Omelija mill-Isqof Mario Grech fil-ftuħ tal-Viżta Pastorali f’Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Ftuħ tal-Viżta Pastorali
Il-Katidral ta’ l-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2013
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

“F’DIN ID-DAR ILLUM DAĦLET IS-SALVAZZJONI”

F’Żakkew – f’kull bniedem – hemm “xewqa li jara min hu Ġesù” (Lq 19:3). Ħafna drabi din ix-xewqa hija espressa b’mod dirett, bħal fil-każ ta’ dawk li jfittxu l-katekeżi fi ħdan il-komunità ekkleżjali; imma drabi oħra l-bniedem jesprimi din ix-xewqa b’mod indirett. Fil-fatt kull bniedem għandu fih ix-xewqa li jfittex dak li huwa tajjeb, veru u sabiħ. Ukoll meta dan ma jkunx wasal għall-verità sħiħa jew meta għemilu ma jkunx mija fil-mija tajjeb, dan ikun irnexxielu jikxef parti mill-misteru ta’ Alla. Jien nemmen li, tneħħi l-ponn persuni li jaġixxu b’intenzjoni ħażina, li jkunu b’mala fede, il-ħafna għandhom intenzjoni tajba, anki meta jiżbaljaw. Spiss jiġri li għalkemm oġġettivament ikunu fl-iżball, ħafna huma konvinti li qegħdin fis-sewwa jew qegħdin jagħmlu t-tajjeb. Minkejja li jiġrilhom bħal Żakkew u jibqgħu “żgħar”, f’dawn il-persuni hemm “ix-xewqa li jaraw lil Ġesù”, u indirettament qed jgħidulna li jixtiequ jsibu lil Alla fit-totalità tiegħu.

Ma nistagħġibx li l-għarfien ta’ persuni ta’ dan it-tip huwa limitat, għax kif seħħ lil Żakkew spiss jiġri lilhom u lilna. Illum ukoll l-għagħa tan-nies jaf ifixkilna. Sfortunatament min jgħajjat l-aktar, ibiegħ, anki f’dak li għandu x’jaqsam mat-twemmin. Xi drabi fostna jkun hawn ċertu “għagħa” li jimpressjona fin-negattiv u jfixkel lil min qed jixtieq jasal għand Alla.

Kif l-għana kien xkiel għal Żakkew fil-mixja tiegħu lejn Alla, hekk ukoll jiġri lilna. Barra mill-ġid materjali hemm tipi oħra ta’ għana li jista’ jagħtina ċerti assigurazzjonijiet dgħajfa – bħalma huwa l-għana kulturali, l-għerf, il-karriera, il-poter, is-suppervja, il-popolarità, u l-bqija. Fl-għana nistgħu nilmħu dak kollu li għandu riħa ta’ mondanità.

Saram ieħor fil-mixja spiritwali ta’ Żakkew kien ġej mill-fatt li minħabba x-xogħol li kellu, kien wisq qrib dak li huwa d-dominju pubbliku, u minħabba f’hekk Żakkew kien meqjus bħala “impur”. Ħafna drabi l-ħajja “pubblika” tbiegħdet minn Alla. Is-sekularizzazzjoni qed taħdem biex dak li huwa “pubbliku” toftmu minn Alla u tillimita r-reliġjon għall-ħajja privata taċ-ċittadini. Mhux dak kollu li huwa permess mill-amministrazzjoni ċivili huwa etikament tajjeb.

Imbagħad kien hemm il-komunità reliġjuża (il-Fariżej) li ma riditx li jkollha x’taqsam mal-midinbin. Flok ma jqarrbu n-nies imbiegħda lejn Ġesù, dawn il-persuni reliġjużi jitkażaw bihom! Dawn kienu jaħsbu li l-ewwel trid tikkonverti biex tersaq għand Kristu, u mhux li l-ewwel tiltaqa’ ma’ Kristu, imbagħad tibdel ħajtek, kif ġralu Żakkew! Sfortunatament din hija l-fehma ta’ ħafna persuni reliġjużi!

Ġesù jegħleb dawn id-diffikultajiet kollha, u meta jilmaħ lil Żakkew fuq is-siġra, jgħidlu: “Ħaffef inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (19:5). Il-kelma “jeħtieġ” nistgħu ninterpretawha bħala “imperattiv teoloġiku” – l-Iben ta’ Alla għalhekk sar bniedem, biex jifdi lill-kotra (ara Salm 129). “Bin il-bniedem ġie jfittex u jsava l-mitluf” (Lq 19:10). Imma nistgħu wkoll ninterpretaw din il-kelma bħala “imperattiv ekkleżjoloġiku” – huwa d-dmir tal-Knisja li fuq l-eżempju tal-Imgħallem tfittex lil min qiegħed ifittex u tgħidlu: “Illum jeħtieġli noqgħod għandek” biex ngħinek taqta’ xewqatek. Ukoll jekk tkun ta’ skandlu għal xi “reliġjużi” fi ħdanha, il-Knisja tagħmel sewwa jekk tagħmel lilha nfisha preżenti fil-ħajja ta’ persuni li qegħdin fl-iżball u f’dawk l-ambjenti ffrekwentati minn dawn il-persuni.

Dan huwa l-għan tal-Viżta Pastorali li qegħdin nibdew illum: nixtieqha tkun mument ta’ grazzja biex matulha, lil dawk li espressament jixtiequ jaraw lil Ġesù, tkompli tingħatalhom din il-possibbiltà; imma nixtieq ukoll li tkun opportunità biex dawk li għandhom din ix-xewqa impliċita, ngħinuhom isibu t-tweġiba tagħhom fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Kien għalhekk li fl-aħħar Ittra Pastorali għidt li nixtieq fil-veru sens tal-kelma nfittex li nirfes fuq l-għatba ta’ ħafna biex inkun qrib tagħkom u li ġej għandkom b’għan wieħed: biex flimkien niltaqgħu mal-imħabba li dehret fi Kristu. Kien għalhekk ukoll li komplejt infisser li jiena ġej għandkom mingħajr ebda pretensjoni ħlief li naf xi ftit lil Kristu Msallab – għaliex jien ukoll irrid nikber fl-għarfien tal-misteru ta’ Ġesù; anzi, nemmen li meta niġi għandkom nista’ nittieħed mill-fidi u l-imħabba tagħkom lejn Kristu.

Qed nagħmel din il-Viżta Pastorali mhux tant għaliex hija mitluba mil-Liġi tal-Knisja, daqskemm għax hemm imperattiv teoloġiku u ekkleżjoloġiku, kif semmejt aktar ’il fuq. Hija l-imħabba ta’ Kristu li ssuqni biex nidħol għal dan l-impenn; hija l-komunità Nisranja nfisha li nħossha qiegħda ssejjaħli biex noħroġ niltaqa’ magħha.

Inħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla f’din id-djoċesi biex joffri talb u suppliki lil Alla biex matul din il-Viżta Pastorali jkunu ħafna dawk li bħal Żakkew ikunu jistgħu jgħidu li f’din l-okkażjoni tidħol għandhom is-salvazzjoni (Lq 9:9) u bħal Żakkew jiftħu qalbhom għall-foqra.

Billi llum qegħdin niċċelebraw ukoll id-Dedikazzjoni ta’ din il-knisja ewlenija tad-Djoċesi tagħna, nixtieq nafda lir-Reverendi Kanonċi ta’ dan il-Kapitlu Katidrali l-impenn li mil-lum sakemm tispiċċa l-Viżta, meta kuljum jiltaqgħu biex jitolbu flimkien, huma jgħidu wkoll it-talba tal-Viżta Pastorali.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading