Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin


Sintesi tal-Omelija fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IN-NIXFA TISTA’ TINTREBAĦ

In-nixfa hija kerha ħafna. Jekk jonqos il-ġmiel madwarna meta l-art tinxef, kemm aktar toktor il-kruha meta l-bniedem jinxef minn ġewwa!

Kulma jmur, il-qalb tal-bniedem qiegħda tinxef. Qalb xierfa u magħkusa ma tafx tħobb. Huwa fatt li llum huma diversi dawk ir-relazzjonijiet umani li qed isofru qatigħ minħabba din in-nixfa.

Qiegħed jinxef il-moħħ tagħna, fis-sens li għandna min qed jiftaqar fil-ħsieb. Hemm min qed jitgħażżen jaħseb u għalhekk jippreferi jagħmel bħax-xadini u jikkopja lil ħaddieħor. Agħar minn hekk, il-menti nixfu minħabba dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “id-dittatura tal-ħsieb uniku”, fis-sens li fis-soċjetà hemm ħsieb qawwi u dominanti li ma jippermettix li xi ħadd ieħor jaħseb b’mod differenti. Imbagħad hemm min jaġixxi mingħajr ħsieb.

Nixfu wkoll għajnejna, tant li bħal donnu ma għadniex nafu nibku quddiem il-bniedem li qiegħed ibati. Tant drajna naraw sfreġji fuq il-persuni u l-familji frott tal-inġustizzji u t-tkasbir tad-dinjità umana, li llum diffiċli taqbżilna demgħa minn għajnejna.

Ilsienna nixef daqs ċaqqufa, u meta l-ilsien jinxef, ma nkunux nistgħu niftħu fommna. Ħafna waqgħu fil-muta u diffiċli jlissnu kelma li tagħmel kuraġġ, li ssabbar, li tferraħ jew, jekk ikun hemm bżonn, li tagħmel korrezzjoni. Ikolli ngħid li anki fil-Knisja qegħdin inbatu minn ilsien niexef tant li naqset il-profezija. Illum il-profeti għebu minn fostna.

Nixef ukoll il-ġuf, tant li quddiemna għandna l-fenomenu ta’ rata baxxa ħafna tat-twelid. Kif qal il-Papa Franġisku dan l-aħħar, donnu l-Ewropa aktar saret tħobb il-klieb u l-qtates milli t-trabi!

L-effett ta’ dan l-inxuf jidher fil-ħajja relazzjonali tagħna, fl-ekonomija, kif ukoll fil-politika. Snin ilu l-ħassieb tagħna l-Prof. Oliver Friggieri kiteb ktieb li jġib l-isem Fil-parlament ma jikbrux fjuri; il-fjuri ma jikbrux fejn hemm in-nixfa!

Quddiem dan kollu jien irrid nagħmel il-qalb lill-Knisja lokali u nfakkarha f’dak li qal Ġesù: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob… min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma li jagħti l-ħajja” (Ġw 7:37-38). Għalhekk il-Knisja hija xmara ta’ ilma ħaj u jekk tagħraf tiftaħ il-kanali, jirnexxielha twassal dan l-ilma u hekk tegħleb din in-nixfa fid-diversi forom tagħha. Ġesù bagħat l-Ispirtu s-Santu fuqna biex il-komunitajiet ekkleżjali jsiru għejun ta’ ilma jiżfen li jibdel id-deżert f’art għammiela. Ma nistgħux nibqgħu lura milli nwasslu dan l-ilma tal-ħajja.

Dan ma nagħmluhx bil-ħila tagħna, imma bil-qawwa ta’ Kristu. Għalhekk għandna bżonn ta’ aktar kuraġġ biex nitkellmu mal-proxxmu dwar Ġesù. Xi drabi ħafna jiġrilhom bħas-Samaritana: itellgħu kemm itellgħu ilma mill-bir, jerġa’ jaqbadhom l-għatx. Għalhekk Ġesù qalilha li “min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, qatt iżjed ma jaqbdu l-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:15). Forsi aħna bħala Knisja ma nemmnux biżżejjed li l-Mulej fawwar fuqna b’mod abbundanti minn dan l-ilma!

Nixtieq nindika tliet ambjenti fejn nara l-urġenza li għandna nwasslu lil Ġesù biex in-nixfa ma teqridhomx:

(a) Aħna soċjetà li għadna ngħożżu ħafna l-familja. Inħoss il-bżonn li naħdmu aktar mal-familji li ħafna minnhom qed jonqoshom l-ilma! Jekk noffrulhom aktar akkumpanjament uman u spiritwali, ħafna sfidi fiż-żwiġijiet u l-familji jintrebħu. Fuq kollox, ngħassu sewwa biex il-familja tibqa’ s-santwarju fejn hija ċċelebrata l-ħajja umana.

(b) Nuru attenzjoni biex l-ambjenti edukattivi tagħna jkunu tassew dawk li jsawru lil uliedna b’mod sħiħ. Hija l-missjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi li flimkien mal-formazzjoni akkademika, joffru wkoll il-formazzjoni tal-karattru. Din tal-aħħar issir jekk nittrasmettu valuri tajbin lill-istudenti. It-tagħlim tar-reliġjon huwa għodda valida ħafna biex ngħaddulhom dawn il-valuri umani u Kristjani. Dan is-suġġett ma għandux jiġix ttraskurat għax nixxennqu minn proposti ġodda.

(c) Ma nistgħux ma ninteressawx ruħna f’dak li qed jiġri fid-dinja tax-xogħol. Importanti li l-ħaddiem jibqa’ l-kejl aħħari ta’ kull għażla li ssir fil-politika tax-xogħol. Il-kriżi fil-qasam tax-xogħol mhix biss kriżi teknoloġika jew ekonomika, imma hija wkoll kriżi ta’ etika. Aħna nistgħu nkunu aktar solidali sew ma’ min qed jaħdem, sew ma’ dawk li għandhom xogħol prekarju jew l-impieg tagħhom f’riskju. Fuq kollox it-tħassib ta’ min hu qiegħed, għax bla xogħol, għandu jkun it-tħassib tagħna.

Esperta fl-umanità u bil-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù f’idejha, il-komunità Nisranija, li hija xmara ta’ ilma li jagħti l-ħajja, għandha tfittex tiftaħ il-kanali li minnhom jitwassal l-ilma li jeqred in-nixfa f’dawn l-ambjenti.