Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija

Print Friendly, PDF & Email

Sintesi tal-Omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INKOMPLU NAĦDMU BIEX TIKBER IL-LIBERTÀ

Fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna hemm ġrajja importanti marbuta mal-festa ta’ Santa Marija. Qed nirriferi għall-Konvoj ta’ Santa Marija li bis-saħħa tiegħu aħna mhux biss ħlisna mill-ħakma tan-Nażiżmu, imma pajjiżna beda triq twila minsuġa b’kisbiet kbar f’dawk li huma libertajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali.

L-erba’ anniversarji kbar li l-Istat Malti qed ifakkar din is-sena – il-50 anniversarju tal-Indipendenza, l-40 sena tar-Repubblika, il-35 sena tal-Ħelsien u l-10 snin mit-tisħib fl-Unjoni Ewropea – huma kollha ġrajjiet li permezz tagħhom pajjiżna kattar il-libertajiet tiegħu. Filwaqt li nappella biex fostna l-Maltin u l-Għawdin jikber is-sens ta’ Stat u nħossuna kburin b’dawn il-kisbiet, insellem bi gratitudni lil dawk kollha ta’ qabilna li ħadmu biex ġensna għamel dawn il-passi kbar.

Fil-kuxjenza tal-umanità tal-lum, il-libertà hija meqjusa bħala l-ogħla ġid li kull ġid ieħor huwa subordinat għalih. Imma nistgħu ngħidu li aħna sodisfatti bil-livell ta’ libertà li għandna f’pajjiżna? Jew ninsabu f’epoka storika fejn, għalkemm kulħadd jitkellem fuq il-libertà, qed inħabbtu wiċċna ma’ proċess fejn aħna stess nissagrifikaw il-libertà għall-interessi anqas nobbli, jew fejn l-istess libertà qed tinġibdilna bħal tapit minn taħt riġlejna? Nagħti ftit eżempji fejn inħoss li l-libertà hija kompromessa.

1) Minħabba l-pressjoni li qed toħloq l-ekonomija, għanda diversi li qed ikollhom jissellfu mill-banek u mill-idejn, u minħabba dawn id-djun, ma humiex liberi li jagħmlu ċerti għażliet f’ħajjithom. F’ħafna każi din hija mażra li torbtilhom riġlejhom għal snin twal.

Bl-iskuża tal-istess ingranaġġi ekonomiċi, illum aħna ttentati li nnaqqru d-drittijiet tal-ħaddiema! Xi drabi minħabba motivi egoistiċi ta’ min iħaddem, ħaddiema jitilfu l-impjieg u oħrajn ikollhom jikkuntentaw b’xogħol prekarju. Uħud mill-istabbilimenti jabbużaw mill-part-timers biex japprofittaw finanzjarjament. F’dawn il-każijiet, nistaqsi x’sar minnha l-libertà!

2) Hemm persuni li l-libertà tagħhom tittiefes minħabba l-pressjoni sottili tal-politika partiġġjana. Fil-fatt, hemm dawk li minħabba l-alleanza politika tagħhom (ħaġa tajba fiha nfisha), biex jintgħoġbu, ma jgħidux dak li jħossu li għandhom jgħidu. Oħrajn, biex ikunu jistgħu jiksbu vantaġġi mill-politiċi, jedhew jagħmlu l-inkini profondi biex ma jaqgħux mill-grazzja ta’ min hu fil-poter.

3) Hemm il-pressjoni tal-medja – magna propagandista influwenti f’idejn min għandu l-poter finanzjarju jew politiku.

4) Filwaqt li xi movimenti liberali għenu biex jinkisbu ċerti libertajiet, oħrajn servew biex il-persuna tiġi ridotta għall-individwu depersonalizzat.

5) Anki fil-Knisja xi darbi teżisti ċerta asfissja li tnaqqas il-libertà tal-Insara. Fil-fatt, inħoss li ħafna huma ossessjonati bit-tradizzjoni, bħal donnhom jibżgħu jerħu r-ritwali tal-imgħoddi u flok jaħsbu b’viżjoni, jippreferu jaħsbu b’lura. Dan kollu huwa xkiel għal-libertà tal-Ispirtu li għandu qawwa li jwelled il-ġdid. Knisja li mhix ħielsa li tinfatam mill-passat, hija Knisja li titlef il-kapaċità ġenerattiva tagħha.

Billi xejn fid-dinja ma jimla għal kollox il-qalb umana, l-ipotesi raġonevoli li tista’ tgħinna nkunu liberi hija r-relazzjoni mal-misteru. L-unika possibbiltà ta’ libertà vera hija l-għarfien tal-Infinit. Għalhekk, quddiem dan kollu, l-Assunta, li hija l-mara assolutament libera – għax bit-Tlugħ tagħha fis-Sema hija daħlet f’relazzjoni mal-Infinit (Alla), – tistimulana biex inkomplu naħdmu biex inkunu tassew ħielsa.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading