Diskors tal-Isqof Mario Grech waqt is-Sinodu Divorzjati li jerġgħu jiżżewġu


Divorzjati li jerġgħu jiżżewġu – suġġett għas-Sinodu li ġej

Mill-Eċcellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Din il-kitba dehret l-ewwel darba bit-Taljan fir-rivista Missione Oggi ta’ Ottubru 2013, paġni 35-37.

Meta ragħaj tal-erwieħ ikun msejjaħ biex jirrifletti dwar parti mill-poplu t’Alla, bħad-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu, jiġuh f’moħħu u f’qalbu kliem il-profeta, li għamel użu minnhom anki Ġesu’: “Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħhom bil-ġustizzja”. ( Eżek 34,16)

Problema pastorali li fiha x-xewk

Tkun tista’ titkellem dwar dawn il-persuni, li n-numru tagħhom qiegħed dejjem jiżdied, meta jkun hemm din il-qalb li taf tħobb, li hi attenta u ħassieba. Minħabba li dawn id-divorzjati jerġgħu żżewġu, huma jsibu ruħhom f’kundizzjoni irregolari għax l-unjoni ġdida tagħhom ma tirriflettix dik l-imħabba li ma tinħallx bejn Kristu u l-għarusa tiegħu, il-Knisja. (ara Ef 5, 21-33). F’ħafna każijiet jeżistu kundizzjonijiet li jagħmlu din it-tieni unjoni waħda irriversibbli. Kif qal Benedittu XVI, għandna quddiemna “problema li fiha x-xewk u li hi kumplessa, pjaga fil-kuntest soċjali tallum li qed tmermer dejjem aktar anki l-istess ambjenti kattoliċi” (Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 29). Filwaqt li l-Knisja tkompli xxandar l-Evanġelju taż-żwieġ, ma tistax tittraskura r-realta’ doloruża ta’ tant żwiġijiet li qed ifallu. Kif qal il-Papa waqt il-vjaġġ tiegħu lura mill-Brażil, waħda mill-affarijiet li qed tikkawża dawn il-fallimenti hija l-immaturità tal-għarajjes li “jiżżewġu mingħajr ma jagħrfu li qed jagħmlu dan għal ħajjithom kollha jew għax soċjalment ikollhom jagħmlu dan iż-żwieġ”. Jeħtieġ li nilqgħu għal din l-immaturità billi bħala Knisja naħdmu bis-sħiħ f’evanġelizzazzjoni sistematika għall-familji, filwaqt li nakkumpanjaw il-koppja kemm qabel kif ukoll wara ż-żwieġ ħalli tikber dik il-maturità meħtieġa biex jgħixu l-una caro (l-għaqda sħiħa li tagħmel il-koppja ħaġa waħda) f’dan is-sagrament. F’dawn l-aħħar snin id-djoċesi tiegħi ta’ Għawdex imxiet f’din it-triq li fiha qed nipproponu lill-għarajjes mixja ta’ sentejn b’madwar 30 laqgħa fuq diversi suġġetti li jinkludu l-psikoloġija tal-koppja, it-teoloġija u l-ispiritwalità taż-żwieġ nisrani, u anki programmi għall-koppji żgħażagħ fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa.

Ħniena, verità u mħabba

Barra mill-akkumpanjament preventiv, il-Knisja trid issib ukoll il-mod kif tikkomunika l-Evanġelju anki lil min għex il-falliment fiż-żwieġ u qed jgħix relazzjoni ġdida. Spiss, id-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu jħossu t-tagħlim tal-maġisteru bħal mazzra fuq moħħhom u qalbhom, u jsibuha diffiċli jirrikonċiljaw ruħhom mal-Knisja u m’Alla. “Lil dawn il-persuni” – igħid Benedittu XVI –“jeħtieġ ngħidulhom li l-Knisja tħobbhom, u hemm bżonn li jaraw u jħossu din l-imħabba. Naħseb li l-biċċa xogħol kbira ta’ parroċċa, ta’ komunità ekkleżjali hi, li tagħmel ħilitha kollha biex dawn iħossuhom maħbubin, aċċettati, biex ma jħossuhomx “barra” minnha anki jekk ma jistgħux jirċievu l-assoluzzjoni u l-ewkaristija: jeħtieġ jagħrfu li huma wkoll jgħixu b’mod sħiħ fil-Knisja” (Diskors fis-VII Laqgħa Dinjija tal-Familji, 2 ta’ Ġunju 2012). Lil dawn irridu nġibu ruħna magħhom b’dik il-ġustizzja tal-Mulej li hu wkoll ħniena, verità u mħabba. Aktar mal-Knisja tkun qrib ta’ dawn il-persuni, bħal omm li timxi magħhom u twasslilhom aħbar tajba għalihom, aktar tkun tista’ tesprimi din l-imħabba fil-verità.

