Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova
Knisja Konventwali ta’ San Franġisk, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NIĠĠIELDU L-FAQAR

Għalliem tat-teoloġija kontemporanju għal Sant’Antnin ta’ Padova kiteb li qatt ma kien sema’ b’konsolatur ħelu tal-foqra bħal Sant’Antnin u anqas b’kontestatur qalil tas-sinjuri bħalma kien Sant’Antnin. Min hu devot ta’ Sant’Antnin ma jistax ma jimitahx fl-attenzjoni li kellu biex jisma’ l-karba tal-foqra.

L-għotjiet ta’ karità huma wieħed mill-modi kif wieħed jgħin biex negħlbu l-faqar. Huwa ppruvat li pajjiżna huwa minn ta’ quddiem nett fil-lista ta’ dawk il-pajjiżi fejn iċ-ċittadini personalment jagħmlu donazzjonijiet ġenerużi ħafna. Is-suċċess ta’ għadd ta’ kampanji li jsiru f’pajjiżna għal skopijiet ta’ karità jitkellem għalih waħdu. Ma għandix kliem biex infisser l-apprezzament tiegħi għal dan.

Imma mbagħad importanti li nkunu sensibbli dwar modi oħra kif nistgħu niġġieldu l-faqar. Indirettament inkunu nkattru l-faqar meta jkun hemm evażjoni tat-taxxa, abbuż tas-servizzi soċjali u prattiċi korrotti.

Il-ġbir tat-taxxi huwa wieħed mill-mezzi li għandu l-Istat biex jiġbor il-fondi ħalli mbagħad ikun jista’ joffri servizzi varji bħal fil-każ tas-saħħa, tal-edukazzjoni, is-sigurtà, u l-bqija. Dawk li jevadu t-taxxa ġusta jkunu jnaqqsu s-saħħa finanzjarja tal-Istat biex iwettaq ċerti proġetti vitali. Jista’ jkun li min hu għani ma jintlaqatx minn din ir-riduzzjoni tas-servizzi; imma l-foqra li ma għandhomx mezzi biex ifittxu għajnuna alternattiva, ibatu.

L-istess jiġri fil-każ tal-abbużi tas-servizzi soċjali. Is-servizzi soċjali huma għajnuniet li fi spirtu ta’ solidarjetà u sussidjarjetà l-Istat joffri lil dik il-faxxa ta’ ċittadini dgħajfa biex dawn ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża. Mingħajr id-damma ta’ servizzi soċjali li għandna llum, il-qagħda umana ta’ numru mhux żgħir kienet tkun miskina. Għalhekk meta jkun hemm ħela jew sfruttament tas-servizzi soċjali, inkunu qegħdin nieħdu l-ħobż minn fomm dawk li huma bil-ġuħ. B’dan il-mod, użu irresponsabli tas-servizzi soċjali jżid il-faqar.

Il-korruzzjoni f’kull aspett tal-attività umana, bħal fl-oqsma tal-impiegi, tal-edukazzjoni, tal-kummerċ, tal-ġustizzja, tal-isport, fl-għoti tal-promozzjonijiet, mhux biss hija mezz pulit biex wieħed jisraq, imma tista’ tkun ukoll arma omiċidjali, għaliex l-inġustizzja tista’ tkun tant gravi li hemm min jibqa’ taħtha. Meta xi ħadd jikseb bid-dnewwa xi ħaġa li mhix tiegħu, dan ifisser li jkun qiegħed jaħtafha minn idejn ħaddieħor li tkun tmissu bi dritt. Għaldaqstant, min bla kuxjenza jinżel fil-ħama tal-korruzzjoni, mhux biss ikun jistagħna inġustament, imma jkun jirkeb fuq dahar ħaddieħor.

Sakemm ma tkunx storduta, il-kuxjenza suppost tgħidilna li min iwettaq xi reat minn dawn it-tlieta (evażjoni tat-taxxa, abbużi mis-servizzi soċjali u korruzzjoni) jibqagħlu d-dmir li jrodd lura dak li jkun kiseb bil-qerq. Hija tassew ħasra li llum ftit għadna nisimgħu li min jisraq għandu dmir li jrodd lura dak li jkun seraq! Il-ġerħa li reat ta’ din ix-xorta jikkawża kemm lill-fqir u kemm lis-soċjetà, tibqa’ tgħajjat għall-ġustizzja anki jekk min ikun responsabbli tar-reat jirnexxielu jaqbeż ’il barra mill-miżien tal-Qrati.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading