendihom, imma huma iktar importanti l-azzjonijiet konkreti. Meta koppja tkun għaddejja minn diffikultajiet, ir-Rgħajja tal-Knisja u l-poplu t’Alla għandhom jifhmu lill-koppja, imma fl-istess ħin għandhom ikunu ċari magħhom u jissapportjawhom filwaqt li jfakkruhom li l-imħabba fiż-żwieġ hija t-triq biex wieħed isolvi l-kriżi b’mod pożittiv.  Huwa għaliex Alla għaqqadhom b’rabta li ma tinħallx, li r-raġel u l-mara jużaw ir-riżorsi umani kollha b’rieda tajba, imma l-iktar billi jafdaw fl-għajnuna tal-grazzja t’Alla, u hekk jistgħu u għandhom joħorġu mġeddin u msaħħin minn dawn il-mumenti fejn iħossuhom mitlufa.

6. Meta wieħed jaħseb dwar x’funzjoni għandha l-liġi fil-kriżijiet taż-żwieġ, spiss wieħed jaħseb biss fuq il-proċessi biex tiġi ratifikata n-nullità taż-żwieġ, jew ix-xoljiment tar-rabta. Din il-mentalità xi drabi kapaċi ssibha wkoll fil-liġi kanonika, u tidher bħala t-triq biex wieħed isib soluzzjonijiet ta’ kuxjenza fil-problemi taż-żwieġ tal-insara. F’dan kollu hemm xi verità, però dawn it-tip ta’ soluzzjonijiet jeħtieġ jiġu eżaminati bir-reqqa sabiex titħares ir-rabta taż-żwieġ, meta jirriżulta li hi rabta valida. L-atteġġament tal-Knisja huwa li jikkonvalida, sakemm hu possibbli, iż-żwiġijiet nulli (cfr CIC, kan. 1676; CCEO, kan. 1362). Huwa minnu li d-dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ, skont il-verità li toħroġ mill-proċess leġittimu, iġib paċi fil-kuxjenza ta’ dak li jkun, iżda din id-dikjarazzjoni – u dan jgħodd ukoll għax-xoljiment ta’ żwieġ li jkun ratifikat imma mhux ikkunsmat minħabba l-privileġġ tal-fidi – dan għandu jiġi preżentat u implimentat f’kuntest ekkleżjali li hu dejjem favur żwieġ li ma jinħallx, u favur il-familja mibnija fuqu. Il-miżżewġin infushom għandhom ikunu l-ewwel li jifhmu li l-ġid veru tagħhom huwa biss fit-tfittxija tal-verità, mingħajr ma jeskludu minn qabel il-possibiltà ta’ konvalidazzjoni ta’ għaqda, li għalkemm ma tkunx żwieġ, fiha elementi ta’ ġid, għalihom u għal uliedhom, u jridu jiżnu kollox bir-reqqa fil-kuxjenza tagħhom qabel ma jieħdu xi deċiżjoni differenti.

7. Il-ħidma ġudizzjarja tal-Knisja, li fiha nnifisha hija wkoll ħidma tassew pastorali, hija mnebbħa mill-prinċipju ta’ żwieġ li ma jinħallx u tħabrek biex tiggarantixxi l-effettività tiegħu fi ħdan il-Poplu ta’ Alla. Fil-fatt, mingħajr il-proċessi u s-sentenzi tat-tibunali tal-Knisja, il-kwistjoni jekk jeżistix jew le żwieġ li ma jinħallx għall-insara, tispiċċa li ssir biss xi ħaġa tal-kuxjenza ta’ dak li jkun, bir-riskju evidenti li ssir xi ħaġa suġġettiva (kif naħsibha jien), speċjalment meta llum fis-soċjetà civili hemm kriżi kbira dwar l-istituzzjoni taż-żwieġ.

Kull sentenza korretta ta’ validiità jew nullità taż-żwieġ hija kontribuzzjoni għall-kultura taż-żwieġ li ma jinħallx kemm fil-Knisja kif ukoll fid-dinja. Huwa kontribut importanti u meħtieġ: għax jinsab fuq il-livell prattiku, u jagħti serħan il-moħħ mhux biss lil persuni individwali li huma involuti, imma anke liż-żwiġijiet kollha u lill-familji. Bħala konsegwenza, meta jkun hemm dikjarazzjoni ta’ nullità inġusta, għax tkun opposta għall-verità ta’ prinċipji normattivi u ta’ fatti, din tkun xi ħaġa serja,  għax minħabba r-rabta uffiċċjali mal-Knisja, bil-kliem jingħad ħafna favur atteġġamenti dwar iż-żwieġ li ma jinħallx, imma fil-prattika dawn l-atteġġamenti jkunu rifjutati.

Xi drabi, f’dawn l-aħħar snin, dak li tradizzjonalment kien jissejjaħ «favor matrimonii», (favur iż-żwieġ) sab oppożizzjoni f’isem «favor libertatis» ((favur il-libertà) jew «favor personae» (favur il-persuna). F’dan it-tfittix tal-verità bejn dawn l-opinjonijiet, huwa ovvju li t-tema bażika hija dik  taż-żwieġ li ma jinħallx, iżda il-kuntrarju huwa iżjed radikali fejn tidħol il-verità nnifisha dwar iż-żwieġ, li ftit jew wisq saret xi ħaġa relattiva b’mod miftuħ. Kontra l-verità tar-rabta taż-żwieġ, mhux sew li wieħed jitkellem dwar il-libertà ta’ min daħal fiż-żwieġ, li jekk dak li jkun daħal għaliha bil-libertà kollha, issa jrid jimpenja ruħu biex jirrispetta dak li hu mitlub minnu fiż-żwieġ, u li ma jistax jinbidel  minħabba l-għajta tal-libertà tal-bniedem. Għalhekk il-ħidma ġudizzjarja trid tkun ispirata minn «favor indissolubilitatis» (favur iż-żwieġ li ma jinħallx), dan ovvjament ma jfissirx li jkun hemm xi preġudizzju kontra d-dikjarazzjonijiet ta’ nullità li jkunu tajbin, imma jkun hemm il-konvinzjoni tal-ġid li joħroġ minn dawn il-proċessi, flimkien ma’ ottimiżmu dejjem ġdid li jiġi mill-karattru naturali taż-żwieġ u mill-għajnuna li jagħti l-Mulej lill-miżżewġin.

8. Il-Knisja u kull nisrani għandhom ikunu d-dawl tad-dinja: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mt 5, 16). Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù illum nistgħu napplikawhom b’mod partikulari għaż-żwieġ li ma jinħallx.  Kważi jista’ jidher li d-divorzju tant qabad l-għeruq f’ċerti ambjenti soċjali, li kważi tkun qed taħli l-ħin tipprova tiġġieled kontrih, u tipprova tkabbar mentalità, drawwa soċjali u leġislazzjoni favur iż-żwieġ li ma jinħallx. Madanakollu ta’ min jipprova!  Fil-verità dan il-ġid tgawdi minnu s-soċjetà kollha kemm hi, u huwa kundizzjoni meħtieġa għall-eżistenza tal-familja. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas tiegħu għandu konsegwenzi koroh li jinfirxu fis-soċjetà bħalma tinfirex pesta – kelma li uża l-Konċilju Vatikan II biex jiddiskrivi d-divorzju (cfr Gaudium et spes, n. 47) -, u dan iħalli influwenza negattiva fuq il-ġenerazzjoniji żagħżugħa, minħabba li s-sbuħija vera taż-żwieġ tiċċajpar.

9. Ix-xhieda vera tal-valur taż-żwieġ li ma jinħallx, tingħata mill-ħajja tal-miżżewġin stess, fil-fedeltà tagħhom lejn ir-rabta taż-żwieġ fil-ferħ u fil-provi tal-ħajja. Il-valur taż-żwieġ li ma jinħallx ma jistax jitqies bħala oġġett ta’ xi għażla privata li tkun għamlet il-persuna: għax din hija waħda mill-pedamenti tas-soċjetà kollha kemm hi. U filwaqt li wieħed ifaħħar tant inizjattivi li jieħdu l-insara flimkien ma’ persuni oħra ta’ rieda tajba, għall-ġid tal-familji (per eżempju, iċ-ċelebrazzjoni tal-anniversarji taż-żwieġ), wieħed għandu jevita r-riskju tal-permessiviżmu fuq ċerti materji fundamentali li jirrigwardjaw in-natura taż-żwieġ u fal-familja. (cfr Ittra lill-familji, n. 17).

Fost dawn l-inizjattivi hemm dawk indirizzati lejn ir-rikonoxximent pubbliku taż-żwieġ li ma jinħallx fis-sistemi ġuridiċi ċivili (cfr ibid., n. 17). L-oppożiżżjoni deċiżiva għall-miżuri legali u amministrattivi kollha li jintroduċu d-divorzju  u li jqabblu maż-żwieġ l-unjoni ċivili saħansitra dawk omosesswali, trid tkun akkumpanjata  minn atteġġament proattiv, permezz ta’ miżuri legali immirati biex itejbu l-għarfien soċjali taż-żwieġ veru f’ambjent fejn is-sistemi legali jaċċettaw id-divorzju.

Min-naħa l-oħra, prattikanti legali fil-qasam ċivili  għandhom jevitaw li jkunu involuti personalment għax jistgħu jkunu qed jikkoperaw mad-divorzju. Għall-imħallfin dan jista’ jkun diffiċli, minħabba li s-sistemi legali ma jirrikonoxxux oġġezzjoni tal-kuxjenza biex jeżentawhom milli jagħtu s-sentenza. Għal raġunijiet serji u proporzjonati huma jistgħu jaġixxu  skont il-prinċipji tradizzjonali tal-koperazzjoni materjali f’dak li hu ħażin. Imma anke huma għandhom isibu mezzi effikaċi biex irawmu l-unjonijiet taż-żwieġ, l-iżjed permezz ta’ ħidma konċiljattiva maħduma bil-għaqal.

L-avukati, bħala professjonisti liberi, għandhom dejjem jirrifjutaw li jużaw il-professjoni tagħhom għal skop kuntrarju għall-ġustizzja, bħalma hu d-divorzju; biss jistgħu jikkollaboraw f’azzjoni f’dan is-sens meta l-intenzjoni tal-klijent ma tkunx immirata lejn it-tkissir taż-żwieġ, iżda għal effetti leġittimi oħra li permezz ta’ din il-proċedura ġudizzjarja jistgħu jinkisbu f’ordni speċifika  (cfr Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 2383). B’dan il-mod, bil-ħidma tagħhom ta’ għajnuna u rikonċiljazzjoni ta’ persuni li għaddejjin minn kriżijiet fil-ħajja taż-żwieġ, l-avukati jgħinu fid-drittijiet tal-persuna, u jevitaw li jsiru sempliċi nies li jaqdu kull interess li jiġi għal idejhom.

10. Bl-interċessjoni ta’ Marija, Sultana tal-familja, u Mera tal-ġustizzja, nafda lil kulħadd biex jikber fl-għarfien tal-ġid li hemm fiż-żwieġ li ma jinħallx. Lilha nafda wkoll il-ħidma mimlija ħeġġa tal-Knisja u ta’ wliedha, flimkien mal-ħidma ta’ tant nies oħrajn ta’ rieda tajba, f’din il-kawża li hija tant kruċjali għall-ġejjieni ta’ l-umanità.

B’dawn ix-xewqat tiegħi, filwaqt li nsejjaħ l-għajnuna ta’ Alla fuq il-ħidma tagħkom, għeżież Awdituri Prelati, Uffiċċjali u Avukati tar-Rota Rumana, nagħti lilkom ilkoll il-barka tiegħi.  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes