Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għar-Rettur Dun Daniel Xerri


Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għar-Rettur Dun Daniel Xerri
Kappella tas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex
Is-Sibt 6 ta’ Diċembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

BŻONN TA’ ĊWIEMI ĠODDA

Jiena u nimmedita l-Vanġelu tal-lum (Mt 9:35; 10:1,6-8), jolqotni l-fatt illi l-Mulej Ġesù kellu l-kuraġġ li ma joqgħodx fl-iskemi reliġjużi li sab, imma wettaq “konverżjoni pastorali”. Ma għamilx bħas-saċerdoti l-oħra u qagħad fit-Tempju bħala addett għas-sagrifiċċju, jistenna n-nies imorru hemm. Għalkemm kellu l-ħin biex imur fis-Sinagogi, kien ukoll idur fit-toroq tal-ibliet u l-irħula jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Flok ma jibqa’ maqtugħ mill-bqija, għażel li jħabbat minkbu ma’ minkeb il-bniedem fl-esperjenzi u s-sofferenzi tiegħu.

Jien naħseb illi llum aħna bħala Knisja għandna bżonn nieqfu nirriflettu ftit dwar ir-relazzjoni tagħna mad-dinja ta’ madwarna. Hemm ir-riskju illi l-maltemp iżid u d-dgħajsa ta’ Pietru qed narawha taqta’ ċima wara l-oħra. Il-ħbula qed jiżżartu u jaqtgħu u dan forsi għaliex l-irbit li għandna mas-soċjetà therra matul iż-żmien. Għall-konvenjenza tagħna, bqajna nużaw ċwiemi qodma.

Naturalment, li naħdmu u ninsġu ħbula oħra biex id-dgħajsa tibqa’ marbuta mal-pantun, hija sfida mhix żgħira. Jien qed inħoss illi jekk ħa nibqgħu naħdmu bl-għodod tal-bieraħ u nibqgħu nagħmlu dak li s-soltu mdorrijin nagħmlu, allura ma narax futur għall-Knisja fis-soċjetà tagħna. Neħtieġu ħafna kuraġġ biex noħorġu mill-comfort zones li għandna. Fiċ-ċirkustanzi li fihom qegħdin ngħixu, huwa urġenti illi nieqfu nirriflettu u nagħmlu dawk l-għażliet azzardati bħalma għamel l-Imgħallem Ġesù u noħorġu ’l barra mill-iskemi, mill-prassi pastorali tas-soltu.

Dan is-sens ta’ avventura u parresia huwa nieqes fil-Knisja tagħna. Għandna bżonn ta’ paradigm shift fil-Knisja biex inkunu nistgħu niddjalogaw mad-dinja tal-lum. Dak ifisser li rridu noħorġu mill-Knisja ritwalista, minn Knisja li tippremiġġja r-reliġjożità flok l-esperjenza ta’ fidi. Irridu noħorġu minn Knisja li tehda fl-awla liturġika, biex ma ngħidx fis-sagristija, għal Knisja li ma tibżax tmur fit-tokk – mhux biex timponi fehmitha, imma biex tiddjaloga mal-bniedem tal-lum u hekk ma tkunx Knisja li taf biss il-Vanġelu, imma tkun taf ukoll lill-bniedem.

Hemm bżonn li ngħaddu minn Knisja li tippreżenta ruħha bħala aġenzija tal-morali jew tal-etika (kif xi wħud donnhom jistennew minnha), għal Knisja li temmen u titkellem dak li temmen – konvinta illi l-qalba, jew aħjar ir-raison d’être tal-eżistenza tagħha huwa Ġesù Kristu. Għax jien nista’ nipproponi sett ta’ regoli ta’ mġiba jew ideali għall-ħajja illi jistgħu jkunu distakkati minn Ġesù Kristu u għalhekk mill-istess essri tagħna.

Fil-messaġġ li bgħatt lill-Arċisqof Cremona meta għamlulu l-Quddiesa ta’ Ringrazzjament, ippruvajt naqra wkoll ir-realtà tal-lum. Fost l-oħrajn għedtlu li hu għen lilna nagħrfu ċ-ċentralità ta’ Kristu, u għen lis-soċjetà tissettja l-aspettattivi tagħha mill-Knisja. Dan għaliex aħna għandna din id-diffikultà li hemm ċerti gruppi fil-Knisja u barra mill-Knisja li qegħdin jistennew minna ħwejjeġ li mhux bilfors huma prijorità għalina.

Sinċerment nistaqsi jekk fis-soċjetà hemmx domanda biex aħna nagħtuhom lil Ġesù Kristu. Ma naħsibx. Dan jinkwetani. Kif nista’ mmur quddiem il-bniedem u nkellmu fuq il-valuri evanġeliċi, inkellmu fuq tip ta’ orjentament ta’ ħajja, jekk dan ma jħarisx lejja bl-għajnejn tal-fidi? Jekk ma jħarisx lejn il-Knisja bħala Poplu ta’ Alla jew komunità ta’ dixxipli tal-Mulej?

Pjuttost għad għandna min iqis il-Knisja bħala istituzzjoni, jekk mhux ukoll kontra-altar għall-istituzzjonijiet ċivili, jew forsi wkoll jistenna li l-Knisja tikkoabita ma’ xi partit politiku. Sfortunatament dawn huma l-aspettattivi ta’ diversi. Kemm irridu noqogħdu attenti li ma jdaħħluniex f’xi sqaq!

Dan ma jfissirx li ma għandux ikollna pożizzjoni fuq ċerti issues u li ma nipprietkawx il-valuri u l-prinċipji tagħna. Imma kif nista’ mmur nitkellem mal-bniedem fuq dawn it-temi, importanti kemm huma importanti, jekk dan ma jħarisx lejja fil-ministeru tiegħi, bħala isqof, saċerdot, bl-għajnejn tal-fidi!

Jista’ jiġrili bħal dak it-tabib li jrid jippreskrivi l-mediċina, imma l-pazjent ma jkollux fiduċja fih bħala tabib. Dan it-tip ta’ pazjent ikollu diffikultà dwar il-kredenzjali tiegħu bħala tabib – jirrifjuta r-riċetta! Huwa jagħlaq widnejh u jmur ifittex speċjalista ieħor.

Allura aħna kif ħa niffokaw biex inkunu nistgħu nippreżentaw lilna nfusna bħala komunità ta’ fidi? Irridu nagħmlu shift.

L-ewwel nett irridu nkunu nies tal-ispirtu. Hemm ir-riskju li nkunu funzjonarji, nibda minni. Nagħmluha ċara illi l-preokkupazzjoni ewlenija tagħna hija li nitkellmu dwar Ġesù Kristu. Għax jekk imbagħad innisslu fil-bniedem jew inqajmu fih il-gost ta’ Ġesù, jekk aħna nlaqqgħuh ma’ Ġesù, allura mbagħad nemmen li ħafna affarijiet jiċċaraw – mhux bil-ħila tiegħek jew tiegħi, imma bil-qawwa tal-Kelma, jekk nemmnu li hija Kelma li ssalva. Imbagħad nistgħu nibdew inpoġġu l-pjan terren, l-ewwel u t-tieni sular; imbagħad nibdew nitkellmu dwar ordni fil-ħajja. Jekk ma hemmx fundament, jekk m’hemmx il-ġebla tax-xewka li fuqha jserraħ il-bini, nassistu għal dak li qegħdin nassistu. Qegħdin naraw ħafna affarijiet niżlin. Il-bniedem qed jieħu inizjattivi li fl-apparenza jidhru li huma kisbiet għal aktar libertà, imma fil-fatt l-istess inizjattivi qed ibattlu lill-bniedem min dak li jagħmlu bniedem. Mhux qed ngħid li għandna naqtgħu qalbna; anzi nħoss li qed ngħixu f’mument sabiħ tal-istorja, fejn imiss lilna illi bil-kuraġġ inħabbru l-ferħ tal-Vanġelu. Imma biex dan iseħħ, irridu nagħmlu shift tal-mudell ta’ Knisja li għandna. Jekk ma nagħmlux dan il-pass ’il quddiem, nirriskjaw li l-binja morali tal-Knisja ssir kastell tal-karti, aħna s-saċerdoti nispiċċaw kjeriċi tal-istat u jkun kollu ta’ xejn li n-nies ifittxu fuq fommna l-freskezza u l-ferħ tal-Vanġelu.

Naf li dan mhux diskors ħafif, imma qed ngħidu f’dar ta’ formazzjoni; qed ngħidu magħkom il-presbiteri u magħkom bħala formators. Aħna rridu ngħinu lil dawn is-seminaristi jissawru f’din l-attitudni, f’dan l-approwċ – jekk nagħmlu l-kontra, inkunu qegħdin inżidu l-piżijiet fuq id-dgħajsa.

Dan ix-shift jikkonsisti f’li nsiru Knisja missjunarja, kemm f’Għawdex u kemm f’pajjiżna. Bħal Ġesù Kristu, il-Knisja trid toħroġ fit-toroq, anki tidħol fi sqaqien mudlama, Knisja illi għandha għal qalbha lil Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu sine glossa, u ma hemmx għalfejn ħafna elaborazzjonijiet intellettwali. Għaliex xi darba nippreżentaw it-teoloġija imma mingħajr ma nkunu tkellimna dwar Alla u dwar Ġesù Kristu.

Hawn irridu, biex nerġa’ nġib it-tixbiha li semmejt qabel, naraw kif ħa nibdlu l-ħbula li qed iżommu d-dgħajsa marbuta mal-art; irridu naħdmu kif ser jirnexxielna ninsġu prassi pastorali ġdida, anki jekk f’diskontinwità mill-bieraħ, biex inkunu nistgħu nidħlu fid-djalogu mas-soċjetà post-Kristjana li għandna fdata fil-kura pastorali tagħna.

Naf li mhux ser nagħmel diskors ħafif u komplet, imma filwaqt li jien stess inkompli naħseb fuqu, nitlobkom tagħmlu hekk anki intom. Irridu nkunu Knisja li tirrispondi, mhux biss għal din id-dinja, imma għal dak li jrid Alla minna fis-siegħa tal-istorja li qegħdin ngħixu; inkella nistagħnew bħala mużewijiet imma ma nkunux il-melħ tal-art, ma nkunux id-dawl tad-dinja.

Jien nimmaġina li f’din is-sitwazzjoni ħa jkun hemm mumenti ta’ kunfużjoni, għax ikun hemm min jibda jistaqsi jekk bdilniex it-tagħlim tagħna. Jien nara żmien ta’ inċertezza, imma mhux għax jiena inċert jew aħna inċerti! Aħna għandna strateġija kif kien qal Koħelet: hemm żmien li titkellem u hemm żmien li tiskot. Li wieħed jiskot ma jfissirx li wieħed huwa assenti mis-soċjetà; imma jaf ikun għaqal li tiskot, ħalli l-Kelma taħdem fil-qalb. Hemm bżonn illi aħna forsi nisktu ftit fuq ħafna affarijiet li konna ngħidu, imma mbagħad b’ħanxra kbira nitkellmu aktar dwar Ġesù. Mhux minn fuq l-altar biss, imma anki fit-toroq tagħna, fil-familji tagħna. Il-ġimgħa l-oħra waqt il-Viżta Pastorali, kien hemm wieħed li għamilli din l-osservazzjoni: li n-nies jarawna bħala klassi għalina – qisna kasta għalina. Ma rridx inpoġġi kollox f’keffa waħda. Nagħmel kuraġġ lil min qed iħaddem din it-tip ta’ pastorali u fl-istess ħin ninstiga u tkunu tafu jien fejn qiegħed.

Illum jipiċċa t-terminu tal-ministeru ta’ Dun Daniel Xerri bħala Rettur tas-Seminarju. F’dawn is-seba’ snin lir-Rettur sibtu saċerdot leali li ħadem spalla ma’ spalla miegħi. Ma nistax nilmenta illi ma ppruvax jimplimenta x-xewqat tiegħi, anki b’sagrifiċċju personali. Naturalment mhux waħdu, iżda bil-kollaborazzjoni tagħkom ukoll. Ma għandi ebda regrets li fdajtlu din ir-responsabbiltà.

Allura, filwaqt li nirringrazzjah f’isem Alla u f’isem il-Knisja, nitlob il-Mulej jieqaf miegħu ħalli nkomplu nibnu fuq dak li bena hu u ta’ qablu. Fuq kollox inkomplu nibnu flimkien din il-viżjoni ta’ Knisja li bdejt inkellimkom dwarha dalgħodu. Niżgurakom li dan mhux qed nagħmlu b’mod kapriċċjuż imma għax konvint.

Inpoġġu dan kollu taħt il-ħarsien tal-Kunċizzjoni.