Jikkultivaw stil nisrani ta’ ħajja

Id-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu huma waħda mill-isfidi ġodda fl-evanġelizzazzjoni għat-trasmissjoni tal-fidi. Din hi realtà estiża u relattivament ġdida għall-Knisja, li qed titlobha ssib mod ġdid kif tipproponi l-fidi u t-tagħlim ta’ Kristu lil dawn ħutna. Esperjenza ta’ din ix-xorta turi li l-Knisja hi qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma (ara Sal 34,19). Nirrikonoxxu d-diffikultajiet, imma nemmen li llum, bħala Knisja, irridu nkunu preżenti fil-ħajja ta’ tant divorzjati li jerġgħu żżewġu u jridu jkomplu l-mixja tal-fidi flimkien mal-Knisja.

Kliem u ġesti għandhom iħabbru lil dawn il-persuni li huma għadhom jagħmlu parti mill-Knisja u li l-Knisja tagħtihom l-attenzjoni tagħha. Il-Knisja taħdem biex tgħin lil dawn il-persuni jikkultivaw “kemm jista’ jkun stil nisrani ta’ ħajja billi jieħdu sehem fil-quddiesa, anki jekk ma jitqarbnux, bis-smigħ tal-Kelma t’Alla, l-adorazzjoni ewkaristika, it-talb, is-sehem fil-ħajja komunitarja, id-djalogu kunfidenti ma’ saċerdot jew ma’ għalliem ta’ ħajja spiritwali, l-għixien tal-karità, l-opri ta’ penitenza, l-impenn li jedukaw lil uliedhom”. L-akkumpanjament tal-Knisja jwassal lill-koppja biex tagħżel li tgħix ir-relazzjoni tagħha “bħal żewġt iħbieb, bħal żewġt aħwa” (Sacramentum caritatis 29).

Nistudjaw il-kwistjoni bis-serjetà

B’danakollu xorta tibqa’ sitwazzjoni pastorali kumplessa. Qed infittxu dawk il-“faxex” u dik il-“kura” li jistgħu jfejqu aħjar il-ġrieħi ta’ dawn il-persuni, li l-biċċa l-kbira tagħhom iħobbu lill-Mulej u jemmnu fil-Knisja. Dan hu li qed jittama s-Sinodu tal-Isqfijiet, filwaqt li jagħmilha ċara li “b’kura ta’ omm u spirtu evanġeliku l-Knisja għandha tfittex it-tweġibiet adegwati għal dawn is-sitwazzjonijiet li huma aspett importanti fl-evanġelizzazzjoni ġdida”. (Proposizione 48).

Dan iwasslek biex tifhem l-aħbar tal-Papa li dan ser ikun wieħed mis-suġġetti li ser jitkellem dwaru l-kunsill ġdid tat-tmien kardinali li għandu jiltaqa’ fil-bidu ta’ Ottubru li ġej. U ser jirrifletti dwaru anki s-Sinodu tal-Isqfijiet li ser jittratta b’mod partikulari l-pastorali taż-żwieġ, fejn tidħol ukoll il-kwistjoni tad-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu. (Laqgħa mal-ġurnalisti, 28 ta’ Lulju 2013).

Din id-deċiżjoni tal-Papa lqajtha bil-ferħ. Waqt iċ-ċirkoli minuri tas-Sinodu f’Ottubru li għadda, ġa kont ipproponejt li f’numru 48 tal-Propositiones jidħol dan li ġej: “F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sinodu jisħaq dwar l-Evanġelju taż-żwieġ, u dan ifisser li l-insara jagħrfu li ż-żwieġ, imżejjen bil-kwalitajiet naturali tiegħu tal-indissolubbiltà u l-fedeltà, ġie mgħolli minn Kristu għal sagrament. Iżda fl-istess ħin quddiem ‘is-sitwazzjonijiet dolorużi li jinsabu fihom għadd mhux żgħir ta’ fidili li wara li jiċċelebraw s-sagrament taż-żwieġ, jiddivorzjaw u jerġgħu żżewġu mill-ġdid’ (Sacramentum caritatis 29), il-Padri Sinodali, għall-imħabba tal-verità u mqanqla mid-dmir pastorali tagħhom li jagħmlu dixxerniment u jevanġelizzaw, jipproponu lill-Qdusija tiegħu l-Papa biex jikkunsidra t-twaqqif ta’ kummissjoni magħmula minn teoloġi u kanonisti ħalli jistudjaw dan is-suġġett ta’ tbatija, u jipproponu li din il-kummissjoni tissottometti r-riżultati tagħha lilu, biex bl-uffiċċju petrin tiegħu hu jkun jista’ jagħti gwida spiritwali li tgħodd għall-Knisja”. Din il-proposta ma kenitx milqugha, imma issa donnu wasal iż-żmien li din is-sitwazzjoni tkun studjata bis-serjetà.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard