Intervent tal-Isqof Mario Grech waqt Dibattitu Nazzjonali dwar ir-Riforma fis-Servizz tas-Saħħa

Print Friendly, PDF & Email

SERVIZZ TAS-SAĦĦA RESPONSABBLI:
OBBLIGU MORALI LEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET TAL-FUTUR

Intervent waqt Dibattitu Nazzjonali dwar ir-Riforma fis-Servizz tas-Saħħa
organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ

Kamra tal-Kummerċ, il-Belt Valletta
Il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar 2014

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Meta qegħdin nitkellmu dwar is-servizz tas-saħħa fis-soċjetà tagħna, fil-fehma tiegħi, qegħdin nittrattaw dwar id-deheb nazzjonali.

L-ewwel nett għaliex iċ-ċittadini morda għandhom ikunu l-għożża tan-Nazzjon. Il-kobor tal-pajjiż ma jitkejjilx minn dak li hemm maħżun fit-teżor, jew minn kemm tkun sejra tajjeb l-ekonomija, imma nazzjon ikun kbir daqskemm jagħraf irawwam u jħares ċiviltà umana fejn id-dinjità ta’ kull persuna hija miżmuma ’l fuq. Huwa fatt magħruf li soċjetà hija umana daqskemm jirnexxilha tagħti attenzjoni liż-żgħir, lill-fqir u lill-emarġinat. Fost dawn hemm il-morda li huma l-ifqar fost il-fqar.

Barra minn hekk, il-persuna marida ħafna drabi hija risorsa għal dawk li jkunu madwarha, għaliex jekk il-mard jgħakkes lill-bniedem fiżikament, jimmaturah spiritwalment fis-sens li l-bniedem marid jaf imur għal dak li huwa essenzjali u neċessarju. Huwa minnu li xi drabi l-mard ma jħallikx tirraġuna; imma huwa minnu wkoll li s-sodda tal-mard hija skola ta’ għerf.

Imma l-argument dwar is-servizzi tas-saħħa jqarribna letteralment lejn id-deheb, għaliex meta nħallu l-liġi tas-suq tiddetta l-kwalità u l-metodu tal-kura, minn servizz eminentament uman, isir negozju. Filwaqt li s-soċjetà għandha tħossha midjuna lejn dawk l-operaturi sanitari li huma replika tas-Sammaritan it-tajjeb għax taw ħajjithom biex jikkuraw lill-morda, huwa fatt magħruf li xi wħud, meta messew mal-qasam tas-saħħa (kliniċi, professjoni medika, industrija farmaċewtika, riċerkaturi etċ), sabu “bir tad-deheb”. Fejn qabel it-tabib kien jaqdi lil marid biex jerġa’ jieħu s-saħħa, illum hemm każi fejn il-marid qiegħed hemm biex it-tabib isir aktar b’saħħtu ekonomikament. Ftit ġimgħat ilu, waqt li kien qed jagħmel l-orazzjoni akkademika fl-okkażjoni ta’ waħda miċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni, il-Professur Nikolai J. Attard osserva li: “medical and pharmaceutical disciplines (are) today a multi-million euro business. While acknowledging the role of industry in promoting research, one must also caution against relentless drive in improving its economic profile on the stock market …. Many times we observe initiatives that are defintely not focused on the patient’s well being …. Many dentists subscribe to this idea and view osseointegration as a fast and guaranteed way of lining their pockets”.

Imbagħad Prof. Attard ikompli jistaqsi: “Aren’t we all aware of the pricing of medications, or of interventions that are exorbitantly priced, or of recent events where companies sugar-coated their research with profound implications on the well-being of patients?”

Għalkemm ħafna stati, inklużi dawk Ewropej, fasslu u applikaw diversi mudelli ta’ kif il-poter pubbliku jista’ jassigura li jkun hemm ekwità fis-servizzi sanitari għaċ-ċittadini kollha, huwa fatt magħruf li llum hemm min jgħid, anke f’pajjiżna, li din is-sistema mhix aktar sostenibbli. Bħala ragħaj spiritwali mhix kompetenza tiegħi li noffri soluzzjonijiet tekniċi għal din l-isfida; imma f’dan l-istadju nħossni fid-dmir li hawnhekk jien inkun il-vuċi tal-foqra ta’ żminijietna u nappella li min hu responsabbli li jindirizza dan is-settur hekk vitali, biex fir-riformi dwar is-servizzi sanitari ma jiħux miżuri li jistgħu jgħaffġu lil min hu diġà mgħaffeġ.

Nassigurakom li l-għażla tiegħi favur il-foqra mhix frott ta’ xi għażla politika jew ideoloġika, imma għaliex kif jgħid il-Papa Franġisku l-foqra huma, “l-laħam ta’ Kristu”, u kif jgħid it-teologu Leonardo Boff, “il-foqra huma l-vera rappreżentanti ta’ Kristu.” Barra minn hekk, tidwi f’qalbi l-kelma ta’ Klement ta’ Alessandrija (150-125) li jikteb illi jekk min għandu l-ġid jibqa’ jċaħħad l-għajnuna lil min m’għandux, dan huwa omiċida; fih hemm iż-żerriegħa ta’ Kajjin li qatel lil ħuh; m’għandux fih il-qalb ta’ Alla. Fi kliem il-Papa Franġisku llum il-Knisja (u s-soċjetà) għandha tagħti kas tal-“periferija eżistenzjali” u twassal solidarjetà partikulari lil dawk li huma vulnerabbli, fosthom il-morda.

Ma nistgħux ma nagħtux kas ta’ dak li diġà huwa miktub fuq il-ħajt: li l-faqar ser jiżdied. Brano Milanovic, ekonomista tal-Bank Mondjali u wieħed mill-esperti l-kbar dwar id-diżugwaljanza globali, fi ktieb ricenti Chi ha e chi non ha, jgħid li f’dawn l-aħħar 35 sena fid-dinja tal-Punent id-diżugwaljanza kibret daqskemm kibret fl-aħħar 300 sena. Dan ifisser li l-foqra tal-lum huma ifqar mill-foqra tal-bieraħ u li s-sinjuri tal-lum huma aktar sinjuri minn dawk tal-biraħtlula. Agħar minn hekk, jirriżulta li l-faqar u d-diżugwaljanza llum saru endemiċi għax qed tiġġenerahom is-sistema nfisha. Filwaqt li fl-imgħoddi x’aktarx li min twieled fqir baqa’ fqir, illum għandna min ma kienx fil-faxxa tal-faqar u minħabba li jinħakem fl-ingranaġġi tas-sistema, sab ruħu fqir. Fil-kuntest tal-lum dan jista’ jagħtina dawl importanti biex ir-riforma li għandha ssir biex is-sistema sanitarja tkun sostenibbli tkun maħsuba b’għaqal kbir biex nevitaw li l-morsa tkompli tagħfas fuq il-fqir u għalhekk tkun self defeating għax il-fqir isir aktar fqir u konsegwenza ta’ dan, il-mard joktor għax il-marid ikollu jagħżel li jirrinunzja li jagħmel użu mis-servizzi tas-saħħa. Ikun għajb għas-soċjetà li biex tirrazzjona s-servizzi tas-saħħa bit-tir li tonqos in-nefqa pubblika, tintroduċi miżuri li jistgħu jkunu ta’ pretest biex jistagħnew aktar dawk li jgawdu minn qligħ eċċesiv fil-qasam tas-saħħa.

Infatti huwa ppruvat statistikament li f’ċertu mard hemm relazzjoni pożittiva bejn il-livell tal-morbilità/imwiet u l-livell soċjo-ekonomiku baxx: jirriżulta li l-foqra mhux biss huma esposti għal aktar riskji għal saħħithom, imma jsofru wkoll minn riskji professjonali għaliex minħabba li ma jkollhomx mezzi jkollhom jirrinunzjaw għall-kura medika. Tkun miżura inġusta u diżumana jekk is-sistema tagħmilha impossibbli jew kważi impossibbli li l-fqir jkollu aċċess ħieles għal dak li huwa dritt fundamentali tiegħu.

Illum għandna dak li jissejjaħ “faqar sanitarju”. Biex niftiehem nagħti żewġ eżempji.

– Tmur persuna tixtri l-mediċina minn spiżerija u meta l-ispiżjar jgħidilha kemm tiswa l-mediċina, din il-persuna tistaqsi jekk kienx hemm xi ħaġa irħas! U baqgħet ma xtrathiex.
– Xebba mhix miżżewġa tmur tagħmel eżami tat-tqala u xħin ġiet biex tħallas il-professjonista qaltilha li normalment tieħu 70 euro, imma ladarba din l-omm qed tistenna tewmin, allura tħallas id-doppju. Din il-mara qaltli li taħsibha jekk darb’oħra terġax tmur.

Dan ifisser li għandna numru ta’ ċittadini li minħabba raġunijiet ekonomiċi mhumiex fi stat li jkollhom kura kif suppost. Diġà qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna kategorija, irrispettivament jekk humiex ħafna jew ftit, li lesti li jsallbu lilhom u lill-familja tagħhom biex jiġġieldu l-mard; jew qed jgħakksu lilhom infushom u jfittxu kura rħisa anke jekk dan ifisser livell ta’ kura inferjuri; u hemm oħrajn li qed jirrinunzjaw li jfittxu fejqan. U kif jgħidu l-ekonomisti, din il-faxxa ser tikber.

Dan il-faqar sanitarju jinterpellana serjament, għax kif jgħid il-ħassieb Taljan, Salvatore Natoli: “min qiegħed ibati, ma għandux ħin joqgħod jistenna għar-riformi.” Billi fiċ-ċirkustanzi preżenti, ebda stat ma jista’ jkompli jaffronta waħdu din l-isfida, inħoss li neħtieġu aktar stimuli biex ngħinu ħalli fostna tikber il-kuxjenza li l-isfida tas-saħħa hija tema komunitarja u biex tiġi indirizzata bil-għaqal huwa meħtieġ is-sehem kemm tas-settur pubbliku kif ukoll ta’ dak privat.

Biex il-pern ta’ kull riforma fil-qasam tas-saħħa tibqa’ l-persuna umana, is-suġġeriment tiegħi huwa li flimkien mal-prinċipju tan-negozjabilità li huwa l-bażi tal-Welfare State (wieħed iħallas it-taxxa biex imbagħad l-Istat jipprovdilu s-servizzi tas-saħħa), jitħaddem ukoll il-prinċipju tal-vulnerabilità. Filwaqt li l-prinċipju tan-negozjabilità huwa msejjes fuq il-ġustizzja komutattiva, il-prinċipju tal-vulnerabilità jserraħ fuq l-imħabba (caritas). Fi kliem il-Papa Benedettu XVI, jekk il-ġustizzja hija “il-kejl minimu tal-karità, il-karità tisboq il-ġustizzja u tagħmilha sħiħa permezz tal-loġika tal-għotja u tal-maħfra.” Din il-loġika tal-għotja jew don tfisser li kull wieħed minna jagħraf li huwa f’relazzjoni ma’ dawk ta’ madwaru u li l-oħrajn huma don għalih biex ma jaqax fil-baħħ tas-solitudni u meta jgħajjat, jifraħ jew jgħid “ajma” hemm xi ħadd li jwieġbu. Hekk ukoll hu huwa don għall-oħrajn biex meta xi ħadd idoqq jiżfinlu u meta xi ħadd vulnerabli jgħajjat għall-għajnuna, ikun hemm preżenti biex jgħinu.

Meta s-soċjetà tħaddan dan il-prinċipju tal-vulnerabilità bħala kriterju operattiv, min huwa dgħajjef, m’għandux il-mezzi finanzjarji biex jikkontribwixxi, xorta jkollu s-serħan tal-moħħ li f’suġġett daqshekk vitali bħalma hija s-saħħa, xħin tinqala’ l-ħtieġa huwa ser isib min hu solidali miegħu.

Nifhem li dan li qed naqsam magħkom jitlob riforma oħra qabel ir-riforma fis-servizzi tas-saħħa: jitlob riforma tal-ethos kollettiv tas-soċjetà tagħna. Huwa minnu li soċjetà li hija msaħħra bis-seħer li jaħtaf tas-suq, tirriskja li ma tiftehemx meta titkellem dwar il-gratuwità, il-loġika tad-don u l-ħniena. Mhux lakemm il-bniedem imdorri jaħseb u jiddeċidi b’ċerta loġika, jaċċetta li jkun jaqbel li kriterju tal-gratuwità jieħu post il-kriterju tal-ġustizzja komutattiva. Imma m’għandniex naqtgħu qalbna milli naħdmu aktar biex titkattar iċ-ċiviltà umana li tistgħana dan in-Nazzjon.

Bħala indikazzjoni dwar kif jitħaddem il-kriterju tal-gratuwità fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa, nirreferi għat-tliet regoli msemmija minn Bernard ta’ Clairvaux f’dokument antik ħafna bl-isem Carta Caritatis (1137):

1. L-għajnuna lill-fqir għandha tkun personalizzata. Ir-rapport uman mal-pazjent huwa dimensjoni importanti fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa.

2. L-għajnuna tingħata b’mod proporzjonali, fis-sens li l-fqir jingħata dak li huwa neċessarju, la ħafna imma lanqas ftit wisq – regola diġà ssuġġerita minn Aristotele fl-Etica Nicomachea.

3. Huwa meħtieġ li l-fqir li jirċievi l-għajnuna, jintalab rendikont ta’ x’użu jkun għamel minn dik l-għajnuna. Jikteb Bernard: “Jekk inti tinsab fil-bżonn u jiena ngħinek skont kemm teħtieġ imma inti tapplika ħażin dik l-għajnuna li nkun tajtek u taħliha, jien inkun responsabbli miegħek ta’ dak l-għemil ħażin għax inkun wiżintek fil-vizzju tiegħek”.

Dwar dan l-aħħar punt ma nistax ma nirreferix għall-prassi wiesgħa li hemm fl-użu mhux meqjus u abbużiv tas-servizzi tas-saħħa kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Intenni dak li kont għidt fl-Ittra Pastorali li ktibt f’Awwissu li għadda: “Huwa nuqqas morali gravi li wieħed jieħu l-mediċina b’xejn mis-servizzi tas-saħħa, biex imbagħad ma jużahiex jew jgħaddiha lil ħaddieħor. Jonqos ukoll min mingħajr ħtieġa jinqeda bis-servizzi tas-saħħa li joffru l-isptarijiet u l-kliniċi. Meta jiġri dan inkunu qegħdin inċaħħdu mis-servizzi lil min verament jeħtieġhom”. F’dan il-kuntest, nara li jagħmel ħafna sens jekk wieħed japplika it-tielet regola li jsemmi Bernard ta’ Clairvaux.

Bil-għan li tgħin ħalli ma jkunx hemm ħela ta’ mediċini u biex fl-istess waqt tindirizza l-faqar sanitarju li semmejt aktar ’il fuq, il-Knisja fl-Italja permezz tal-Caritas waqfet Fondazione Banco Farmaceutico. Bil-kollaborazzjoni ta’ għadd ta’ spiżeriji, darba fis-sena jkun hemm sejħa biex in-nies joffru dik il-mediċina żejda li jkollhom; imbagħad persuni professjonalment kompetenti jieħdu ħsieb jikklassifikawhom biex jingħataw lil min hu fil-bżonn. Saħansitra kumpaniji farmaċewtiċi ħadu sehem f’din il-kampanja li barra li għandha għan karitattiv, hija inizjattiva b’dimensjoni ambjentali.

Konklużjoni
Fid-dawl ta’ dan kollu, naħseb li jekk ir-riflessjoni dwar il-futur tas-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna tieqaf biss dwar jekk għandniex nibqgħu ngawdu minn servizz tas-saħħa b’xejn, ma nkunux naraw ’il bogħod! Il-premessa li f’dan il-qasam hemm l-Istat jaħseb hu, taf tkompli tirrendi lil kotra ta’ ġensna rresponsabbli u nkonxja quddiem l-isfidi tas-saħħa taċ-ċittadini singoli. Minflok, jeħtieġ li toktor fostna l-kultura li l-komunità kollha hija korresponsabbli mill-marid u għalhekk bit-tħaddim minn kulħadd tal-prinċipju tal-gratuwità, fl-ispirtu ta’ solidarjetà u mogħdrija, l-komunità tadotta dawk il-miżuri li jagħmlu s-servizzi tas-saħħa aċċessibbli għal kull ċittadin imma b’mod partikulari għal fqir.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading