Il-Ġimgħa 1 ta’ Jannar 2021

Print Friendly, PDF & Email

Ottava tal-Milied. IL-VERĠNI OMM ALLA, MARIJA. Solennità

a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …

b. Uffiċċju tal-Qari …

c. Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum …

d. Talb ta’ Nofs il-Jum …

e. Għasar …

f. Talb ta’ Għeluq il-Jum …


L-1 GĦASAR

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Minn qalb Missieru tnissel,

fil-bidu, sa mid-dwiem;

hu l-Alfa, hu l-Omega,

hu waħdu l-bidu u t-tmiem

ta’ kull ma sar fl-imgħoddi,

illum, jew ‘il quddiem.

Sar bniedem, u ħa s-sura

tal-ġisem fqir li jmut,

biex jifdi ‘l min fil-jasar

kien ilu wisq mixħut,

u jneħħi l-mewt li daħħal

Adam bid-dnub misħut.

L-Omm Verġni mbierka ġiebet

fid-dinja l-frott misjur

bil-qawwa ta’ l-Ispirtu,

lil Kristu s-Salvatur

tal-poplu l-ġdid li kiseb,

minn kullimkien miġbur.

Dan hu l-Messija mwiegħed

fil-bidu tal-ġrajjiet;

il-patrijarki saħħu

tamietu f’qalb l-ulied;

u tħabbar mill-profeti

matul iż-żminijiet.

Tifħir u glorja w barka

‘l Alla, l-Missier ħanin;

lil Ibnu, li mill-Verġni

sar bniedem għall-bnedmin;

u lill-Ispirtu s-Santu,

li jżommna mal-ħajjin. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1: X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Salm 112 (113)

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem!

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares ‘l isfel, lejn is-smewwiet

 u lejn l-art.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *

jagħmilha omm ferħana b’uliedha.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

          u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

          u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Ant. 1: X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Ant. 2: Bit-twelid tiegħek ta’ l-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Salm 147 (147B)

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa’ s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isemma’ kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

 Glorja lill-Missier……

Ant. 2: Bit-twelid tiegħek ta’ l-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Ant. 3: Bħalma l-għollieq, li ra Mosè, ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

Kantiku (Ef 1:3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

 quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta’ Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu, *

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

          li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja lill-Missier…….

Ant. 3: Bħalma l-għollieq, li ra Mosè, ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

LEZZJONI QASIRA                                                                Gal 4:4-5

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi , biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

R. Il-Verb sar bniedem, * Hallelujah, hallelujah. Il-Verb.

V. U għammar fostna. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Verb.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, hallelujah.

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

– bħalma wiegħed lil missirijietna – *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, hallelujah.

PREĊI

Imbierek il-Mulej Ġesù, il-paċi tagħna, li ġie biex jgħaqqad il-Lhud u l-pagani flimkien f’poplu wieħed. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuh:

Mulej, agħti l-paċi tiegħek lil kulħadd.

Fi twelidek, Mulej, inti wrejt lill-bnedmin it-tjieba u l-imħabba tiegħek:

– agħmel li dejjem inroddulek ħajr għall-ġid kollu li tagħtina.

Inti mlejt bil-grazzja lil Ommok Marija:

– xerred il-kotra tal-grazzji tiegħek fuq kulħadd.

Int ġejt tħabbar lid-dinja l-bxara t-tajba ta’ Alla:

– żid l-għadd ta’ dawk li jxandru u jisimgħu l-kelma tiegħek.

Int għoġbok titwieled minn Marija Verġni u sirt ħuna:

– għallem lill-bnedmin iħobbu lil xulxin bħal aħwa.

Int feġġejt quddiem id-dinja bħax-xemx fit-tlugħ tagħha:

– itfa’ d-dawl ta’ wiċċek fuq ħutna l-mejtin biex jarawk wiċċ imbwiċċ.

Missierna

Talba

          O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U TAS-SOLENNITAJIET

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn galina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

INNU

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

SALMODIJA

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Salm 4

Radd ta’ ħajr

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma’ talbi.

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

Triegħdu bil-biża’, u la tidinbux; *

aħsbu f’qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

Ħafna jgħidu: “Min jurina r-riżq?” *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.

Int nissilt l-hena f’qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f’dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

Isma’, Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna.Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.Żomm f’qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f’darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

KANTIKU EVANĠELIKU                                                      Lq. 2,29-32

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

jew

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

jew

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Salm 94 (95)

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F’idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b’idejh saret.

