Ittra tal-Isqof Mario Grech fit-tnedija tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan


Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan

“Jum il-Ħadd huwa sintesi tal-ħajja Nisranija”
(Dies Domini, n.81)

Maħbubin uliedi,

Serqulna Jum il-Mulej! Il-kuxjenza ta’ ħafna tant hija rieqda li mhux qed jindunaw li l-jum tal-Ħadd itteħdilna! Ilu żmien isiru għażliet żgħar, li bil-mod il-mod kienu qed inaqqru l-jum tal-Ħadd. Ir-raġunijiet li minħabba fihom fittixna li niġġustifikaw il-qerda tal-Ħadd huma varji: pressjoni ta’ xogħol matul il-ġimgħa, nuqqas ta’ ħin biex inlaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kuljum, il-ħtieġa li ngibu ’l quddiem l-ekonomija biex joktor il-ġid, it-turiżmu u l-eżiġenzi tiegħu, eċċ.

Imma diġà qed naraw sinjali li juruna li proprju għax ma rrispettajniex il-Jum tal-Ħadd, qegħdin inħallsu prezz familjari u soċjali għoli.

Għalina ċ-ċittadini l-Jum tal-Ħadd huwa bżonn marbut mad-dinjità tan-natura umana. Il-ħaddiem għandu d-dritt għall-ħin biex jistgħana kulturalment u jistrieħ, waħdu jew ma’ oħrajn. Il-familja għandha d-dritt u d-dmir li almenu darba fil-ġimgħa tkun flimkien. Huwa dritt tal-bniedem li f’ħajtu jkollu ħin biex jiżviluppa u juża t-talenti tiegħu. Huwa wkoll dritt tal-bniedem li jkollu spazju fejn ikun jista’ jagħmel ħidma ta’ volontarjat. Il-bniedem ġustament jistenna li l-istruttura soċjali tkun tali li ma jkunx imġiegħel la li jaħdem nhar ta’ Ħadd u anqas li fil-jum tal-mistrieħ ikollu jagħmel dak li s-soltu jagħmel matul il-jiem tal-ġimgħa.

Imbagħad, għalina ċ-ċittadini Nsara l-Jum tal-Ħadd huwa s-sintesi tal-ħajja Nisranija għaliex kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw is-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Kalvarju u r-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt. Kull nhar ta’ Ħadd il-komunità ekkleżjali tiltaqa’ biex taqsam il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija. Ikona antika tad-dixxipli tal-Mulej tixhed li “fl-ewwel jum tal-ġimgħa nġbarna flimkien biex naqsmu l-ħobż” (Atti 20,7), fis-sens li d-dixxipli kienu jiltaqgħu għall-Ewkaristija biex jiċċelebraw l-Għid ta’ Kristu. Hekk fil-quddiesa, id-dixxipli mhux biex jiltaqgħu ma’ Kristu ħaj, imma jiltaqgħu flimkien u jibnu lil xulxin fi Knisja.

Is-sehem tagħna fil-quddiesa tal-Ħadd qabel ma huwa preċett huwa marbut mal-istess identità u l-missjoni tagħna bħala Poplu t’Alla. L-Ewkaristija mhux biss niċċelebrawha imma ngħixuha. F’Ġesù, li fl-Ewkaristija jingħata għalina, in-Nisrani jsib l-eżempju u l-qawwa biex bl-imħabba jingħata għall-oħrajn li jiltaqa’ magħhom fid-diversi oqsma tal-ħajja: fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-kuntatti tiegħu mal-foqra ta’ żminijietna – bħalma huma dawk li huma bla xogħol, il-morda, id-drogati, l-iltiema, l-ommijiet mhux miżżewga… Huwa fatt li l-kult ewkaristiku jimbuttana b’qawwa biex inrawmu fina “imħabba soċjali” li ġġib ’il quddiem il-ġid komuni qabel il-ġid privat. Il-ħajja u l-missjoni tal-komunità ekkleżjali jiddependu mill-kwalità tas-sehem tagħna – saċerdoti u lajċi – fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija ma tintemmx maċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa jew wara li tispiċċa l-adorazzjoni ewkaristika, imma tkompli taġixxi permezz tagħna wara li noħorġu mill-knisja.

Mingħajr Ewkaristija l-komunità Nisranija tmut. Il-fatt li ħafna jiċċelebraw l-Ewkaristija, partikularment f’Jum il-Mulej, imma jibqgħu barra mill-Knisja u ma jgħixux l-Ewkaristija, inissel tħassib pastorali serju u għandu jistimulana biex nistħarrġu għaliex daqshekk quddies, tqarbin u devozzjonijiet ewkaristiċi oħra mhux qed iġibu l-konverżjoni tagħna bħala individwi, tal-komunitajiet ekkleżjali u tal-istrutturi soċjali li fihom huma preżenti l-Insara.

Għalhekk qiegħed inniedi Kungress Ewkaristiku Djoċesan li ser ikun iċċelebrat mill-Ħamis 15 ta’ Ottubru sal-festa ta’ Kristu Re. Dan qed nagħmluh biex infakkru t-80 sena mill-Ewwel Kungress Ewkaristiku li kien sar f’Għawdex fl-1929; imma qed nagħmluh l-aktar għax irridu nirriflettu, nitolbu u nieħdu azzjoni biex il-Knisja tagħna llum mhux biss tkompli tgħożż il-Jum tal-Ħadd bħala jum speċjali, imma wkoll biex tgħin lis-soċjetà tirrevedi l-mod kif tgħix dan il-jum billi tipproponilha dan ir-rigal li Kristu u l-Knisja qed jagħtuna għax “dan hu l-jum li għamel il-Mulej” (Salm 117,24).

Filwaqt li nistieden lilkom ilkoll biex tieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ formazzjoni u ċelebrattivi kif hemm fil-programm li tħejja għal dan il-Kungress, inħeġġiġkom biex toffru talb lit-Trinità Qaddisa biex il-Kungress ikun mument ta’ grazzja għall-Knisja u għal gżiritna.

Nitolbu lill-Mulej jagħmilna aktar Knisja ewkaristika.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum is-Sibt, 10 ta’ Ottubru 2009.

Mons Salv Debrincat + Mario Grech
Kanċellier Isqof ta’ Għawdex