Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fl-omelija tiegħu fil-Velja tal-Assunta


Il-Velja ta’ l-Assunta f’Għawdex b’talb għall-paċi fl-Iraq u l-Art Imqaddsa

Fiz-zuntier ta’ quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, fil-preżenza ta’ għadd ta’ pellegrini miż-żewġ djoċesijiet, il-bieraħ (il-Ħamis 14 ta’ Awwissu 2014) inżammet għal sena oħra l-Velja Djoċesana ta’ l-Għid ta’ l-Assunta bi tħejjija għas-solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.

Is-sahra ta’ talb u kant, li bdiet fit-8.00pm, din is-sena kellha t-tema ta’ solidarjetà ma’ l-aħwa Nsara ppersegwitati fl-Iraq u fl-Art Imqaddsa. Dan deher ukoll fit-talb u l-kant mil-Liturġija Orjentali li ntuża fl-ewwel parti tal-Velja, immexxija minn Dun Samuel Grech, saċerdot żagħżugħ Għawdxi li qed jistudja l-Marjoloġija f’Ruma.

Fit-tieni parti tal-Velja, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa Konċelebrazzjoni Solenni, fejn fost l-oħrajn ikkonċelebra saċerdot mill-Ukranja, pajjiż li wkoll għaddej minn ħafna vjolenza. Fil-bidu tal-Quddiesa hu appella lill-Insara kollha lokali biex, kif talab minna l-Papa Franġisku, jissieħbu fit-talb ħerqan lil Marija għall-paċi fid-dinja, speċjalment fir-reġjuni fejn ħutna l-Insara qed jiġu ppersegwitati.

Il-Velja kienet imxandra fuq Radju Marija u ntemmet għall-ħabta ta’ l-10.00pm.

* * *

Din hi, fil-qosor, ir-riflessjoni li għamel Mons. Isqof Grech fl-omelija tiegħu:

Kienet tkun ħasra jekk f’ħajjitna jibqa’ biss il-lejl. Imma mat-tbexbix ta’ jum ġdid, id-dawl ikeċċi d-dlam, u dan hu l-Għid ta’ l-Assunta!

Meta naraw id-dlam joktor fil-ħajja tagħna, naħbtu naqtgħu qalbna. Imma aħna nafu li l-lejl u d-dlam m’għandhomx l-aħħar kelma. Għada mas-sebħ niċċelebraw l-Għid ta’ l-Assunta, li hu mera tal-Qawmien ta’ Kristu nnifsu. Il-lejla se mmorru minn hawn lura fi djarna b’qalbna soda u mimlija kuraġġ u tama, għax Marija hi għalina aħbar tajba li d-dlam jintrebaħ bid-Dawl.

Fl-ikona ta’ l-Assunta għandna kuntrast bejn il-mewt u l-ħajja. Max-xbieha tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija dejjem tidher ukoll il-figura tal-qabar. Hekk fil-ħajja tagħna, l-Assunta qed tgħidilna li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt li d-dalma tagħha hi kontinwament preżenti.

Bħalissa kważi fuq fomm kulħadd għadha tidwi l-aħbar tal-mewt ta’ l-attur popolari Robin Williams. Smajna li kellu kollox fil-ħajja, u għalhekk toħroġ waħidha l-mistoqsija: “Għaliex kellu jirrikorri għad-droga?”. Din hi l-kultura tal-mewt. Għandna kollox fil-ħajja, imma mbagħad il-ġewwieni tagħna hu niexef. Minkejja l-ġid kollu li għandna, hemm mistoqsija fil-qalb tagħna li m’hix imwieġba. Kif għidt fl-Ittra Pastorali tal-Ħadd li għadda, kulħadd fil-ħajja qed ifittex il-kuntentizza, imma mhux kulħadd qed ifittxha bl-aħjar mod.

L-Assunta l-lum ukoll qed tgħaddilna din il-bxara t-tajba. Nistaqsu: Għaliex hawn ċertu nxuf fil-kreattività intellettwali u artistika? Għaliex id-droga qed issib suq akbar fi żmienna? Għaliex qed inċedu għall-aggressività? It-tweġiba nsibha f’mistoqsija oħra: Jistax ikun li l-bniedem qed jingidem għax hu diġà migdum? Qed iqatta’ għax hu diġà mqatta’ fil-ġewwieni tiegħu? Jistax ikun li kliemna hu vojt għax minn ġewwa għandna vojt kbir?

Imma l-lejla aħna bqajna mqajma għax irridu nistennew il-jum ġdid ta’ għada fejn il-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. Marija tat dan il-bidu ġdid, mhux biss għax kienet Omm Kristu li ġedded kollox, mhux biss għax il-ġuf tagħha wiled lil Kristu, imma għax hi stess kienet dik li wettqet ir-rieda ta’ Alla.

Jekk irridu nirbħu fuq il-mewt, jeħtieġ nimxu fuq il-mudell ta’ l-Assunta. U kif mill-ġdid tgħid l-Ittra Pastorali, is-sagrifiċċju hu t-triq li twassal għall-kuntentizza. Hekk Marija mxiet ma’ Binha t-triq tal-Passjoni sas-Salib. Ejjew ma naqtgħux qalbna li bħal Marija nagħmlu l-proġett ta’ Alla. Hi wettqet dan bl-aktar mod ordinarju, biex aħna nistgħu verament nimitawha. Għamlet biss dak li talbet l-umanità tagħha – ħabbet lil Binha bi mħabba ħielsa u mhux possessiva, u għenitu jgħix il-vokazzjoni tiegħu sa l-aħħar, billi sieħbet lil Binha sofferenti. Imma dan setgħet tagħmlu għax kellha ħajja interjuri ta’ fidi u l-menti tagħha kienu merfugħa l-ħin kollu lejn Alla.

Ejjew inkunu profeti tat-tama, mhux bi kliem vojt imma billi nserrħu iżjed fuq Kristu u nagħmlu r-rieda tal-Missier. Kif għamlet Marija, nagħmlu l-ordinarju fil-ħajja umana tagħna, bi mħabba u rispett lejn il-vokazzjoni ta’ l-oħrajn, u billi nakkumpanjaw lill-bniedem tal-lum fis-sofferenza tiegħu.

U la tkellimna dwar is-sofferenza, intenni l-appell li għamilt fil-bidu tal-Quddiesa biex inkunu solidari ma’ ħutna l-Insara fl-Iraq, li qed jisfaw vittmi tal-mibegħda u tal-vjolenza. Quddiem din ir-realtà ma nistgħux nibqgħu indifferenti, u anki jekk mill-bogħod, għandna nakkumpanjawhom bit-talb u l-għajnuna materjali tagħna. Għalhekk inġedded l-appell tagħna l-Isqfijiet għall-ġenerożità tagħkom, u ħadt gost nisma’ lill-Kappillani jgħidu li diġà kien hemm rispons pożittiv għal din is-sejħa. Ta’ dan nirringrazzjakom.