Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu


Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NAĦDMU GĦAL KULTURA LI TGĦOŻŻ IL-GRATWITÀ

Jiġini li nistaqsi jekk Ġesù u Marija kinux kuntenti meta kienu mistiedna għat-tieġ ta’ Kana. Għax illum ġieli jiġri li meta jasal invit ta’ tieġ, hemm min iqarras wiċċu għax invit ġdid ifisser li trid tagħti rigal. Sfortunatament illum qed nitilfu l-ispirtu ta’ gratwità u għalhekk mhux faċli nemmnu li koppja tistedinna għax għandha pjaċir isseħibna fil-ferħ tagħha; bħal donnu lanqas nistgħu nifhmuha li l-bniedem minn rajh jista’ jagħti rigal bħala epressjoni tar-rieda tiegħu li jieħu sehem fil-ferħ tal-oħrajn. Il-kultura tad-drittijiet, fejn kulħadd jistenna kollox b’jedd, qed tnessina li fil-ħajja hemm ħafna affarijiet li nirċevuhom gratwitament – sempliċement għax min jagħtihomlna, iħobbna u ma jistenna xejn lura – u li aħna ħielsa li nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura. Ġejna mirkubin mill-mentalità li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn għaliex kollox għandu prezz.

Il-miraklu tal-ilma mibdul fi nbid li Ġesù għamel f’Kana huwa espressjoni qawwija ta’ din il-gratwità. Ġesù u Marija ħadu din l-inizjattiva minn rajhom. Ma kellhom ebda obbligu li jagħmlu dan l-intervent straordinarju. Min-naħa tagħhom l-għarajjes mhux biss ma kinux qed jistennew dan il-miraklu, imma lanqas biss kienu jafu min fejn kien wasal dak l-inbid tajjeb. Il-gratwità hija fin-natura ta’ Alla. Propju għax Alla huwa mħabba, huwa kontinwament jingħata lill-bnedmin mingħajr ma jistenna xejn lura. Kif jikteb San Ġwann, “hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4:9).

L-Ewkaristija hija eżempju ta’ din il-gratwità. Min minna għandu xi dritt fuq Ġesù biex dan jagħtina ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb? Għall-kuntrarju, jien mhux biss ma għandi ebda jedd li Ġesù jingħata għalija, imma għandi għaliex nistħi quddiem il-gratwità tiegħu għax ma jistħoqqlix nitrejjaq bil-Ġisem u d-Demm tiegħu.

Qegħdin ngħixu fi żmien fejn ma għadniex napprezzaw dak kollu li jingħatalna gratwitament. Billi kollox sar dovut, faqqarna t-tifsira tal-imħabba vera. Dak biss li jaf iħobb bi mħabba ġenwina, diżinteressata u ħielsa minn kull riħa ta’ egoiżmu huwa kapaċi jagħti mingħajr ma jistenna xejn lura. Il-loġika tas-suq saret l-uniku kejl li l-bniedem qed juża fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Billi sirna naraw kollox minn nuċċali tal-qligħ, jeżisti r-riskju li naraw sens biss f’dawk l-oġġetti u relazzjonijiet li jistgħu jissarrfu f’xi gwadann personali. Din il-viżjoni konsumista taf tneżża’ mid-dinjità umana lill-persuna u lir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Minħabba f’hekk, peress li sirna ma nafux inkunu ġenerużi bħalma Alla huwa ġeneruż mal-umanità, naslu biex inħassru ħafna mill-“festi” tagħna.

Għaliex illum ma għadniex nagħmlu festa meta titwieled tarbija? Jista’ jkun li l-kultura ta’ żmienna wasslitna f’punt fejn inqisu l-ħajja umana bħala prodott tagħna l-bnedmin, sew jekk inlaqqgħu l-elementi ġenerattivi b’mod naturali u sew jekk nużaw metodi artifiċjali. Meta l-ħajja umana ma nibqgħux inqisuha bħala don gratuwitu mingħand il-Ħallieq, nibdew nitkellmu fuq id-dritt għall-ulied. Dan huwa diskors riskjuż ħafna, għax meta nirrendu lill-ulied bħala oġġett li nippossedu, imbagħad nistgħu naqbdu t-triq tan-niżla. Fil-fatt dieħla l-mentalità li meta dan ir-rigal tal-ħajja jkun “mgħattan”, nippruvaw nagħlquh fil-kaxxa u naħbuh! Kollox jiddependi mill-perspettiva li jkollna.

Il-prinċipju tal-gratwità jdawwal ukoll l-esperjenza taż-żwieġ. Meta fl-għoti tal-kunsens nużaw il-formula “jien nieħu lilek b’marti/żewġi”, din tista’ tagħti l-impressjoni li parti tkun qed takkwista xi dritt fuq il-parti l-oħra u għalhekk tista’ taħseb li b’hekk għandha d-dritt li tiddisponi minnha kif u meta trid hi. Imma hemm formula oħra tal-kunsens fejn il-parti tgħid: “Jien nilqa’ lilek bħala marti/żewġi”. Jekk inħares lejn is-sieħeb/a fiż-żwieġ bħala rigal, ifisser li din il-persuna qatt ma tista’ tkun oġġett “tiegħi”, imma nilqagħha bħala dik il-persuna li qed tingħatali bħala s-sieħeb/a tiegħi. Aħna li għandna l-viżjoni ta’ fidi anki dwar iż-żwieġ, irridu nemmnu li ż-żwieġ mhux kwistjoni ta’ ġibda kimika, imma fih hemm l-intervent divin fejn Alla jagħti bħala rigal il-mara lir-raġel u r-raġel lill-mara.

Għaliex kulma jmur ir-rikonċiljazzjoni qed issir sfida diffiċli? Għaliex sirna daqshekk iebsin biex naħfru lil xulxin? Huwa fatt li l-kunċett li għandna ta’ ġustizzja jserraħ fuq dak li għallmuna l-ġuristi Rumani: do ut des (jien nagħtik sakemm inti tagħti lili). Għalhekk fil-kuntest tal-maħfra ħafna jirraġunaw li lesti li jaħfru jekk il-parti l-oħra taħfrilhom; lesti li joffru l-id tal-ħbiberija jekk il-parti l-oħra toħroġ idha qabel; lesti li jimxu pass mal-parti l-oħra jekk din tagħmel passejn! Dan kollu jikkonferma li l-maħfra ma hix esperjenza ta’ din il-gratwità. Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju tal-gratwità, jien għandi noffri l-maħfra qabel ma ħaddieħor jaħfer lili; għax jekk jien naħfer lil min ħafirli, inkun inqdejt bil-maħfra għall-avvanz tiegħi personali.

F’dan għandna nippruvaw nimitaw lil Alla li dejjem lest biex jaħfrilna. Imma nħoss li anki hawn għandna bżonn nikkoreġu l-fehma li għandna dwar Alla li jaħfer. Fil-fatt, meta nħarsu lejn Alla, aħna npoġġu f’ħoġru l-ġustizzja kif nifhmuha aħna l-bnedmin – do ut des. Nemmnu li l-Mulej jaħfrilna biss meta nkunu niedma mill-offiża li nkunu għamilnielu bid-dnub tagħna. Imma dan huwa l-mod kif nirraġunaw bejnietna l-bnedmin; dwar Alla rridu nirraġunaw b’mod differenti. Il-bniedem jasal biex jindem u jitlob maħfra wara li jkun għamel l-esperjenza tal-maħfra ta’ Alla. L-ewwel huwa Alla li jdewwaq it-tjubija, il-ħniena u l-imħabba tiegħu; meta nduqu din il-ħlewwa ta’ Alla, imbagħad nindmu għax verament jiddispjaċina li nkunu nqasnieh.

Propju għaliex għadna ma fhimniex biżżejjed li l-ġustizzja ta’ Alla hija l-ħniena, aħna tqal biex nuru ħniena ma’ xulxin. Ilkoll konxji kemm wieħed mill-flaġelli soċjali li għandna huwa l-ġlied fil-familji, in-nuqqas ta’ ftehim ta’ bejnietna, il-kunflitti; u jaħasra ninsabu daqshekk qrib biex inħollu dawn l-għoqod billi noffru gratwitament il-maħfra, u nibqgħu nagħmlu reżistenza. L-unika raġuni għaliex għandna nieħdu l-inizjattiva u noffru l-maħfra hija l-imħabba; kif jikteb San Pawl, “l-imħabba ma żżommx f’qalbha għad-deni… kollox tagħder” (1 Kor 13:5-7).

Il-prinċipju tal-gratwità mhux riservat għar-relazzjonijiet privati bejn l-individwi, imma għandu wkoll relevanza soċjali, partikularment fil-qasam tal-ekonomija. Fil-fatt is-suq li jimxi biss bir-regola li oġġett jiswa daqs l-oġġett mibdul u fejn kollox huwa ddettat mil-liġi tal-qligħ, mhux suq għal kulħadd; huwa suq fejn min għandu, jitkattarlu u min ma għandux, jitnaqqarlu. Is-suq qatt ma għandu jsir post fejn il-qawwija jrażżnu lid-dgħajfin. Għalhekk ekonomija li tħaddem il-loġika tad-don jew il-prinċipju tal-gratwità hija ekonomija fejn min għandu, jiddisponi biċċa mill-mezzi tiegħu biex hekk jagħti possibbiltà lil min ma għandux dawn il-mezzi biex jibda tiela’ s-sellum soċjali. Ma għandhiex tkun il-liġi li tobbliga dan il-qsim, imma għax hekk titlob il-karità, li tissarraf f’ġesti ta’ solidarjetà u sussidjarjetà. Il-ġustizzja biss tista’ tkun arma li teqred. Fil-fatt il-ġustizzja waħidha qatt ma hija biżżejjed. Biex tassew ikun hemm ġustizzja soċjali huwa meħtieġ dak is-sehem li l-gratwità u s-solidarjetà biss jistgħu joffru. Mingħajr il-gratwità ma hemmx ġustizzja. Għalhekk il-prinċipju tal-ġustizzja jrid jitħaddem mal-prinċipju tal-gratwità, fejn min għandu l-kapital jagħti l-possibbiltà lil min ma jistax. Illum din hija talba li qed jagħmel il-bniedem, imma hija wkoll talba li ssir mil-loġika ekonomika. Billi ħadd ma huwa skart tas-soċjetà, ħadd ma għandu jiġi mċaħħad minn dak li huwa essenzjali għall-ħajja. Fost dawn hemm l-immigranti. Mhux l-immigranti huma tal-waħx, imma għandhom iwaħħxuna ċerti diskorsi kontra tagħhom li kultant nisimgħu fostna – diskorsi li huma ’l bogħod mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-gratwità.

Kif kienet il-qalb kbira ta’ Ġesù u Marija li b’mod gratuwitu offriet li ssalva l-festa ta’ Kana, aħna wkoll fid-diversi oqsma tal-ħajja nistgħu nħallu dan il-prinċipju tal-gratwità jsuqna biex imbagħad nagħmlu festa kbira flimkien.