Ittra Miftuħa lill-Missjunarji Għawdxin mill-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA MIFTUĦA LILL-MISSJUNARJI GĦAWDXIN
Mill-Eċcellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Għeżież saċerdoti, reliġjużi u lajċi Għawdxin li qegħdin fil-Missjoni,

Għal ħafna dalgħodu sebaħ jum bħas-soltu; imma għalija huwa jum speċjali, għax jien u niftakar li llum il-Knisja qiegħda tiċċelebra Jum il-Missjoni, f’qalbi bdew għaddejjin l-ismijiet tagħkom li tinsabu f’diversi pajjiżi tal-“missjoni”. Għalhekk qed nikteb dawn l-erba’ kelmiet biex insellmilkom!

Jekk f’ċertu sens intom tidhru assenti mill-ħajja ta’ kuljum tagħna għax tinsabu ’l bogħod u rari tkunu fl-aħbarijiet, niżgurakom li l-preżenza tagħkom tinħass sewwa fostna u fina.

Hija preżenza ħiemda għax bla ebda ħoss; imma fl-istess waqt preżenza ħajja, kemm għaliex intom il-ġieħ tagħna u kemm għaliex b’mod jew ieħor inħossuna parteċipi fl-avventura tagħkom bħala ħabbara tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu. Fil-fatt nista’ ngħid li fostna huma ħafna dawk li “jinqdew” bikom biex huma wkoll jieħdu sehem fil-mandat missjunarju li Ġesù ta lill-Knisja tiegħu – qed nirreferi għal dawk fostna li billi ma jistgħux ikunu huma personalment fil-Missjoni, jikkollaboraw magħkom u jgħinukom biex twettqu l-proġetti tagħkom b’risq il-bniedem sħiħ. Dan l-aħħar kont għand tabib u qalli li wieħed minnkom ta’ kull sena jibgħatlu ritratt tiegħu fil-Missjoni. Xtaqt rajthom dawn ir-ritratti – u kienu hemm iżejnu l-uffiċċju tal-klinika tiegħu! Jekk tiġu nieqsa intom, inkunu tlifna r-rappreżentanza f’din il-ħidma qaddisa. Kunu afu li d-dedikazzjoni tagħkom fil-Missjoni timla l-pulmun ta’ ħafna bl-ossiġnu tal-ħajja! Il-fatt li aħna niftakru li intom qegħdin f’isem Ġesù takkumpanjaw lill-foqra u tgħinuhom ma jitilfux it-tama, lilna jagħtina l-qawwa biex kull jum jisbaħ jum ġdid u sabiħ.

Ta’ dan kollu, f’isem il-Knisja f’Għawdex, minn qalbi rroddilkom ħajr.

Imma qabel nagħlaq, nixtieq nagħti tislima speċjali lil Dun Ġamri Cauchi, li fis-7 ta’ Novembru li ġej ser ikun ilu ħamsin sena li telaq mill-parroċċa tal-Għarb biex ikun missjunarju fil-Brażil. Nitlob lil Alla biex kif Elija ħalla l-mantar tiegħu lil Eliżew u hekk dan ħa mill-ispirtu tal-profeta, Dun Ġamri jħallilna l-“mantar” tiegħu biex il-Knisja f’Għawdex issaħħaħ id-dakra missjunarja tagħha.

Sliem minn Alla Missierna,

+ Mario Grech
20 ta’ Ottubru 2013

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading