L- Imħabba Sabiħa. Ittra Pastorali mqassra tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA PASTORALI
(verżjoni qasira)

TAL-E.T. MONS. MARIO GRECH ISQOF TA’ GĦAWDEX
FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TA’ MARIJA MTELLGĦA S-SEMA 2014

L- Imħabba Sabiħa
(Il-Vanġelu tas-Sesswalità)

Għalkemm kulħadd jixtieq ikun kuntent, mhux kulħadd ifittex il- kuntentizza bl-istess mod. It-toroq li nagħżlu biex inkunu ferħanin huma differenti. Dan jispjega għaliex fid-dinja hawn min hu kuntent u hawn min mhux.

Fost il-persuni li mhumiex kuntenti hemm dawk li għaddew minn xi esperjenza qarsa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sesswalità. Ħassejt li għandi ngħid kelma dwar dan is- suġġett għax il-Knisja għandha dak li nsejjaħlu “il-Vanġelu tas-Sesswalità”. Imma f’widnejja tasalli l-karba ta’ għadd ta’ adolexxenti u żgħażagħ li għalkemm jaħsbu li biex ikunu kuntenti għandhom il-liċenzja biex jesperimentaw fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, qed iġarrbu ċertu vojt. Nisma’ wkoll l-ajma ta’ diversi koppji miżżewġa li sabu li r-relazzjonijiet sesswali flok għenuhom jikbru fl- intimità, kienu kawża biex tbiegħdu u birdu lejn xulxin. Konxju wkoll li s- sesswalità taf tħabbat ukoll lil min mhux miżżewweġ, mhumiex esklużi dawk li għażlu li jkunu ċelibi għas- Saltna ta’ Alla.

Is-sesswalità bħala lingwaġġ ta’ mħabba
Huwa fatt magħruf li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. Wieħed mil-lingwaġġi tal-imħabba hu s-sesswalità. Ebda mġiba sesswali ma tkun ġenwina jekk il-mutur warajha ma jkunx l-imħabba. Fil- fatt, fl-istupru, fil-prostituzzjoni u fil-

pedofelija ma hemm ebda ħjiel ta’ mħabba. Anki n-negozju li jsir permezz tal-pornografija, bħalma huma s-servizzi li jbiegħu s-siti elettroniċi, ikun jiżżuffjetta bl- imħabba.

Bħalma ngħidu għall-kliem kollu li nużaw, anki l-lingwaġġ tal-imħabba jista’ jkun falz. Dan il-lingwaġġ isir ingann u gidba meta s-sentimenti li jikkomunika ma jkunux ġenwini. Ġesù ma ċanfarx lil Ġuda għaliex “biegħu”, imma għaliex Ġuda nqeda b’lingwaġġ tal-imħabba (il-bewsa) battal mit-tifsira propja tiegħu u għalhekk b’lingwaġġ qarrieqi. Għaldaqstant, koppja li tfittex li tingħaqad biss fiżikament mhux f’kuntest ta’ mħabba, tkun tneżża’ s- sesswalità mit-tifsira ġenwina tagħha.

L-imħabba u s-sesswalità huma aspetti nobbli u sbieħ tal-bniedem. Forsi għandna bżonn niskopru aktar din ir-rabta bejn “l-imħabba sabiħa” u s-sesswalità.

Sesswalità mibnija fuq relazzjonijiet u valuri
Minn studju nazzjonali li sar dan l- aħħar minn Dar Ġużeppa Debono,

jidher li ġeneralment imġiba sesswali mħarbta fost l-adolexxenti tagħna hija sintomu ta’ nuqqas ta’ mħabba li huma jkollhom fil-familja, fl-iskola u fis-soċjetà b’mod ġenerali. F’soċjetà li tisfrutta t-tbatija tagħhom billi toffrilhom soluzzjonijiet taparsi faċli, huma jispiċċaw jaqgħu f’attività sesswali li mhux biss tpoġġi f’riskju s- saħħa tagħhom, imma tkun ta’ dannu psikoloġiku u sentimentali għalihom u għall-oħrajn.

Mill-istudju msemmi naraw li l-parti l-kbira ta’ wliedna jorbtu valuri importanti mal-attività sesswali. Ħafna mit-teenagers tagħna jqisu li mhux ser ikollhom x’jaqsmu sesswalment qabel ma jiltaqgħu ma’ dik il-persuna li magħha jixtiequ jgħixu jew jiżżewġu. Hu fuq dawn il- valuri li l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu trid tixxandar sabiex toħroġ is-sbuħija tas-sesswalità umana.

Kristu salva l-bniedem sħiħ Għandna ngħinu lil uliedna biex ix- xewqat tajba tagħhom isiru realtà f’ħajjithom. Irridu ngħidulhom li l- imħabba vera hija possibbli għaliex Kristu ħa l-ġisem tal-bniedem, libes is-sesswalità umana u fdieha. Bl- għajnuna tiegħu nistgħu tassew inħobbu lil xulxin, u mara u raġel jistgħu jħobbu lil xulxin għal dejjem.

Edukazzjoni sesswali
Hemm bżonn inkunu protagonisti fl-
edukazzjoni sesswali ta’ wliedna. Mill-

istudju msemmi, jidher is-siwi tal- ħidma li qed iwettqu l-edukaturi fl- iskejjel tagħna. Fl-istess ħin jibqa’ l- fatt li l-adolexxenti tagħna jiksbu ħafna mill-informazzjoni dwar is-sess mill-ħbieb u mill-mezzi tal- komunikazzjoni, fosthom l-internet. Tidher id-diffikultà tal-ġenituri biex jgħixu s-sejħa tagħhom bħala l- edukaturi ewlenin ta’ wliedhom.

Edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl- imħabba titlob formazzjoni għall- kastità. Għalkemm illum il-kastità mhix suġġett li niddiskutu fit-tokk, naf b’żgħażagħ u koppji għarajjes u miżżewġa li jipprattikawha. Il-kastità ma tfissirx li wieħed jastjeni milli jkollu relazzjoni sesswali, jew li wieħed jistmerr l-imħabba sesswali, imma li “jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu u jgawdi s-sliem”. Huwa minnu li l-kastità titlob sagrifiċċju, imma s-sagrifiċċju huwa triq li twassal għall-kuntentizza.

Fl-impenn sabiex uliedna jirċievu edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl- imħabba, ma nistax ma nsemmix u ma nfaħħarx l-inizjattivi li d-Dar Ġużeppa Debono flimkien mal- iskejjel fi gżiritna qed jieħdu f’dan il- qasam. Uliedna jistennew minna li nedukawhom għall-imħabba vera u responsabbli. Importanti li f’suġġett daqshekk delikat nevitaw li ngħidu gidba jew nofs verità: il-proposta edukatttiva għandha tinkludi l-verità sħiħa tas-sesswalità umana. Meta l-

edukazzjoni sesswali toffri biss tagħrif xjentifiku u tekniku dwar is-sess, wieħed ikun qed jittraskura l-aspetti psikoloġiċi, affettivi, soċjali u spiritwali tal-persuna.

Il-grammatika tas-sesswalità
Issa ladarba s-sesswalità hija l- lingwaġġ tal-imħabba, bħal kull lingwa oħra din għandha l- grammatika tagħha, li huma r-regoli morali. Xieraq li nkunu ħafna prudenti meta nitkellmu dwar ir- responsabbiltà morali tal-persuna, għaliex għalkemm ħadd ma jista’ ma jagħtix kas tal-prinċipji morali li jgħinuna biex ngħixu din id- dimensjoni tas-sesswalità b’mod awtentiku, kull persuna twieġeb moralment skont kemm ikun irnexxielha tagħmel tagħha l- grammatika msemmija. Għalhekk, għal dawk li għal xi raġuni jew oħra jkunu għadhom ma ħaddnux din il- grammatika, filwaqt li wieħed jibqa’ jittama li xi darba jikkonvinċu ruħhom u japplikaw dawn ir-regoli, jixraq li fl-istess waqt ikun hemm akkumpanjament personalizzat biex kemm jista’ jkun tonqos il-gravità tal- iżbalji li jistgħu jagħmlu.

Nagħmel appell lill-Poplu ta’ Alla biex inħossu tagħfas fuqna r- responsabbiltà li niffurmaw aktar ruħna sabiex inxandru l-Vanġelu tas-

Sesswalità lill-bniedem ta’ żmienna. Importanti li l-kelma tal-Verità tkun imsieħba minn kelma ta’ Ħniena, sabiex it-tagħlim tal-Knisja dwar is- sesswalità umana jiġi mwassal tassew bħala Bxara Tajba aktar milli bħala sensiela ta’ kundanni li jaqtgħu qalb il-bniedem li kuljum jitqabad mad- dgħufija tiegħu.

Fis-solennità ta’ Santa Marija, għajnejna jaqgħu fuq il-Verġni Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, fuq Dik li hija Omm l-Imħabba Sabiħa (Sir 24:18), jiġifieri Ġesù Kristu. Nitolbu bl-interċessjoni tal-Assunta sabiex, imsaħħrin minn din l-Imħabba Sabiħa, bħala Knisja nwieġbu għall- isfidi ta’ żminijietna u nxandru b’ottimiżmu Nisrani l-imħabba ta’ Alla għal kull bniedem, dik l- Imħabba li tagħmlu kapaċi jgħix is- sbuħija tas-sesswalità umana.

Mario Grech Mons. Salv Debrincat
Isqof ta’ Għawdex Kanċillier

Din hija ġabra fil-qosor tal-Ittra Pastorali. L-ittra Pastorali sħiħa se titqassam fid-djar u tkun disponibbli fuq il-websajt tad-Djoċesi.

Stampa ta’ quddiem: http://catholicexchange.com/eucharist-and-theology-of-the-body.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading