Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ingrid tal-Isvezja

Print Friendly, PDF & Email

Fit-2 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil Santa Ingrid tal-Isvezja, Verġni li mietet fis-sena 1271.

Ingrid kienet bint Elof, nobbli minn Östergötland u membru tal-familja Elofssönernas ätt, li kienu kkunsidrati bħala n-nobbli tal-Isvezja. Kellha mill-inqas żewġ ħutha, Anders u Johan, u dan tal-aħħar kien kavallier tal-Ordni Tewtonika. In-neputija tagħha, Kristina Johansdotter (li mietet fis-sena 1293), kienet l-ewwel mara ta’ Birger Persson, li sar missier Briġida tal-Isvezja fit-tieni żwieġ tiegħu. X’aktarx li Ingrid kienet ta’ ispirazzjoni għal Briġida.

Ingrid iżżewġet nobbli magħruf bħala Sir Sigge, li x’aktarx miet fis-sena 1271. Meta sfat armla, Ingrid u oħtha Kristina bdew jagħmlu parti minn ċirku ta’ nisa twajba li nġabru madwar id-Dumnikan Petrus ta’ Dacia f’Skänninge. F’waħda mill-ittri tiegħu, Petrus ta’ Dacia ħalla deskrizzjoni tal-istil ta’ ħajja axxetika u ta’ rivelazzjonijiet mistiċi ta’ waħda mill-ulied spiritwali tiegħu f’dan iċ-ċirku ta’ nisa, li x’aktarx kienet Ingrid.

Fis-sena 1272, dan iċ-ċirku ta’ nisa iffurmaw kunvent informali taħt it-tmexxija ta’ Ingrid billi addottaw l-użanzi tal-Ordni Dumnikan u l-prattika tar-regola tagħhom. Ingrid għamlet tliet pellegrinaġġi wieħed lejn Santiago ta’ Compostela, ieħor lejn Ġerusalemm u ieħor lejn Ruma. Wara l-mewt ta’ oħtha, Ingrid applikat biex il-kunvent tagħha jingħatha rikonoxximent formali. Hija laħqet dan il-għan tagħha fis-sena 1281, sena qabel mewtha.

Wara mewtha fis-sena 1282, in-nies tawha qima kbira u kellhom devozzjoni soda lejha. Ġew irrappurtati diversi mirakli abbinati magħha u mal-ħajja ta’ qdusija li għexet. Bdew isiru wkoll pellegrinaġġi lejn il-kunvent tagħha. Imma sfurtunatament, qatt ma ġiet rikonoxxuta formalment mill-Papa. Meta l-qariba tagħha, Briġida tal-Isvezja, kienet rikonoxxuta formalment mill-Papa fis-sena 1391, inħass il-bżonn li tiġi rikonoxxuta Ingrid ukoll. Fil-Konċilju ta’ Kostanz, saret l-applikazzjoni għall-kanonizzazzjoni tagħha u fis-sena 1499, il-Papa Alessandru VI qabel li ssir it-Translazzjoni tar-relikwi tagħha, li filfatt saret fil-kunvent tagħha fis-sena 1507.

Il-fdalijiet ta’ Ingrid ġew trasportati fl-monasteru ta’ Vadstena wara r-Riforma Svediża. Fis-sena 1645, rasha ġiet misruqa mill-Knisja ta’ Vadstena minn Antoine ta’ Beaulieu, li ħaseb kienet ras Briġida tal-Isvezja. Antoine ta’ Beaulieu taha lill-ambaxxatur Franċiż Gaspard Coignet ta’ Thullerie, li poġġieha fil-knisja ta’ Courson-les-Carrières fi Franza. Fis-sena 1959, ingħatat lill-Monasteru ta’ Brigitinesse ddedikat lill-Madonna tar-Refuġju f’Uden fin-Netherlands, fejn ġiet esebita bħala ras Briġida tal-Isvezja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading