Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Unjoni Ċivili, Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin

STQARRIJA TAL-ISQFIJIET MALTIN
DWAR L-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JIRREGOLA L-UNJONIJIET ĊIVILI

Peress li l-Parlament ta’ pajjiżna ser jibda jiddiskuti l-Abbozz tal-liġi li jirregola l-Unjonijiet Ċivili, konxji mid- dmir tagħna li nwasslu l-Bxara t-Tajba, konvinti li kif jgħid il-Papa Franġisku, il-fidi “mhux biss tagħti qawwa interjuri lil min jemmen; imma ddawwal kull relazzjoni umana għaliex hija frott l-imħabba u tirrifletti l-istess imħabba t’Alla”,1 aħna l-Isqfijiet nixtiequ noffru din ir-riflessjoni.

Għalkemm l-Abbozz qed jintroduċi diversi elementi ġodda f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u l-familja, liema elementi jitolbu riflessjoni profonda u mingħajr għaġġla, jidher li novità partikulari ta’ dan l-Abbozz hija r-reġistrazzjoni ta’ sħubija bħala unjoni ċivili bejn żewġ persuni tal-istess sess.

Qabelxejn tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li permezz ta’ dan l-Abbozz qegħdin niddiskutu dwar persuni u l-ħajja tagħhom. Għalhekk biex din id-diskussjoni tkun matura trid tirrifletti rispett kbir lejn dawn il-persuni. Kif fakkar il-Papa Franġisku, “Alla jakkumpanja lil dawk il-persuni (li għandhom orjentament omosesswali) u aħna għandna nakkumpanjawhom billi nitilqu mis-sitwazzjoni tagħhom”.2

Fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, mhux il-ħsieb tagħna li ntennu “it-tagħlim tal-Knisja” fuq dan is-suġġett li huwa tagħlim “ċar”.3 Aħna nħeġġu lil dawk kollha impenjati fil-formazzjoni Nisranija u fil-katekeżi biex jissuktaw jipproponu dak li tgħallem il-Knisja dwar dan is-suġġett.

Aħna għandna fiduċja li d-Deputati Parlamentari tagħna ser jagħmlu ħilithom biex waqt li jiddiskutu dan l-Abbozz, huma juru rispett kbir lejn il-persuni kollha involuti filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-ġid komuni.

Skont l-Abbozz “l-imsieħba f’unjoni ċivili” ser ikollhom id-dritt li jadottaw. Fil-fehma tagħna dan huwa suġġett delikat ħafna bħal kull ħaġa oħra li tolqot it-tfal u dak li huwa fl-aħjar interess tat-tfal. Peress li dwar dan is- suġġett hemm fehmiet kuntrastanti, fil-fehma tagħna, ikun għaqli jekk il-leġislatur jieħu ż-żmien tiegħu biex f’dan ir-rigward jagħmel għażliet tajbin. It-tfal preferibilment għandhom jirċievu t-trobbija mill-ġenituri tagħhom, raġel u mara.

Fuq kollox, nappellaw lill-Parlamentari tagħna biex ikomplu jieħdu miżuri li jsaħħu l-familja mibnija fuq iż- żwieġ bejn raġel u mara. Ikkunsidrat li l-familja magħmula f’dik l-għaqda tad-differenzi bejn raġel u mara “tibqa’ l-bennejja primarja u ewlenija tas-soċjetà”,4 nagħmlu l-qalb lil dawk li huma konvinti minn din il-verità biex jibqgħu jgħożżu u juru stima lejn din l-istituzzjoni naturali.

 MARIO GRECH  PAWLU CREMONA O.P.
Isqof ta’ Għawdex Arċisqof ta’ Malta
President tal-Konferenza Episkopali

 CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta

1 Papa FRANĠISKU, Ittra Enċiklika Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 50.
2 ID., L-intervista ta’ Antonio Spadaro SJ mal-Papa Franġisku, fi La Civiltà Cattolica (19 ta’ Settembru 2013).
3 Cf ibidem.
4 Cf ID., Message of Pope Francis to participants in the 47th Social Week of Italian Catholics (11 ta’ Settembru 2013).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading