ITTRA PASTORALI tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex
L-IMĦABBA SABIĦA
(Il-Vanġelu tas-Sesswalità)
1. Fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem hemm ix-xewqa għall-hena. Ma ssibx bniedem li ma jridx ikun kuntent, tant li Pascal jinnota li anki min itemm ħajtu b’idejh, jagħmel dan il-pass ikrah għax ikun konvint li ser ikun aħjar milli jkun.1 Imma huwa fatt li għalkemm ix-xewqa biex inkunu sewwa u henjin hija komuni għal kulħadd, mhux kulħadd ifittex il-kuntentizza bl-istess mod. It-toroq li nagħżlu biex inkunu ferħanin mhux biss huma varji, imma xi drabi huma wkoll kuntrarji għal xulxin. Dan jispjega għaliex fid-dinja hawn min hu kuntent u hawn min mhux.
2. Fost il-persuni li mhumiex kuntenti hemm dawk li għaddew minn xi esperjenza qarsa f’dak li għandu x’jaqsam mas-sesswalità. Huwa fatt li s-sesswalità umana, realtà daqshekk sabiħa u li tista’ tkun triq li tgħin lill-bniedem jikseb l-hena, ħafna drabi hija kawża ta’ delużjoni, weġgħat, frustrazzjoni u abbużi. Għal dawk li kisbu t-tifsira vera tas-sesswalità, din hija riżorsa ta’ hena; imma għal min hu maħkum mill-kultura li tibbanalizza s-sesswalità, li rrendiet is-sesswalità bħala oġġett ta’ konsum jew mezz ta’ pjaċir biss, is-sesswalità saret bieqja ta’ mrar.
3. Ħassejt li għandi ngħid kelma dwar dan is-suġġett mhux għaliex, kif jgħidu xi wħud, il- Knisja hija ffissata fuq is-sess; għall-kuntrarju, il-Knisja għandha dak li nsejjaħlu “il-Vanġelu tas-Sesswalità”, li huwa utli ħafna għall-bniedem tal-lum, li forsi mingħajr lanqas biss jaf, qiegħed jipperikula li jkompli jitlef xi ħaġa daqshekk profonda u qaddisa bħalma hija s- sesswalità. Nitnikket meta nara li dan it-tagħlim la huwa magħruf u forsi lanqas huwa ppreżentat sewwa. Nistqarr li dak li pprovokani biex nikteb din l-Ittra Pastorali kienu xi riżultati tal-Kwestjonarju bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser jiġi ċċelebrat f’Ottubru li ġej f’Ruma, kif ukoll wara li flejt ftit studju nazzjonali li sar dan l-aħħar mid-Dar Ġużeppa Debono,2 liema studju jitfa’ dawl ukoll fuq kif il-ġenerazzjoni li tielgħa qiegħda tgħix “ir- relazzjonijiet romantiċi u sesswali”.
IL-KARBA UMANA
4. F’widnejja tasalli l-karba ta’ għadd ta’ adolexxenti u żgħażagħ li għalkemm fl-avventura biex ikunu kuntenti jħossu li għandhom il-liċenzja biex jesperimentaw fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, qed iġarrbu ċertu vojt. Nisma’ wkoll l-ajma ta’ diversi koppji miżżewġa, kemm koppji żgħar u kemm kbar, li forsi webbilniehom li biż-żwieġ wieħed jew waħda ser issolvi l- issues marbuta mas-sesswalità, imma propju għax huma wkoll huma influwenzati mill-
1 Ara BLAISE PASCAL, Pensieri, 425.
2 A National Research Study to enable policy makers to develop a preventive policy for teenage pregnancy in Malta and Gozo, 2014.
kultura liberali u edonista ta’ żminijietna, sabu li r-relazzjonijiet sesswali, flok għenuhom jikbru fl-intimità, kienu kawża biex tbiegħdu u birdu lejn xulxin. Konxju wkoll li s- sesswalità taf tħabbat ukoll lil min mhux miżżewweġ, mhumiex esklużi dawk li għażlu li jkunu ċelibi għas-Saltna ta’ Alla.
LINGWAĠĠ TA’ MĦABBA
5. Huwa fatt magħruf li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. “Jekk ma jsirx jaf l- imħabba, jekk ma jiskoprix l-imħabba f’ħajtu, jekk ma jġarrabx l-imħabba, jekk ma jdaħħalhiex f’ħajtu, jekk ma jipparteċipax intimament fiha, jibqa’ essri li ma jistax jifhem lilu nnifsu u ħajtu tkun bla sens għalih”.3 Billi l-bniedem ma jgħixx mingħajr imħabba, hu għandu bżonn ta’ lingwaġġ biex jesprimi din l-imħabba. Wieħed minn dawn il-lingwaġġi huwa s-sesswalità. Għalkemm l-imħabba mhux bilfors tesprimi ruħha f’attività sesswali, ebda mġiba sesswali ma tkun ġenwina jekk il-mutur warajha ma tkunx l-imħabba. Fil-fatt, kemm fl-istupru, fil-prostituzzjoni u fil-pedofelija ma hemm ebda ħjiel tal-imħabba. Anki n- negozju li jsir permezz tal-pornografija, bħalma huma s-servizzi li jbigħu s-siti elettroniċi, jagħmel parodija mill-imħabba. Kemm ir-relazzjonijiet sesswali barra minn posthom u kemm l-imġiba sesswali perversa huma ħżiena propju għaliex ikunu battala mill-imħabba vera. Għalhekk ir-raġel u l-mara jkunu jħobbu lil xulxin mhux għaliex ikun hemm intimità sesswali bejniethom, imma bejniethom ikun hemm intimità sesswali għaliex ikunu jinħabbu.
6. Min-natura tagħha relazzjoni sesswali għandha tkun wieħed mill-aspetti tad-djalogu ta’ mħabba li jkun ilu għaddej bejn il-koppja. F’dan il-kwadru, l-att taż-żwieġ hu dak il-mument intimu li jesprimi l-laqgħa l-aktar profonda li jkun hemm fil-qalb u l-moħħ tal-miżżewġin. Ir- raġel u l-mara li jkunu jħobbu lil xulxin, ikunu fi djalogu kontinwu bejniethom u jaslu f’mument fejn b’tip ta’ lingwaġġ differenti (sesswalità) huma jistqarru lil xulxin: jien ningħata kollni kemm jien lilek, jew jien nilqa’ lilek f’ħajti mingħajr ebda kundizzjoni!
7. Imma bħalma ngħidu għall-kliem kollu li nużaw meta nikkomunikaw xi ħaġa, anki dan il- lingwaġġ tal-imħabba jista’ jkun jirrifletti l-verità jew il-falzità. Dan il-lingwaġġ isir ingann u gidba meta s-sentimenti li jikkomunika ma jkunux ġenwini. Ilkoll niftakru lil Ġuda jagħti “bewsa” lil Ġesù biex jittradih. Ġesù ma ċanfrux għaliex “biegħu”, imma għaliex Ġuda nqeda b’lingwaġġ ta’ mħabba (il-bewsa) battal mit-tifsira propja tiegħu, u għalhekk b’lingwaġġ qarrieqi. Koppja li tfittex li tingħaqad biss fiżikament mhux f’kuntest ta’ mħabba, tkun tibbanalizza s-sesswalità u tneżżagħha mit-tifsira ġenwina tagħha. Għalhekk il-ġesti tar-relazzjoni sesswali, li jirrappreżentaw l-aqwa espressjoni tal-intimità fiżika bejn ir- raġel u l-mara, ma jistgħux ma jkunux lingwaġġ li bih il-koppja tingħata lil xulxin.
MĦABBA RESPONSABBLI
8. Bħala lingwaġġ tal-imħabba, is-sesswalità għandha diversi espressjonijiet – fil-fatt jitkellmu l-għajnejn, ix-xofftejn u l-ġesti, u l-bqija. Huwa dan il-lingwaġġ mitkellem mill- għarajjes li jkunu qegħdin jippreparaw ruħhom biex jissiġillaw l-għotja tagħhom lil xulxin fiż-żwieġ. Aktar ma jkun hemm imħabba awtentika bejn ir-raġel u l-mara, aktar il-lingwaġġ tas-sesswalità jkun veru. Il-koppja li tintrabat flimkien intellettwalment, emottivament, spiritwalment kif ukoll soċjalment u ekkleżjalment permezz taż-żwieġ (ċivili u sagrament) hija l-koppja li waslet għall-verità u l-awtentiċità fil-lingwaġġ sesswali. Ukoll billi l- lingwaġġ sesswali ġenitali mhux biss huwa mod kif tiġi espressa l-imħabba, imma jaf iwassal għat-tnissil tal-ħajja, dan il-lingwaġġ jitlob li jiġi mitkellem biss b’mod responsabbli. Din hija r-raġuni għaliex dan il-lingwaġġ partikulari, meta jintuża f’relazzjonijiet qabel iż-żwieġ
3 ĠWANNI PAWLU II, Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979), 10.
jew barra miż-żwieġ, mhux dejjem juri l-veru rispett lejn il-persuna l-oħra u responsabbiltà. Meta jkun użat f’dawn il-kuntesti, il-lingwaġġ li hu mżejjen bi ġmiel daqshekk straordinarju, jiftaqar ħafna.
IL-ĠMIEL TAR-RELAZZJONIJIET
9. Huwa normali li r-raġel jew il-mara jgħarrxu biex isibu s-sieħba jew is-sieħeb tagħhom. L-enerġija sesswali li hemm fil-bniedem twasslu biex joħroġ minnu nnifsu u jidħol f’relazzjoni ta’ reċiproċità u hekk ma jibqax waħdu. Fir-rakkont tal-Ħolqien naqraw li lanqas Alla ma ħamel jara lill-bniedem ibati l-vojt tas-solitudni. Alla qal: “Mhux sewwa li l- bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18). Għalhekk Alla jagħtih persuna daqsu f’kollox imma differenti minnu: il-mara. It-tnejn huma kumplimentari għal xulxin tant li “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24). Hekk it-tnejn ikunu sabu l-għajnuna reċiproka biex l-imħabba tagħhom ma tibqax waħda egoista li tfittex il-pjaċir (imħabba erotika), imma togħla u ssir imħabba li toffri lilha nfisha lill-parti l-oħra (agape). Din l-imħabba (agape) tirbaħ in-natural egoista li jserraħ fuq dak li ser nakkwista u fuq dak li jolqot l-għajn, u ssir ħsieb u ħerqa għall-ġid ta’ ħaddieħor. Hija ma tfittixx aktar lilha nfisha, ma tkunx mitlufa biss f’sakra tfittex il-pjaċir, imma tfittex il-ġid tal-bniedem maħbub, hekk issir ċaħda li tkun lesta għas-sagrifiċċju, anzi tfittxu. L-imħabba tissaffa u tikseb grad ogħla permezz ta’ żewġ modi: bil-fehma li twarrab persuni oħra – “din biss il- persuna waħdanija li nħobb” (fedeltà), u bil-fehma li tkun għal dejjem.4
10. Din l-imħabba daqshekk personali kapaċi tiftaqar u ssir impersonali meta f’din ir- relazzjoni ma’ persuna oħra, persuna tħossha li qiegħda “ma’” xi ħadd u mhux “għal” xi ħadd; meta s-sesswalità tingħax fuq skemi barranin għall-ħajja tal-koppja jew fuq mudelli proposti mill-kultura. Huwa fatt li fil-kultura likwida tal-lum hemm ir-riskju li kemm l- imħabba u kemm ir-relazzjonijiet ikunu likwidi!
11. L-imħabba u s-sesswalità huma dimensjonijiet nobbli u sbieħ tal-bniedem, għaliex huma l-espressjoni ta’ aħna min aħna. Forsi għandna bżonn niskopru aktar din ir-rabta bejn “l- imħabba sabiħa” u s-sesswalità. Il-bniedem ikun verament kuntent meta jsib il-wiċċ tal- persuna li jħobb, partikularment fir-relazzjoni li tinbet bejn ir-raġel u l-mara.
12. Mill-istudju li sar mid-Dar Ġużeppa Debono jidher li ġeneralment imġiba sesswali mħarbta fost l-adolexxenti tagħna hija sintomu ta’ nuqqas ta’ mħabba li huma jkollhom. In- nuqqas ta’ mħabba fil-familja, fl-ambjent skolastiku, fis-soċjetà b’mod ġenerali qed iwassal lil numru ta’ adolexxenti biex iħossuhom bla skop fil-ħajja, b’qalb tokrob għall-imħabba.5 Biss f’soċjetà li aktar milli toffrilhom għajnuna sinċiera, tisfrutta t-tbatija tagħhom billi
4 Ara BENEDITTU XVI, Deus caritas est, 6-7.
5 “Oftentimes, teenage pregnancy is the result of an absence of choices or circumstances. Teenage pregnancies may be related to loneliness, powerlessness, poverty and pressure from a variety of entities. In a large number of instances, early pregnancy is the result of sexual abuse” (A National Research Study to enable policy makers to develop a preventive policy for teenage pregnancy in Malta and Gozo, 15). “Causes of
teenage pregnancies (according to stakeholders: guidance teachers, counsellors…): promiscuity, experimentation, low self esteem, no objectives or goals in life, failure in school, family background (or too spoilt, socioeconomic background, separation)” (ara ibid, 66-67). “Other causes: a number of teenage mothers interviewed experienced bullying at school that made them experience feelings of sadness, low self esteem and desperation” (ibid., 55); “influence of friends” (ibid, 55); “high-risk behaviour – smoking, drinking…” (ibid, 17; 55). “In certain cases, where teenager feels ‘useless’ or has no clear objectives for the future, a baby is perceived as the natural next step in their life. In other cases, which are generally linked to other family and psychological issues, the teenager becomes pregnant to fulfil a need to love somebody. Furthermore, girls who had low self esteem were more likely to stay in a dominant and dependant relationship” (ibid, 67).
toffrilhom soluzzjonijiet apparentement faċli, huma jispiċċaw jaqgħu f’attività sesswali li mhux biss tpoġġi f’riskju s-saħħa tagħhom, imma psikoloġikament u emozzjonalment tkun ta’ dannu għalihom u għall-oħrajn.
L-IMPENN TA’ KULL NISRANI
13. Il-Knisja, li fid-dawl tal-messaġġ ta’ Kristu tħares lejn il-kobor tal-bniedem, għandha l- missjoni li tgħin lil dawn l-adolexxenti u żgħażagħ ħalli jemmnu aktar fihom infushom u jemmnu fil-kapaċità li Alla żejjinhom biha li jħobbu tassew, għaliex huma qabel kollox ulied maħbuba tal-Missier. Aħna l-adulti għandna nħossuna parti mill-ħolma li għandhom l- adolexxenti tagħna: li kieku nikkundannawhom inqas u nisimgħuhom aktar! Mill-istudju msemmi naraw li l-parti l-kbira ta’ wliedna jorbtu valuri importanti mal-attività sesswali. Għal bosta minnhom – kontra dak li l-kultura konsumistika spiss tipprova “tbellgħalhom” billi tifred l-imħabba mill-pjaċir sesswali u r-relazzjoni personali mill-attività sesswali – is- sess mhuwiex kollox fir-relazzjoni ta’ bejn mara u raġel. Mill-istudju joħroġ li l-parti l-kbira tat-teenagers tagħna jqisu li m’hemmx għalfejn ikollok x’taqsam sesswalment biex ikollok sieħeb jew sieħba, u li mhux ser ikollhom x’jaqsmu sesswalment qabel ma jiltaqgħu ma’ dik il-persuna li magħha jixtiequ jgħixu jew jiżżewġu.6 Hu fuq dawn il-valuri li l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu trid tixxandar sabiex toħroġ is-sbuħija tas-sesswalità umana li l-bniedem hu msejjaħ biex jgħixha bħala espressjoni ta’ mħabba dejjiema mibnija fuq għotja sħiħa ta’ bejn raġel u mara fiż-żwieġ.
14. Quddiemna għandna missjoni impenjattiva u delikata – u fl-istess ħin sabiħa – biex ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jemmnu f’ideali għolja li diġà jgħożżu. Fil-fatt, meta fl- istudju msemmi kienu mistoqsija dwar kif jiddeskrivu relazzjoni ideali, it-teenagers wieġbu li relazzjoni ideali għandha tkun imżejna bir-rispett, bl-imħabba, bil-fiduċja, bi djalogu miftuħ, bl-onestà, bil-qsim flimkien tal-inkwiet u l-problemi, billi jkunu hemm għal xulxin fit-tajjeb u l-ħażin u ma jeħdux lil xulxin for granted, billi jkunu sieħba veri ta’ xulxin, u jkun hemm il- lealtà, l-istabbiltà u l-ftehim.7
15. Huwa dmir jagħfas fuq spallejna li ngħinu lil uliedna biex dawn ix-xewqat tagħhom isiru realtà f’ħajjithom. Irridu ngħinuhom billi ngħidulhom: “Iva! L-imħabba vera hija possibbli għaliex Kristu ħa l-ġisem tal-bniedem, libes is-sesswalità umana u fdieha. Bl-għajnuna tiegħu – b’dik li nsejħulha l-Grazzja – nistgħu tassew inħobbu lil xulxin, u mara u raġel jistgħu jħobbu lil xulxin għal dejjem. Huwa possibbli li permezz ta’ ġisimna nesprimu l- kobor tal-imħabba b’mod responsabbli u bi mġiba ta’ min mhuwiex skjav tal-passjonijiet tiegħu, imma hu iben ħieles, bint ħielsa, li bis-sesswalità tiegħu joħroġ minnu nnifsu biex iħobb ’il-persuna l-oħra”.
16. F’soċjetà li donnha m’għadhiex toħlom b’dawn l-ideali kbar li hemm fil-qalb taż- żgħażagħ tagħna, nagħmel sejħa lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ikunu profeti u jxandru s- sbuħija tas-sesswalità umana, tal-imħabba sinċiera u responsabbli, tal-imħabba sesswali fejn ir-raġel u l-mara jingħataw lil xulxin u mill-imħabba tagħhom titnissel ħajja ġdida. Dak li fissirt aktar ’il fuq mhux xi impostazzjoni moralistika jew konfessjonali, imma huma ftit prinċipji misluta minn riflessjoni dwar in-natura tagħna l-bnedmin – huma proposti li nemmen li jagħmlu l-ġid lil kulħadd.
6 Ibid, 29, Fig. 11.
7 Ibid, 56.
L-EDUKAZZJONI SESSWALI
17. Din il-missjoni ngħixuha billi nkunu protagonisti fl-edukazzjoni sesswali ta’ wliedna. Mill-istudju jidher is-siwi tal-ħidma li qed iwettqu l-edukaturi fl-iskejjel tagħna. Fl-istess ħin jibqa’ l-fatt li l-adolexxenti tagħna jiksbu ħafna mill-informazzjoni dwar is-sess mill-ħbieb u mill-mezzi tal-komunikazzjoni, fosthom l-internet.8 Tidher id-diffikultà tal-ġenituri biex jgħixu s-sejħa tagħhom bħala l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom.9
18. Fi kliem San Ġwanni Pawlu II, “hi ħolma taħseb li tista’ tibni kultura ġdida tal-ħajja umana, jekk iż-żgħażagħ ma jkollhomx l-għajnuna ħa jagħrfu u jgħixu s-sesswalità, l- imħabba u l-eżistenza kollha tagħhom skont it-tifsir veru li għandhom u fir-relazzjoni intima li hemm bejniethom. Is-sesswalità, li hi għana tal-persuna kollha kemm hi, ‘turi t-tifsir intimu tagħha meta twassal lill-persuna tagħti lilha nfisha fl-imħabba’.10 Wieħed mill-fatturi prinċipali li wasslu għall-istmerrija ta’ ħajja qed titwieled, hu l-fatt li s-sesswalità saret xi ħaġa ta’ ebda siwi: l-imħabba vera biss tista’ tħares il-ħajja. Għalhekk ma jistax ikun li ma noffrux, l-aktar liż-żgħażagħ u lill-adolexxenti, edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba, edukazzjoni li titlob formazzjoni fil-kastità bħala virtù biex il-persuna tilħaq il-kobor sħiħ tagħha u tkun kapaċi tirrispetta t-tifsir ‘ta’ għerusija’ tal-ġisem”.11
19. Għalkemm illum il-kastità mhix suġġett li huwa diskuss fit-tokk, naf b’żgħażagħ u koppji għarajjes u oħrajn miżżewġa li jipprattikawha. F’din il-virtù huma sabu l-għodda li tgħinhom jirrispettaw il-verità tas-sesswalità. Il-kastità ma tfissirx li wieħed jastjeni milli jkollu relazzjoni sesswali, jew li wieħed jistmerr l-imħabba sesswali, imma li “jikkontrolla l- passjonijiet tiegħu u jgawdi s-sliem”.12 Permezz tal-kontroll fuqu nnifsu (self-control jew self-mastery), il-bniedem ikun jista’ jħares lilu nnifsu minn dawk il-qawwiet interni jew esterni li jkunu jridu jeqirdulu l-imħabba li thenni lil qalbu.13 Hija dik il-qawwa spiritwali li permezz tagħha l-bniedem jista’ jgħix is-sesswalità tiegħu bħala espressjoni ta’ mħabba vera li lesta tingħata lill-persuna li tħobb.14 Il-kastità hija t-tħaddim tal-virtù tal-qies li tgħinna nżommu l-bilanċ fil-ħajja. Huwa minnu li l-kastità titlob sagrifiċċju, imma s-sagrifiċċju huwa triq li twassal għall-kuntentizza.
20. Fl-impenn sabiex uliedna jirċievu edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba, ma nistax ma nsemmix u ma nfaħħarx l-inizjattivi li d-Dar Ġużeppa Debono flimkien mal- iskejjel fi gżiritna qed jieħdu f’dan il-qasam. Biss hemm bżonn li dawn l-inizjattivi jsiru konvinzjoni u impenn ċar għal kull dixxiplu ta’ Kristu. Uliedna jistennew minna li nedukawhom għall-imħabba vera u responsabbli. L-edukaturi jitkellmu fuq id-dritt li l- adolexxenti għandhom għall-informazzjoni onesta u imparzjali dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva.15 Mogħnija bil-“Vanġelu tas-Sesswalità”, aħna l-Insara għandna nimpenjaw ruħna sabiex l-edukazzjoni sesswali mdawla mill-valuri umani u evanġeliċi ma tkunx biss informazzjoni imma formazzjoni: formazzjoni għal imħabba responsabbli, għal relazzjonijiet li jgħinu lill-bniedem isir aktar bniedem. Importanti li f’suġġett daqshekk delikat u
8 Ibid, 18, 37, Fig. 22.
9 Ibid, 68-69.
10 ĠWANNI PAWLU II, Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 37.
11 ID., Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu, 1995), 97.
12 KATEKIŻMU TAL-KNISJA KATTOLIKA, 2339.
13 Ara YOUCAT, 404-406.
14 Ara PONTIFICAL COUNCIL FOR THE FAMILY, The Truth and Meaning of Human Sexuality. Guidelines for Education within the family (8 ta’ Diċembru 1995), 16-25; KATEKIŻMU TAL-KNISJA KATTOLIKA, 2337-2350.
15 Ara A National Research Study to enable policy makers to develop a preventive policy for teenage pregnancy in Malta and Gozo, 27.
importanti tkun evitata dik li tissejjaħ “il-gidba pedagoġika” li tivverifika ruħha meta l- proposta edukattiva ma tkunx tinkludi l-verità sħiħa.
21. Din il-proposta edukattiva sserraħ fuq pern ewlieni: liema antropoloġija sejrin inħaddmu, fi kliem ieħor x’viżjoni għandna dwar min hu l-bniedem. L-edukazzjoni hija attività finalistika u għalhekk tippresupponi x’kunċett għandna tal-bniedem. Jekk niżvijaw f’tema daqshekk fundamentali ta’ antropoloġija filosofika, niżvijaw ukoll fid-diskors tagħna dwar is- sesswalità. Fl-għażliet li jsiru fil-kamp tal-edukazzjoni għas-sesswalità, tajjeb nippruvaw nevitaw kunċett riduttiv tal-persuna.
Meta l-edukazzjoni sesswali toffri biss tagħrif xjentifiku u tekniku dwar is-sess u l- mekkaniżmi ġenitali u fiżjoloġiċi, wieħed ikun qed jittraskura l-aspetti psikoloġiċi, affettivi, soċjali u spiritwali tal-persuna. It-tagħrif xjentifiku serju huwa meħtieġ, imma nifhem li jrid ikun integrat ma’ aspetti oħra importanti biex kull informazzjoni tinkwadra fid-dinamika komplessiva tas-sesswalità.
Jekk il-proċess edukattiv jimmira biex jgħin lill-persuna tuża s-sess biex tissodisfa l-egoiżmu tagħha u tevita l-mard frott l-imġiba sesswali, allura f’dan il-każ mhux is-sess huwa għall- persuna biex tilħaq l-għanijiet nobbli tagħha, imma pjuttost il-persuna tiġi ssagrifikata biex ikun hemm gratifikazzjoni tal-ġibdiet istintivi tas-sess.
L-ETIKA SESSWALI
22. Ħassieb lajk ta’ żmienna, Charles Taylor, josserva li llum fit-tfittxija għall-kuntentizza jidher li l-bniedem mhux biss jaħseb li għandu jkun ħieles mill-prinċipji restrittivi tal-etika sesswali u mid-dixxiplini li jirregolaw il-pjaċir, imma saħansitra jaħseb li biex iħossu realizzat, huwa għandu jikser dawn ir-regoli.16 Issa ladarba s-sesswalità hija l-lingwaġġ tal- imħabba, bħal kull lingwa oħra din għandha l-grammatika tagħha. Mhumiex regoli grammatikali imposti minn fuq jew minn barra, imma huma ddettati mill-istess natura tas- sesswalità umana. Fil-fatt, imġiba sesswali tkun tajba jew ħażina skont kemm tkun imġiba li tgħin biex il-persuna tħossha aktar realizzata, mhux akkost ta’ kollox f’isem il-libertà, imma fis-sens li tkun attività li permezz tagħha l-persuna tkun twieġeb għall-vokazzjoni umana tagħha.
MĦABBA U ĦNIENA MA’ KULL PERSUNA
23. Huwa fatt li kull persuna hija sistema unika u irrepetibbli fis-sens li ma nistgħu nqiegħdu ebda persuna fi skema waħda jew niġġudikawha skont l-iskema tagħna. Għalhekk, filwaqt li r-regoli grammatikali tas-sesswalità (prinċipji morali) qegħdin hemm, dawn irridu nikkomunikawhom b’ħafna mħabba u sensittività. Fuq kollox inkunu ħafna prudenti u kawti meta nitkellmu dwar ir-responsabbiltà morali tal-persuna, għaliex għalkemm ħadd ma jista’ ma jagħtix kas tal-prinċipji morali li jgħinuna biex ngħixu din id-dimensjoni tas-sesswalità b’mod awtentiku, kull persuna twieġeb moralment skont kemm ikun irnexxielha tagħmel tagħha l-grammatika msemmija. Kif il-bniedem jeħtieġ iż-żmien tiegħu biex jitgħallem, hekk ukoll għandu bżonn taż-żmien biex gradwalment jagħraf u jaċċetta dawn il-prinċipji. Għalhekk, għal dawk li għal xi raġuni jew oħra jkunu għadhom ma ħaddnux din il- grammatika, filwaqt li wieħed jibqa’ jittama li xi darba jikkonvinċu ruħhom u japplikaw dawn ir-regoli, jixraq li fl-istess waqt ikun hemm akkumpanjament personalizzat biex kemm jista’ jkun tonqos il-gravità tal-iżbalji li jistgħu jagħmlu.
16 CHARLES TAYLOR, A secular age, Cambridge (MA), London 2007, 493.
24. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “neħtieġu rġiel u nisa li, bl-esperjenza li għandhom fl- akkumpanjament, juruna t-triq li għandna naqbdu, fejn jispikkaw il-prudenza, il-ħila li nifhmu lill-oħrajn, l-arti tal-istennija, il-ħlewwa li tħalli l-Ispirtu jaħdem fina… Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk. L-ewwel ħaġa, fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera… Huwa biss jekk nitilqu minn dan is-smigħ, li juri rispett u kapaċi jifhem il-qagħda tal-oħrajn, li nistgħu nsibu toroq għal maturità vera, li nistgħu nerġgħu nqanqlu fina x-xewqa tal-ideal Nisrani, il-ħeġġa li nwieġbu b’mod sħiħ għall-imħabba ta’ Alla u x-xenqa li niżviluppaw bl-aħjar mod dak li Alla żera’ fil-ħajja tagħna. Imma dan dejjem bis-sabar ta’ min jaf dak li jgħallem San Tumas: li wieħed jista’ jkollu l-grazzja u l-imħabba, imma ma jħaddem tajjeb l-ebda waħda mill-virtujiet ‘minħabba xi inklinazzjonijiet kuntrarji’ li jippersistu fih… Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ pedagoġija li twassal lill-persuni, pass wara l-ieħor, biex il-misteru jagħmluh tagħhom b’mod sħiħ. Biex jaslu għal punt ta’ maturità, jiġifieri biex il-persuni jsiru kapaċi jieħdu deċiżjonijiet tabilħaqq ħielsa u responsabbli, bilfors hemm bżonn nagħtu ż-żmien u nimxu b’sabar kbir. Kif kien jgħid il-Beatu Pietru Favre, iż-żmien hu l-messaġġier ta’ Alla”.17
25. Hu importanti li l-ġenituri jifhmu li l-eżempju u l-kelma tagħhom jistgħu jagħmlu ħafna ġid lill-ulied. Hu importanti li jkollhom għajnuniet permezz ta’ laqgħat u seminars biex jitkellmu ma’ wliedhom fuq is-sbuħija tas-sesswalità umana mdawla mill-Vanġelu. Daqstant ieħor hu importanti li l-ġenituri jużaw dawn l-għajnuniet sabiex uliedhom ma jingħatawx sempliċement strumenti li jfaqqru s-sbuħija tas-sesswalità umana, imma motivazzjonijiet li jgħinuhom jgħixu s-sejħa tagħhom ta’ bnedmin mogħnija bis-sesswalità.
26. Nagħmel appell lill-Poplu ta’ Alla fid-Djoċesi tagħna, hu x’inhu l-istat ta’ ħajtu – saċerdoti, ikkonsagrati, miżżewġin, għalliema, youth leaders, u oħrajn –, biex inħossu tagħfas fuqna r-responsabbiltà li niffurmaw aktar ruħna ħa nxandru l-Vanġelu tas-Sesswalità lill- bniedem ta’ żmienna. Inħoss il-ħtieġa ta’ kultura ġdida dwar is-sesswalità, kemm fis-soċjetà u kemm fil-Knisja. Fi żmien fejn tinħass emerġenza edukattiva u wliedna qed ibatu minn nuqqas ta’ mudelli li jħarsu lejhom sabiex fuqhom ifasslu ħajjithom, aħna msejħin biex nipproponulhom il-kelma ta’ Kristu dwar l-imħabba u s-sesswalità umana: kelma li ma tifgax il-libertà tal-bniedem, imma tgħinu jkun aktar ħieles. Il-proposta tagħna ma għandhiex tkun waħda negattiva, imma frott ta’ riflessjoni teoloġika li twieġeb għal mistoqsijiet leġittimi li qed iqumu llum f’dan il-qasam. L-edukazzjoni għas-sesswalità għandha tiġi offruta mhux tant f’termini moralistiċi imma b’metodu li joħroġ fid-dieher il-ġmiel tal-imħabba awtentika. L-edukazzjoni għas-sesswalità hija proċess li jqaddes għaliex jikxef il-misteru tal-ħajja.
27. Jeħtieġ li l-kelma tal-Verità tkun imsieħba minn kelma ta’ Ħniena – li hija attribut ieħor ta’ Alla – sabiex it-tagħlim tal-Knisja dwar is-sesswalità umana jiġi mwassal tassew bħala Bxara Tajba aktar milli bħala sensiela ta’ projbizzjonijiet u kundanni li jaqtgħu qalb il- bniedem li kuljum jitqabad mad-dgħufija tiegħu. Dan jitlob li niddakkru mill-ħarsa ta’ Kristu fuqna, biex hekk lil min jaqa’ jew jinsab imxekkel ħafna bil-ktajjen tal-vizzju jew bl-ambjent fqir li fih issawwar, nagħtuh ħarsa u nwasslulu kelma li jagħmlulu kuraġġ biex iqum u jimxi aktar lejn il-ħelsien tal-Vanġelu, f’mixja gradwali li tgħinu jgħix is-sesswalità tiegħu b’mod aktar ħieles u sinċier.
28. Fis-solennità ta’ Santa Marija, għajnejna jaqgħu fuq il-Verġni Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, fuq Dik li hija Omm l-Imħabba Sabiħa (Sir 24:18). Din l-Imħabba Sabiħa
17 FRANĠISKU, Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 171.
mhix xi idea astratta imma l-persuna ta’ Ġesù Kristu, li huwa l-ġmiel li jidher ta’ Alla li ma jidhirx, li frott l-imħabba tiegħu sar bniedem bħalna. Nitolbu l-interċessjoni tal-Assunta sabiex, imsaħħrin minn din l-Imħabba Sabiħa, bħala Knisja nwieġbu għall-isfidi ta’ żminijietna u nxandru b’ottimiżmu Nisrani l-imħabba ta’ Alla għal kull bniedem, dik l- Imħabba li tagħmlu kapaċi jgħix is-sbuħija tas-sesswalità umana.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa 6 ta’ Awwissu 2014, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.
Mario Grech Mons. Salv Debrincat
Isqof ta’ Għawdex Kanċillier