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.’

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

          U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. Niċċelebraw il-maternità tal-Verġni Marija: naduraw lil Binha Kristu Sidna.

UFFIĊĊJU TAL-QARI

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

INNU

Nibtet rimja minn għerq Ġesse,

miz-zokk tiegħu ħarġet fergħa:

xebba mbierka wildet iben,

saret omm u baqgħet verġni.

Il-Ħallieq tad-dawl iċċekken

u qegħduh f’maxtura fqajra;

l-omm fisqiet lil dak li għamel

ma’ Missieru l-art u s-sema.

Hu, li tana l-liġi mqaddsa

bl-għaxar kmandamenti tiegħu,

niżel fostna u, bħala bniedem,

huwa nnifsu obda l-liġi.

Feġġ id-dawl u s-salvazzjoni

tkeċċa l-lejl, u l-mewt intrebħet!

Ġnus, ejjew, u b’fidi qimu

‘l Alla mwieled minn Marija.

Glorja lilek, Kristu Sidna,

bin Marija, Omm u Verġni;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1: Intrefgħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Salm 23 (24)

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; *

li jfittxu ‘l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb.

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

 il-Mulej qawwi fit-taqbida.

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta’ l-eżerċti:

 dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

Ant. 1: Intrefgħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Ant. 2: Dan il-bniedem twieled fiha, u l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.

Salm 86 (87)

Il-Mulej bena ‘l Sijon *

fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha *

aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla, *

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

“Ngħodd ‘il Raħab u ‘l Babel *

ma’ dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, *

dawn twieldu hemm!”

U għal Sijon jingħad: *

“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu *

iwettaqha f’postha.”

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: *

“Dan twieled hemm!”

U jgħannu, huma u jiżfnu, *

dawk kollha li jgħammru fik.

 Glorja.

Ant. 2: Dan il-bniedem twieled fiha, u l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.

Ant. 3: Il-Mulej, imnissel sa minn qabel is-sebħ u sa minn dejjem, għoġbu jsir bniedem bħalna fi żmienna biex isalvana.

Salm 98 (99)

Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus! *

Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!

Kbir il-Mulej f’Sijon; *

hu jaħkem fuq il-popli kollha.

Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża’, *

għax hu qaddis u qawwi.

Int sultan li tħobb il-ġustizzja

u waqqaft is-sewwa; *

 id-dritt u s-sewwa tagħmel ma’ Ġakobb.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, *

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, †

u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu, *

kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.

F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom; *

kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.

Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; †

int Alla li tagħder kont għalihom; *

iżda tħallast ta’ l-imġiba ħażina tagħhom.

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, †

u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu; *

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!

 Glorja.

Ant. 3: Il-Mulej, imnissel sa minn qabel is-sebħ u sa minn dejjem, għoġbu jsir bniedem bħalna fi żmienna biex isalvana.

V/. Il-Verb sar bniedem, hallelujah.

R/. U għammar fostna, hallelujah.

LEZZJONI 1

Qari mill-Ittra lill-Lhud              Lhud 2:9-17

Kristu sar jixbah lil ħutu f’kollox

Ħuti: Lil dak li, għal ftit taż-żmien, ġie magħmul ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen bis-sebħ u l-ġieħ minħabba l-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.

Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għas-sebħ, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tat-tbatijiet.Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu,billi jgħid: “Inxandar ismek lil ħuti, f’nofs il-ġemgħa nfaħħrek.” U wkoll: “Fih jien nittama.” U iżjed: “Hawn jien, jien u l-ulied li Alla tani.”

Billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan,u jeħles lil dawk kollha li, minħabba l-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.Għax tabilħaqq, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham.Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għad- dnubiet tal-poplu.

RESPONSORJU  Lq 1:28

R/. Hienja int, Verġni Marija, għax int sirt Omm il-Mulej li ħalaq id-dinja: * Nissilt lil dak li għamlek, u bqajt dejjem Verġni.

V/. Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. * Nissilt lil dak li għamlek, u bqajt dejjem Verġni.

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ l-isqof San Atanasju

Il-Verb sar bniedem bħalna minn Marija

          Il-Verb ta’ Alla, jgħid l-Appostlu, mhux lill-anġli ried jgħin imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Kien għalhekk li hu għażel lil Marija biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna, ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-Iskrittura tirrakkonta kif Marija tatu t-twelid u fisqietu, tgħidilna li kien hemm min xandar b’hieni s-sider tagħha li reddgħu, u wara li ġabitu fid-dinja marret toffrih qisu b’sagrifiċċju. L-anġlu Gabrijel, meta wasslilha l-aħbar, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bniedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha.

          Dan kollu sar hekk biex il-Verb jieħu n-natura tagħna, u joffriha b’sagrifiċċju bħala ħaġa kollha kemm hi tiegħu, ħalli mbagħad ilibbes lilna bin-natura tiegħu ta’ Alla u b’hekk jagħti l-okkażjoni lill-Appostlu biex jgħid li jinħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità.

          Dawn il-ħwejjeġ ma sarux taparsi, kif ħasbu xi wħud. Le! Is-Salvatur tagħna sar bniedem tassew, u salva lill-bniedem kollu kemm hu. Anqas is-salvazzjoni tagħna ma hi xi ħaġa taparsi, jew tal-ġisem biss, imma hi tassew, u tal-bniedem kollu kemm hu, salvazzjoni sew tar-ruħ sew tal-ġisem li ksibnieha bis-saħħa tal-Verb ta’ Alla.

          L-Iben ta’ Marija twieled tassew b’natura ta’ bniedem, kif tgħidilna l-Iskrittura Mqaddsa; il-ġisem tiegħu kien ġisem tassew; intenni ngħid, kien tassew, ladarba kien l-istess bħal tagħna. Għax Marija hi oħtna, u aħna lkoll ġejjin minn Adam.

          Dan ried ifisser San Ġwann meta qal li l-Verb sar bniedem, kif nistgħu naraw ukoll mill-istess mod ta’ diskors li bih inqeda San Pawl meta qal li Kristu…..sar hu nnifsu saħta għalina. Imma l-ġisem tal-bniedem, bl-għaqda tiegħu mal-Verb, saritlu żjieda ta’ l-għaġeb: jiġifieri, minn ġisem li jmut beda jsir ġisem mogħni bil-ħajja ta’ dejjem, u minn ġisem naturali beda jsir ġisem spiritwali; hu, li kien imsawwar mill-art, ra l-bibien tas-sema miftuħin għalih.

          It-Trinità Qaddisa, mqar wara li l-Verb ħa l-ġisem u twieled minn Marija, baqgħet dejjem it-Trinità ta’ qabel kif kienet minn dejjem, li xejn ma jista’ jiżdied magħha jew jitnaqqas minnha. Hija dejjem perfetta, u aħna nistqarru li t-tliet Persuni huma Alla wieħed; u dan hu li xxandar il-Knisja meta tgħid li Alla, Missier il-Verb, huwa wieħed.

RESPONSORJU

R/. Verġni qaddisa u bla tebgħa, int jistħoqqlok l-ogħla tifħir, * Għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh.

V/. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. * Għax ġibt fil-ġuf lil dak li anqas is-smewwiet ma jesgħuh.

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

          Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

          Ixandruk bla heda:

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

          Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

          bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

          Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

          l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

          il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

          ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

          u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

          fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

          li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

          li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

          fil-glorja ta’ dejjem.

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

          bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

          erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

          u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

          inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

          kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

          ma jkolli qatt għax ninfixel.

TALBA

          O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Alla għamel lil Marija

bieb qaddis, b’kull grazzja mogħni,

li magħluq, bħal dejjem, baqa’

għalkemm għadda s-Sultan minnu.

L-Iben tal-Missier il-Għoli

ħareġ mill-palazz tal-Verġni

qisu ġgant, biex jifdi w jibni

lill-għarusa tiegħu l-Knisja.

Kristu, l-ġieħ u l-ferħ ta’ ommu,

li fih qiegħda t-tama tagħna,

huwa l-blata mill-muntanja,

li ġiet timla l-art bil-grazzja.

Ħa jithenna mela l-bniedem,

għax is-Sid ħanin tal-ħlejjaq

niżel fostna jsalva l-popli

u fi mħabbtu jifdi d-dinja.

Glorja ‘l Kristu, li minn dejjem

mill-Missier etern hu mnissel,

u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu

twieled bniedem minn Omm Verġni. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1: Ħarget fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, minn Ġakobb dehret tielgħa kewkba: il-Verġni nisslet is-Salvatur; infaħħruk, Alla tagħna.

Salm 62 (63), 2-9

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Ant. 1: Ħarget fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, minn Ġakobb dehret tielgħa kewkba: il-Verġni nisslet is-Salvatur; infaħħruk, Alla tagħna.

Ant. 2: Marija ġiebet fid-dinja s-Salvatur tagħna, u Ġwanni, meta rah, għajjat u qal: Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, hallelujah.

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2: Marija ġiebet fid-dinja s-Salvatur tagħna, u Ġwanni, meta rah, għajjat u qal: Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, hallelujah.

Ant. 3: L-omm nisslet is-sultan, li ismu jdum għal dejjem; hija ġarrbet il-ferħ ta’ omm bla ma tilfet il-ġieħ ta’ xebba; qatt ma dehret oħra bħalha, la qabel u lanqas wara, hallelujah.

Salm 149

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhomħ

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Ant. 3: L-omm nisslet is-sultan, li ismu jdum għal dejjem; hija ġarrbet il-ferħ ta’ omm bla ma tilfet il-ġieħ ta’ xebba; qatt ma dehret oħra bħalha, la qabel u lanqas wara, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA Mik 5:2. 3. 4a

Is-Sultan ta’ Iżrael jitlaq lil niesu weħidhom sa ma lil dik li se teħles titwildilha t-tarbija; mbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael. U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej Alla tiegħu. U dan ikun is-sliem.

RESPONSORJU QASIR

R. Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, * Hallelujah, hallelujah. Għarraf.

V. F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Għarraf.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Illum għarafna l-misteru ta’ l-għaġeb li sar f’żewġ naturi: Alla sar bniedem; hu baqa’ dak li kien minn dejjem, u ħa s-sura tagħna, li ma kellux, bla ebda taħlit jew qsim.

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Illum għarafna l-misteru ta’ l-għaġeb li sar f’żewġ naturi: Alla sar bniedem; hu baqa’ dak li kien minn dejjem, u ħa s-sura tagħna, li ma kellux, bla ebda taħlit jew qsim.

PREĊI

Nagħtu glorja lil Kristu, li twieled minn Marija Verġni bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Nitolbuh minn qalbna u ngħidulu:

Kristu, Bin Marija Verġni, ħenn għalina.

Kristu, li twelidt minn Marija Verġni, int l-iben ta’ l-għaġeb u l-prinċep tas-sliem:

– agħti paċi soda lid-dinja kollha.

Sultan u Alla tagħna, il-miġja tiegħek fostna mlietna bil-ġieħ:

– agħmel li dejjem nagħtuk ġieħ bil-fidi u l-ħajja tagħna.

Int ridt tkun tixbah lilna:

– fil-ħniena tiegħek agħtina li nkunu nixbħu lilek.

Int għoġbok issir ċittadin tad-dinja tagħna:

– agħmilna ċittadini tas-saltna tiegħek.

Missierna

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

Salmodija Kumplimentari

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

INNU

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

Ant. Ġużeppi u Marija, omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

F’Nofsinhar

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Marija baqgħet iżżomm f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

INNU

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

Ant. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

Fid-disgħa ta’ filgħodu

Salm 119 (120)

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X’se tieħu b’dan, u x’se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta’ wieħed b’saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

Imsejken jien, li ngħix barrani f’Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta’ Kedar!

Ili ngħix biżżejjed *

ma’ dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *

insibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

Salm 120 (121)

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

Salm 121 (122)

Fraħt meta qaluli: *

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!” 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik?”

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

Ant. Ġużeppi u Marija, omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

LEZZJONI QASIRA Sof 3:14. 15b

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Is-Sultan ta’ Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok

V/. Il-Mulej ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu, hallelujah.

R/. Mal-poplu ta’ Iżrael, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

F’nofsinhar

Salm 122 (123)

Lejk nerfa’ għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta’ l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

Salm 123 (124)

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 – ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta’ l-ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

Salm 124 (125)

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta’ Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu jdejhom għall-ħażen.

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta’ qalbhom safja.

Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen.

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

Ant. Marija baqgħet iżżomm f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.

LEZZJONI QASIRA                                                       Żakk 9:9a

Imtela bl-hena, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, il-ġust u s-salvatur.

V/. L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, hallelujah.

R/. Rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

Salm 125 (126)

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon, *

konna qisna mitlufa f’ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, *

iġorru l-qatet f’idejhom.

 Glorja.

Salm 126 (127)

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa’

ma’ l-għedewwa f’bieb il-belt.

 Glorja.

Salm 127 (128)

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

         fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

Ant. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.

LEZZJONI QASIRA Bar 5:3-4

Ġerusalemm, Alla għad juri ġmielek lill-ħlejjaq kollha taħt is-sema; Alla għad isejjaħlek bl-isem ta’ sliem tal-ġustizzja u sebħ tal-qima ta’ Alla.

V/. It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, hallelujah.

R/. Il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu, hallelujah.

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

IT-II GĦASAR

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

INNU

Minn qalb Missieru tnissel,

fil-bidu, sa mid-dwiem;

hu l-Alfa, hu l-Omega,

hu waħdu l-bidu u t-tmiem

ta’ kull ma sar fl-imgħoddi,

illum, jew ‘il quddiem.

Sar bniedem, u ħa s-sura

tal-ġisem fqir li jmut,

biex jifdi ‘l min fil-jasar

kien ilu wisq mixħut,

u jneħħi l-mewt li daħħal

Adam bid-dnub misħut.

L-Omm Verġni mbierka ġiebet

fid-dinja l-frott misjur

bil-qawwa ta’ l-Ispirtu,

lil Kristu s-Salvatur

tal-poplu l-ġdid li kiseb,

minn kullimkien miġbur.

Dan hu l-Messija mwiegħed

fil-bidu tal-ġrajjiet;

il-patrijarki saħħu

tamietu f’qalb l-ulied;

u tħabbar mill-profeti

matul iż-żminijiet.

Tifħir u glorja w barka

‘l Alla, l-Missier ħanin;

lil Ibnu, li mill-Verġni

sar bniedem għall-bnedmin;

u lill-Ispirtu s-Santu,

li jżommna mal-ħajjin. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1: X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Salm 121 (122)

Fraħt meta qaluli: *

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta’ David.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

“Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!” 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik?”

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

Ant. 1: X’bidla ta’ l-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Ant. 2: Bit-twelid tiegħek ta’ l-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Salm 126 (127)

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa’

ma’ l-għedewwa f’bieb il-belt.

 Glorja.

Ant. 2: Bit-twelid tiegħek ta’ l-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!

Ant. 3: Bħalma l-għollieq, li ra Mosè, ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

Kantiku (Ef 1:3-10)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

 quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta’ Ġesù Kristu; *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu, *

 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

          li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja lill-Missier…….

Ant. 3: Bħalma l-għollieq, li ra Mosè, ma nħaraqx bin-nar, hekk baqgħet bla mittiefsa xbubitek, Omm Alla! Itlob għalina.

LEZZJONI QASIRA                                                                Gal 4:4-5

 Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.

RESPONSORJU QASIR

R/. Il-Verb sar bniedem, * Hallelujah, hallelujah. Il-Verb.

V/. U għammar fostna. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Verb.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt, Kristu, Sid u Salvatur tad-dinja, hallelujah.

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

– bħalma wiegħed lil missirijietna – *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt, Kristu, Sid u Salvatur tad-dinja, hallelujah.

PREĊI

Kristu huwa l-Għimmanu-El, imnissel u mwieled minn Xebba. Inberkuh, u fiċ-ċokon tagħna ngħidulu:

Kristu, bin Marija Verġni, ismagħna.

Int kont l-hena ta’ Marija li bik saret omm:

– agħmel li l-ulied ikunu l-ferħ xieraq tal-ġenituri tagħhom.

Inti s-Sultan tas-sliem, fuq saltna ta’ ġustizzja u paċi:

– għinna nħabirku għall-paċi tad-dinja.

Int ġejt tagħmel mill-bnedmin kollha l-poplu qaddis ta’ Alla:

– għaqqad il-ġnus kollha qalb waħda u fehma waħda bejniethom.

Int, bit-twelid tiegħek, saħħaħt ir-rabta tal-familja:

– agħmel li kull familja titwettaq fl-għaqda.

Int għoġbok titwieled f’din id-dinja tagħna:

– agħti lil ħutna l-mejtin twelid fis-sema tiegħek.

Missierna

Talba

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Verġni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U TAS-SOLENNITAJIET

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

INNU

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Amen.

SALMODIJA

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajk, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Salm 90

Għad-dell tal-Għoli

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

RESPONSORJU QASIR

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

KANTIKU EVANĠELIKU                                                      Lq. 2,29-32

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgĦu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Amen.

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

jew

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

jew

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

%d bloggers like this: