Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġużepp


IL-QIES – REGOLA TAD-DEHEB

Sintesi tal-Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex,
fil-Festa ta’ San Ġużepp, fil-Knisja Arċipretali tal-Qala, il-Ħadd 3 ta’ Awwissu 2014

Il-moderazzjoni hija regola tad-deheb li tgħinna norganizzaw aħjar il-passjonijiet li hemm fina. Meta tkun ikkontrollata, din l-enerġija tibni l-persuna, imma f’każ kuntrarju tista’ tkun il-qerda tal-individwu. Il-virtù li tagħti din is-setgħa lill-bniedem tissejjaħ “temperanza”, moderazzjoni jew qies.

Is-sobrjetà, li fis-soċjal hemm min isejħilha awsterità, mhix riċetta politika biex is-soċjetà tegħleb il-kriżi ekonomika u lanqas ma hija xi triq biex noħorġu mit-tunnel tal-konsumiżmu; imma hija virtù li twitti t-triq biex il-bniedem ikun hieni.

Din il-virtù neħtiġuha bħall-ħobż, għax hemm ir-riskju li nesaġeraw f’kollox, anki fl-istess ħeġġa biex inkunu persuni ta’ virtù. Fil-fatt, kif jikteb Orazju, “let the wise man bear the name of fool, and the just of unjust, if he pursues virtue itself beyond the proper bounds”. Fil-fatt, meta nesaġeraw fil-manifestazzjonijiet reliġjużi tagħna, aħna nkunu ntebbgħu l-virtù tar-reliġjon! Fil-kamp tal-liġi, hemm l-assjoma “extreme law, extreme injury”.

Huwa fatt li ħafna drabi l-bniedem huwa bla xabgħa – hemm ċerti aspetti fil-ħajja, bħal fil-każ tal-ikel, flus, unuri, poter, pjaċir, u l-bqija, fejn il-bniedem dejjem jonqsu. Min hu bla rażan qisu bettija bla qiegħ. Għalhekk neħtieġu l-virtù tal-qies li mhux ħlief doża ta’ intelliġenza fina li tgħinna nintuwixxu u niżnu kliemna u għemilna. Il-moderazzjoni tgħinna nkunu ħielsa għax tippermettilna nagħżlu x’għandna ngħidu u xħin għandna nitkellmu.

Fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja tal-lum, jidher li jkun jaqblilna jekk nikkunsidraw li nħaddmu l-virtù tat-temperanza fi tliet oqsma partikulari:

(a) Fil-mod kif nirrelataw mal-ġid materjali. Kemm ix-xeħħa u kemm ir-rebgħa, żewġ atteġġjamenti li jafu jagħmlulna ħajjitna infern, huma konferma li ma nafux nagħmlu użu moderat mill-flus. L-għerq tal-korruzzjoni hu r-regħba personali jew kollettiva. Min ma jafx ikun moderat fir-relazzjoni tiegħu mal-ġid, faċli jsir ilsir tax-xogħol u għalhekk qatt ma għandu ħin għalih nnifsu, għall-familja u għall-oħrajn.

(b) Ir-relazzjoni tagħna man-natura tista’ tkun aktar meqjusa. Meta nittrattaw l-ambjent bil-moderazzjoni, nevitaw li nagħmlu vjolenza lill-ambjent u nuru aktar rispett lejn il-ħolqien. Kull żvilupp li ser jolqot l-ambjent għandu jkun żvilupp sostenibbli. Ir-responsabbiltà ambjentali tgħinna nrażżnu l-abbużi fuq l-ambjent.

(c) Il-moderazzjoni tgħinna nibnu aħjar ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna li normalment iserrħu fuq il-kumplimentarjetà sesswali tagħna. Huwa fatt li l-enerġija sesswali hija element essenzjali fir-relazzjonijiet bejn il-persuni. Il-bniedem hu xi ħaġa aktar mill-“ġisem”. Ikun kunċett dejjaq ħafna jekk nirriduċu s-sesswalità għall-pjaċir fiżiku. Bis-sesswalità tagħha l-persuna tirrelata ma’ persuna oħra sesswalment kumplimentari u flimkien jegħlbu s-solitudni, aktar u aktar jekk frott l-imħabba ta’ bejniethom ikun hemm l-ulied.