Diskors tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-bdil tal-awguri mal-Kleru tad-djoċesi

Print Friendly, PDF & Email

BIEX NAGĦTU WIĊĊ UMAN LIS-SOĊJETÀ

Diskors tal-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech
fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-bdil tal-awguri mal-Kleru tad-djoċesi
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù – Is-Sibt, 9 ta’ Jannar 2010

Iż-żjara pastorali li għamilt fil-Brażil f’Settembru li għadda tibqa’ stampata fil-menti tiegħi għal diversi motivi. Hemm ħafna realtajiet sbieħ, imma hemm ukoll ħwejjeġ li jnisslu dieqa. Waħda mill-ikbar sfidi li jidher li għandha l-Knisja fil-Brażil mhix li tiġġieled il-faqar, imma li tikkonvinċi n-nies li huma għandhom il-ħila li jitgħallmu, u jekk jitgħallmu, ikunu huma stess l-aġenti li jegħlbu l-faqar. Niftakarni nitkellem ma’ wieħed mis-saċerdoti missjunarji tagħna hemmhekk li fissirli kemm huwa diffiċli tgħin lill-foqra jirbħu l-kundizzjoni miżera tagħhom. Dan għaliex dawn tilfu kull fiduċja fihom infushom u fil-ħajja; dawn tant huma maħkuma minn sens ta’ falliment u tilfu kull stima personali, illi kkonvinċew ruħhom li m’hemmx futur aħjar għalihom. Peress li b’mod sistematiku ġenerazzjoni wara l-oħra ġiet abbużata għax tħalliet fl-injoranza, in-nies ma tafx aħjar u tippreferi tgħix fil-medjokrità. Fi kliem ieħor, ma għandhomx rieda li jqumu. Għalhekk l-ewwel sfida li għandha l-Knisja f’dan il-pajjiż hija li teduka.

B’edukazzjoni nifhem dak li jikteb Romano Guardini:

“Educare significa che io do a quest’uomo coraggio verso se stesso […]. Che lo aiuto a conquistare la libertà sua propria […] Con quali mezzi? Sicuramente avvalendomi anche di discorsi, esortazioni, stimuli e metodi di ogni genere. Ma ciò non è ancora il fattore originale. La vità viene accesa solo dalla vita. Da ultimo, come credenti, diciamo che educare significa aiutare l’altra persona a trovare la sua strada verso Dio. Non soltanto che abbia le carte in regola per affermarsi nella vita, bensì che questo “bambino di Dio” cresca fino alla “maturità di Cristo”. L’uomo è per l’uomo la via verso Dio” (Persona e libertà, 1987, 222-223).

Soċjetà mmarkata minn “kultura dgħajfa”

Għalkemm is-soċjetà tagħna mhix magħkusa bil-faqar materjali bħas-soċjetà Brażiljana, ċertament li n-nies tagħna qed tiftaqar fil-valuri; u fejn hemm riċessjoni tal-valuri, ifaqqsu sitwazzjonijiet ta’ miżerja umana. L-epoka tagħna hija mmarkata b’dik li tissejjaħ “kultura dgħajfa” – għaddejjin minn fażi fejn is-soċjetà tinsab mifxula għax tħawdet il-boxxla li tgħinha tagħti direzzjoni. Madwarna għandna forma ta’ kultura li tqanqal id-dubju dwar x’valur għandha l-persuna u x’sens fiha l-ħajja. Qed inħabbtu wiċċna ma’ min bis-serjetà jibbanalizza kollox u lil kulħadd. Il-brix, it-tbenġil effett ta’ din il-kultura debboli jidher fuq kulħadd, imma l-aktar fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa. Agħar minn hekk, hija d-deformazzjoni tal-karattru li qed tikkawża din il-mentalità – b’tali mod li hawn min qed jitlef il-gost tal-ħajja, min qed jikkonvinċi ruħu li ma jistax “jintrefa ’l fuq” mit-tajn u li ċerti livelli etiċi ma jistgħux jintlaħqu, u għalhekk irrinunzjaw li jaħsbu dwarhom. L-imħuħ ġew tant manipulati u mċajpra li wħud għażlu li ma jaħsbux.

Il-filosofu ta’ żmienna Salvatore Natoli jgħid li l-kultura ta’ llum hija wahda karatterizzata minn “soggettività … basata sul trionfo delle pulsioni individuali piuttosto che su ideale di regolamentazione razionale”; għalhekk Natoli jazzarda jiddeskrivi l-effetti ta’ din il-kultura bħala “perversi” peress li “molti praticano normalmente la perversione, perché ritengono di avere il diritto su tutto”. (Avvenire, 28.02.09, 6)

Ħassieb ieħor ta’ żmienna, Umberto Galimberti, fil-ktieb tiegħu “L’ospite inquirente. Il nichilismo e i giovani” (2007) jafferma li l-malessere li jeżisti f’ħafna żgħażagħ llum definittivament għandu bħala kawża kulturali n-nikiliżmu – volontà del nulla – li jiċħad l-eżistenza tal-valuri. Huwa fatt li l-epoka tat-teknika li qed ngħixu ma timraħx biex issib is-sens imma jimpurtaha biss mill-funzjonalità u l-mekkanika, anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem!

Id f’id mat-twemmin nikilista hemm ir-relattiviżmu. Difatti l-Papa Benedettu XVI isejjaħ ir-relattiviżmu bħala l-kredu tas-soċjetà kontemporanja:

“Il relativismo è diventato una sorta di dogma -, in una simile società viene a mancare la luce della verità, anzi si considera pericoloso parlare di verità, lo si considera ‘autoritario’, e si finisce per dubitare della bontà della vità – è bene essere uomo? è bene vivere? – e della validità dei rapporti e degli impegni che costituiscono la vita. Come sarebbe possibile, allora, proporre ai più giovani e trasmettere di generazione in generazione qualcosa di valido e di certo, delle regole di vita, un autentico significato e convincenti obiettivi per l’umana esistenza, sia come persone sia come comunità? (11.06.07).

Indikazzjoni ta’ din il-kultura dgħajfa huwa r-riżultat ta’ stħarriġ li sar miċ-Chaplaincy tal-Università ppubblikat f’Ġunju li għadda dwar “Religious beliefs and attitudes of Maltese university students”. Barra li 10% tal-istudenti universitarji huma mid-djoċesi tagħna, f’din l-istituzzjoni qed jissawru dawk li fil-futur għad joffru leadership fis-sens wiesgħa tal-kelma! Meta jikkumenta dwar ir-riżultat ta’ dan l-istħarrig, Jean Paul de Lucca jikteb:

The folding and unfolding …. of religious beliefs and attitudes reveal many differentiating processes involving views, experiences and sensitivities. These go far beyond simply exposing the changing scenario of values and approaches; they invite a reflection [on a personal, ecclesial and social level] that touches upon the very fundamental questions of the search for one’s personal authenticity and, on the level of community [the community of believers or of social community], the shared horizons of significance within which authenticity may be sougħt and experienced” (p.38)

Hawnhekk inħoss li għandi nfisser l-apprezzament u r-rikonoxximent tiegħi u tal-Knisja f’Għawdex għall-ħidma li tagħmel il-KDŻ, flimkien ma’ Dun Giovanni Curmi, maż-żgħażagħ Għawdxin li jistudjaw u jaħdmu Malta. Fost l-attività li ssir, darba fix-xahar huma jlaqqgħu lil dawn iż-żgħażagħ fil-kappella tal-Università f’tal-Qroqq.

Għalkemm qed nagħmel referenza għaż-żgħażagħ, bl-ebda mod ma rrid ngħid li l-adulti huma aħjar. Iż-żgħażagħ huma r-rifless tas-soċjetà adulta. Talis pater, talis filius.

L-emerġenza edukativa

Huwa f’dan il-kuntest li huwa urġenti li l-għażliet pastorali tagħna jipproponu u jippromovu l-edukazzjoni. Nifhem il-ħsieb tal-Papa Benedittu XVI meta jisħaq li l- “emergenza educativa” hija inevitabbli. Il-kwalifika “emerġenza” tindika li l-kriżi hija waħda gravi u akuta li titlob risposta li ma nistgħux nipposponu għal għada. Nitlob li fil-Knisja tagħna kulħadd, partikularment aħna s-saċerdoti, nagħmlu tagħna dan il-proġett edukattiv. L-emerġenza edukattiva hija imperattiv mhux biss għax hemm ħtieġa tagħha, imma wkoll għax sfortunatament illum hemm ġenituri, għalliema u forsi xi saċerdoti li jħossu li l-ħidma formattiva qed issir kważi impossibbli u għalhekk jistgħu jaqtgħu qalbhom! Huma x’inhuma l-isfidi li għandna quddiemna, filwaqt li nqawwu l-fiduċja tagħna f’Alla u nagħmlu kollox daqslikieku kollox jiddpendi minnu, għandna ninvestu l-intelliġenza u l-passjoni kollha tagħna biex ngħinu lis-soċjetà tinqala’ minn din il-kundizzjoni.

L-edukazzjoni, li kif fissirt aktar ’il fuq huwa kunċett aktar wiesa’ minn edukazzjoni skolastika, tgħin lill-bniedem ikun aktar ħieles, aktar u aktar meta llum għandna kunċett żbaljat ta’ libertà. Meta l-bniedem qed jagħmel qasma bejn ir-raġuni u l-istinti emottivi, bil-konsegwenza li għandna stili ta’ ħajja affettiva ambigwi u konfużjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-esperimenti li jsiru dwar il-ħajja, il-ħtieġa ta’ azzjoni biex il-bniedem jeduka moħħu u qalbu tinħass aktar urġenti. Fuq kollox hija meħtieġa edukazzjoni għall-fidi biex il-bniedem jidħol f’relazzjoni aktar matura ma’ Kristu u mal-Missier. Anke jekk din tal-aħħar hija l-missjoni speċifika tal-Knisja, jiġifieri li tnissel u teduka lill-bniedem biex jgħix is-sejħa tiegħu bħala iben Alla, billi l-Knisja jinteressaha l-bniedem sħiħ, hija missjoni tagħha wkoll li twettaq il-pastorali tal-ħsieb jew l-apostolat tal-“caritas intellettwali”, li tkellimt dwarha fil-festa ta’ Kristu Re. Dakinhar jien kont għidt li:

“din il-pastorali tal-ħsieb għandha tinteressa lil kulħadd. B’din ix-xorta ta’ pastorali nifhmu li l-bniedem għandu jkollu dik l-għodda li biha jkun jaf janalizza l-proċess kulturali li jkun għaddej minnu (per eżempju, familja, xjenza medika, is-servizz pubbliku), u wara li jkun ħaseb, ikun jista’ jagħti s-sehem tiegħu biex jorjenta dan il-proċess f’direzzjoni li tkun verament ta’ ġid għall-bniedem. Nemmen li l-caritas intellettwali hija waħda mill-arterji prinċipali biex ir-rievanġelizzazzjoni tieħu sura konkreta fil-ħajja ta’ kuljum. Din ix-xorta ta’ pastorali terġa’ toffri l-possibiltà li jkun hemm id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni. Jekk tkun nieqsa din l-imħabba għall-verità, l-ebda waħda miż-żewġ għamliet ta’ djakonija li għandha l-Knisja ma jirnexxu – la dik “samaritana” u anqas dik “soċjali”.

Pastorali skolastika, Formazzjoni kateketika u liturġika

Għall-komunità ekkleżjali dan mhux impenn ġdid! Il-Knisja kienet pijuniera f’diversi inizjattivi u proġetti maħsuba biex toffri formazzjoni sħiħa (intellettwali u spiritwali) lill-poplu t’Alla. Insellem lil dawk kollha – saċerdoti, reliġjużi, ġenituri, katekisti, għalliema – kemm dawk ta’ qabilna u kemm dawk preżenti, li ġenerożament offrew ħinhom u saħħithom biex iffurmaw tant nies fil-komunitajiet ekkleżjali. Insellem lis-Soċjetà tal-Museum, partikularment lis-Sezzjoni Femminili li ftit jiem oħra ser jiċċelebraw l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħhom. Nagħti l-appoġġ sħiħ tiegħi lil dawk li huma impenjati fil-pastorali skolastika, li fid-djoċesi għandha bħala delegat tiegħi lil Dun Effie Masini. Nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn dawk responsabbli mill-katekeżi: Dun Anton Teuma delegat għall-katekeżi tal-adulti u l-Kan Joseph Sultana, delegat għall-katekeżi tat-tfal. Il-Kummissjoni mmexxija minn dan tal-aħħar bl-għajnuna ta’ Dun Manwel Magro adottat metodu ġdid ta’ katekeżi mat-tfal żgħar, li mill-feedback li għandna s’issa jidher li mhux talli kienet inizjattiva apprezzata u pożittiva, imma offriet opportunità biex skoprejna katekisti ġodda. Il-Kummissjoni ħadet ħsieb ukoll li tagħti formazzjoni xierqa lil dawn il-katekisti, biex anke min jgħallem jiġi ffurmat. F’dan il-kuntest nixtieq insemmi wkoll l-esperjenza sabiħa tal-Ġimgħa ta’ Formazzjoni Liturġika għal dawk li jaqdu servizzi u ministeri liturġiċi, li organizzat il-Kummissjoni Liturġika, taħt it-tmexxija tal-Kappillan Dun Injazju Borg, fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan li ċċelebrajna ftit ġimgħat ilu.

Il-katekeżi tal-adulti

Bħall-ħanut tal-fuħħari fejn l-imgħallem jaħdem it-tafal, jagħtih sura u jlibbsu bl-ilwien sbieħ u ħajjin, huma l-gruppi li għandna kważi fil-parroċċi kollha li jiltaqgħu madwar il-Kelma u jħallu lil Alla, il-fuħħari, jagħġinhom, isawwarhom u jlibbishom. Qed nirreferi għall-Komunitajiet Ewkaristiċi u l gruppi tal-Lectio Divina – uħud minnhom twaqqfu frott tal-Missjoni Djoċesana biex joffru katekeżi permanenti. Dawn l-esperjenzi parrokkjali huma oasi ta’ spiritwalità għal numru konsiderevoli ta’ adulti. Ma nsibx kliem biex nuri l-apprezzament tiegħi lejn dawk il-kappillani u presbiteri li qed isegwu dawn l-esperjenzi. Nappella biex jinfetħu aktar “awli” ta’ din ix-xorta kull fejn hija preżenti l-Knisja. Flimkien ma’ forom oħra ta’ katekeżi għall-adulti li joffru l-Għaqdiet u l-Movimenti, konvint li dan huwa investiment tajjeb.

Fl-istess waqt, l-impostazzjoni missjunarja tal-pastorali tagħna tibqa’ wahda valida! L-esperjenza tal-Missjoni Djoċesana li ċċelebrajna fis-sena pastorali 2008-2009 għallmitna ħafna. Kif jingħad fil-Pjan Pastorali attwali, “ix-xewqa tal-Knisja kienet li tibda esperjenza ta’ ‘missjoni’ u li din l-esperjenza mhux biss ma tieqafx ma’ tmiem is-sena pastorali, imma talli tiftaħ beraħ il-bibien biex il-Knisja f’Għawdex tkun kontinwament evanġelizzata u kontinwament tevanġelizza. Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni hi waħda permanenti” (n.4). Għalhekk, nara li hija responsabiltà tagħna l-operaturi pastorali li inħabblu ftit rasna biex nieħdu inizjattivi ġodda u nqabbdu toroq ġodda ħalli nattwaw din l-azzjoni missjunarja, evanġelizzattriċi u edukattiva.

Il-familja: l-ewwel ambjent edukattiv

Il-familja hija l-ewwel seminarju fejn il-bniedem jirċievi l-formazzjoni tiegħu – fejn issir l-ewwel traditio fidei. Imma biex twettaq dan l-uffiċċju l-familja għandha bżonn ta’ ħafna support. Biex il-ġenituri jedukaw hemm bżonn jirċievu edukazzjoni huma stess. Fil-pastorali tagħna nistgħu nagħmlu aktar biex il-familja tkun indirizzata bħala unità. Nirreferi għall-indikazzjoni li hemm fil-Pjan Pastorali li jitkellem kemm mill-“Knisja għand il-familji” kif ukoll “mill-familji fil-Knisja” (n.39-40). B’sodisfazzjon ninnota li l-Kummissjoni Familja, li jieħu ħsiebha Dun Anton Teuma, qed taħdem b’impenn tant li tiltaqa’ darba kull tliet ġimgħat u qed taħdem kemm fuq il-familja regolari kif ukoll fuq dawk irregolari – infatti hemm il-ħsieb li fir-Randan il-Kummissjoni Familja torganizza kors ta’ eżerċizzi spiritwali għal dawk li huma irregolari.

Għandna numru relattivament mhux żgħir ta’ familji li tħarbtu u magħhom tħarbat ukoll il-proċess edukattiv li suppost iseħħ fil-familja. L-emerġenza edukattiva għandha tikkontempla wkoll kif tgħin jew fir-restawrazzjoni ta’ dawn il-familji (u f’din id-direzzjoni l-Kummissjoni Familja u l-Moviment ta’ Kana, taħt ir-responsabiltà ta’ Dun Ġorġ Borg u Mons Anton Borg, joffru counselling), jew fir-riabilitazzjoni ta’ dawk li jista’ jkollhom il-possibiltà li jidħlu f’relazzjoni ġdida. Dawn huma dawk li jiksbu d-dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ sagrament mit-Tribunali Ekkleżjastiċi.

It-Tribunal Ekkleżjastiku

Nistqarr li ilni tliet snin nieħu passi biex ngħin lill-uffiċċjali tat-Tribunal iqassru ż-żmien ta’ min qed jistenna deċiżjoni tat-Tribunal. Avviċinajt aktar minn 15-il persuna, bejn saċerdoti u lajċi, biex jgħinu lit-Tribunal fl-istruttorja tal-kawżi. Mhux it-tentattivi kollha rnexxew. Iddiskuttejt il-kwistjoni kemm-il darba fil-Kulleġġ tal-Kappillani u fil-Kunsill Presbiterali, imma bqajt ma nistax insib soluzzjoni tajba. Huwa fatt li bħalissa quddiem it-Tribunal hemm aktar minn 80 kawża jistennew. Ikkunsidrat li f’sena t-Tribunal ta tmien sentenzi biss, dan ifisser li jekk nibqgħu sejrin b’dan ir-ritmu hemm min irid jistenna għaxar snin! Ma nħossx li huwa ġust li nħallu n-nies jistennew is-snin! Filwaqt li nagħmel appell lil min jista’ jgħinni f’dan il-kamp pastorali tal-familja, nagħmilha pubblika li mill-ġimgħa li ġejja ser nirriserva nofs ta’ nhar fil-ġimgħa biex jien nibda nisma l-kawżi matrimonjali – diġà tlabt lill-Vigarju Ġudizzjali jgħaddili kawża. Naf li mhux normali li l-Isqof djoċesan jaqdi wkoll l-uffiċċju ta’ mħallef; imma dan qed nagħmlu bħala miżura ta’ emerġenza sakemm in-numru tal-kawżi pendenti jonqos sewwa.

Il-Parroċċa

Wara l-familja, it-tieni aġent pastorali li għandu kontribuzzjoni obbligatorja x’jagħti f’din l-emerġenza edukattiva huwa l-parroċċa. Kif darba qal tant tajjeb il-Papa Ġwanni XXIII, il-parroċċa mhix xi mużew tal-arkeoloġija. Hija l-għajn antika tar-raħal li tagħti l-ilma lill-ġenerazzjoni ta’ llum kif tatu lill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel (13.11.1960). Imma t-teologu-pastoralista Martino Gennaro ħames snin ilu ħareġ ktieb bl-isem: “La parrocchia: una fontana senza più acqua”. Ma nistax ngħid li dan il-kumment japplika għall-parroċċi tagħna; però, jekk ma nkunux attenti u nimxu maż-żmien, jista’ jingħata l-każ li l-ilma ħiereġ mill-għajn jew jiddardar (u f’xi każi diġà huwa mdardar!) jew saħansitra jista’ jonqos bil-mod il-mod. Irrid ngħid li għalkemm il-parroċċa trid tibqa’ bħala punt ta’ riferiment importanti, fl-istess waqt hemm bżonn nistaqsu jekk aħniex naġġornaw din l-istruttura skont il-linji tal-ekkleżjoloġija ta’ żmienna u skont il-bżonnijiet tan-nies ta’ llum; nistaqsu jekk huwiex il-każ li l-parroċċa hija għan-nies jew in-nies huma għal parroċċa. Kif insibu fl- Eżortazzjoni Apostolika Christifideles Laici, “prinċipalment il-parroċċa la hija struttura, la territorju u anqas xi binja; imma hija l-familja t’Alla – “è una casa di famiglia, fraterna, ed accogliente, è la comunità di fedeli” (n.26). Għalhekk, il-parroċċa u l-knisja parrokkjali m’humiex identitiċi. Il-knisja parrokkjali għandha l-importanza tagħha fil-qafas tal-parroċċa, imma r-realtà parrokkjali hija realtà aktar wiesgħa.

Pastorali tal-periferija

Aktar milli hija post fejn huma ċċelebrati sagramenti, il-parroċċa l-ewwel u qabel kollox hija ċentru ta’ evanġelizzazzjoni. Kif jingħad fil-Pjan Pastorali, karatteristika komuni għall-parroċċi kollha tagħna hija l-hekk imsejħa “sitwazzjoni ta’ periferija”, inkluża l-periferija ġeografika. Xi drabi din il-periferija ġeografika hija periferija mill-knisja parrokkjali imma mhux mill-Knisja. Dan għaliex fil-parroċċi tagħna hemm realtajiet ekkleżjali li għandhom ġemgħa marbuta magħhom. Qabel ma huwa fatt ekkleżjali, dan huwa fatt soċjoloġiku u l-esperjenza tikkonfermalna li mhux lakemm tittrasferixxi l-ġemgħa minn dik ir-rettorija biex tissieħeb fil-knisja l-kbira! Meta sar dan it-tentattiv, tilef kulħadd.

Għalhekk f’din ir-realtà, peress li fil-Knisja ħadd ma huwa għar-rimi, inħoss li għandha tibda ssir riflessjoni kif il-parroċċa tkun “komunità ta’ kommunitajiet” u titħaddem dik li tissejjaħ pastorale d’insieme. Filwaqt li l-kappillan jibqa’ dak li huwa responsabbli mill-linja pastorali li tkun ser tiġi implimentata fil-parroċċa, dawn “il-komunitajiet ekkleżjali tal-periferija” jkunu jistgħu joffru lill-ġemgħa esperjenza spiritwali aktar kompluta. Altrimenti nkunu qegħdin nitilfu opportunità biex dik il-ġemgħa periferika tiġi edukata fil-fidi. Nagħraf ir-riskji inerenti għal dan il-proġett; imma jekk jibqa’ ċar ir-rwol tal-kappillan u fil-parroċċa jkun hemm kunsill parrokkjali li fih tieħu sehem ukoll rappreżentanza ta’ dawn il-komunitajiet, l-ilma fl-għajn tar-raħal ma jaqtax! Fuq kollox, ħafna jiddependi minn kemm is-saċerdot li f’idejh tkun afdata l-kura pastorali jkollu mens ekkleżjali u jkun jemmen f’din il-pastorale d’insieme !

Is-saċerdoti

Għalkemm l-operaturi pastorali reliġjużi u lajċi huma kollha validi, it-tweġiba tagħna s-saċerdoti għal din l-emerġenza edukattiva hija determinati! Huwa veru li l-Għaqdiet u Gruppi tal-lajċi jaħdmu, imma dawn dejjem iserrħu fuq il-preżenza u l-għajnuna tas-saċerdot. Dak li huwa effettiv, la huwa n-numru u anqas l-età tal-presbiteri, imma d-dinamika spiritwali ta’ kull wieħed minna. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu tikkorrispondu għall-istediniet li tagħmel il-Kummissjoni Kleru għal-laqgħat ta’ formazzjoni kontinwata, kemm dawk djoċesani kif ukoll żonali. Il-Papa Pawlu VI lil Jean Guitton kien qallu li “Oltre il bene c’è la santità. Oltre il bello, c’è il sublime. Ebbene noi dobbiamo tendere, ad ulteriore titolo, alla santità e al sublime. Si tratta di un grande e crescente sì a Dio, un sì che impegna tutto l’essere e che costa una serie di rinuncie, in primo luogo la rinuncia al proprio io”. Ikun akwist kbir personali u bħala presbiterju jekk f’din is-sena saċerdotali nersqu lejn dan l-ideal. Wieħed jawgura li l-laqgħat varji li jkollna flimkien, kemm bħala prebiterju djoċesan kif ukoll bħala presbiteria parrokkjali, jgħinuna mhux biss infitxxu la santità ed il sublime, imma mmexxu oħrajn fl-istess direzzjoni.

Hawnhekk nixtieq infakkar dak li kont ikkomunikajtilkom tliet xhur ilu, jiġifieri li inkarigajt lir-Rettur tas-Seminarju biex jiġbor stqarrijiet u dokumenti dwar Dun Mikiel Attard. Ir-Rettur għandu l-fakultajiet kollha biex isejjaħ u jinterroga lil kull min jista’ jagħtih dan it-tagħrif. Nappella biex ikun hemm kooperazzjoni f’dan l-eżerċizzju.

B’ħarsa kollha tama

Agħmlu l-qalb! Esperta fl-umanità għax esperta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, il-Knisja għandha potenzjal li jekk nagħrfu nużawh sewwa għandu jwelled esperjenza umana, spiritwali u morali ġdida! Huwa f’Ġesù Kristu li ssib il-milja tagħha l-għaqda tal-bniedem ma’ Alla bil-konsegwenza li hekk tiġi rikonoxxuta d-dinjità ta’ kull bniedem. Il-filosfu Ġermaniż-Lhudi Karl Lowith ifisser it-twettiq fl-istorja ta’ din il-konvinzjoni tal-fidi billi jafferma li ma kienitx “id-dinja” li għarfet tikseb il- “preġudizzju” li kull min għandu wiċċ uman iħaddan din id-dinjità umana intrinsika; imma kienet “id-dinja Kristjana” li għamlet din il-kisba kulturali għax fiha l-bniedem, permezz tal-bniedem-Alla, Kristu, isib l-identità vera tiegħu. Imma dan il-filosofu jżid jgħid li kien biss meta l-Kristjaneżmu beda jitlef il-grinta tiegħu, li anke l-umanità saret problematika (Da Hegel a Nietzsche. La frattura rivoluzionaria nel pensiero del secolo XIX, 1949, p. 482).

Għalhekk, fil-bidu ta’ din is-sena nistedinkom biex f’din is-sena saċerdotali nħallu l-Ispirtu t’Alla jġedded il-griżma li biha ġejna kkonsagrati għall-qadi t’Alla u tal-bniedem fil-Knisja, ħalli b’entużjażmu ministerjali ġdid aħna naħdmu biex it-twemmin Nisrani fis-soċjetà tagħna ma jiddgħajjifx, biex inwieġbu għal din l-emerġenza edukattiva u hekk is-soċjetà tagħna ma titlifx il-wiċċ uman tagħha. Dawn huma l-awguri tiegħi għal kull wieħed minnkom, ħuti fis-saċerdozju.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading