Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech f’Velja ta’ talb biex Madre Margerita ssir Venerabbli

Print Friendly, PDF & Email

MADRE MARGERITA: VULKAN TA’ ENERĠIJA

Riflessjoni tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex f’Velja ta’ talb bi tħejjija biex Madre Margerita ssir Venerabbli fil-Knisja tas-Sorijiet Franġiskani, il-Belt Victoria

Tlieta, 21 ta’ Jannar 2014

Fid-dawl tal-laqgħa li qed tinżamm dal-għodu mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin f’Ruma bl-għan li jingħata ġudizzju dwar l-erjoċità tal-virtujiet tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, biex hekk il-Papa jkun jista’ jiddikjaraha Venerabbli, il-bieraħ fil-għaxija nżammet Velja ta’ Talb fil-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija fil-Belt Victoria, li fiha l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel ir-riflessjoni mehmuża.

———

It-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2014: Għada t-Tlieta huwa jum storiku għall-Knisja f’Għawdex għaliex għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja l-Kardinali u l-Isqfijiet membri fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin ser jiltaqgħu f’sessjoni ordinarja biex jagħtu ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint din id-Djoċesi, bħala Venerabbli. Din is-sessjoni ser titmexxa mill-Kardinal J. Harvey u l-Postulatur huwa Patri Gianni Califano ofm. Jekk il-vot ikun wieħed pożittiv, inkunu pass biss ’il bogħod mill-Beatifikazzjoni ta’ Madre Margerita. Ikun jonqos miraklu bl-interċessjoni ta’ Madre Margerita.

Nemmen li din il-ġrajja hija providenzjali għall-Knisja f’pajjiżna. Qegħdin ngħixu żmien ta’ sfidi kbar għal min irid jgħix il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Is-sejħa li timxi wara Kristu qatt ma kienet ħafifa. Imma llum mhux biss it-telgħa qed issir aktar wieqfa, imma qed insibu wkoll riħ qawwi jonfoħ għal ġo wiċċna. Xi drabi l-buffuri jkunu tant qawwija li jaħbtu jaqilbu lil min hu sod, aħseb u ara lil min qisu sifja.

Frott ta’ din il-kultura, il-ħajja spiritwali qiegħda tnin u l-Insara bħal donnhom tilfu l-grinta. Ma rridx inkun profeta tad-dlam, imma f’din il-klima nara ċerti “kastelli” neżlin. Fl-1969, il-Kardinal Ratzinger kien qal li f’din il-kriżi, il-Knisja fl-Ewropa mhix ser tibqa’ tuża dawk l-ispazji sbieħ li bniet u żejnet hija stess! Agħar minn hekk, inħoss li fil-Knisja tagħna hawn sinjali ta’ għeja, telqa, nuqqas ta’ ħeġġa, apatija. Hawn min bħal qiegħed iċedi l-armi u jintelaq mal-kurrent. Uħud xjieħu qabel il-waqt u qed jagħżlu li joqogħdu b’idejhom marbuta.

F’dan il-kuntest, jien nixtieq li niskopru ftit lil din ir-reliġjuża, Madre Margerita De Brincat, li kienet mara li kienet “vulkan” jarmi enerġija umana u evanġelika. Barra li kienet tarmi n-nar, kellha determinazzjoni qawwija tant li joqgħod għaliha l-motto ta’ raħal twelidha, Ta’ Kerċem: “Flectar non frangar” – fis-sens li meta jaħkimha r-riħ vjolenti, forsi kienet tmil imma mhux titkisser! Biżżejjed insemmi li fl-1887, meta Dun Ġużepp Diacono, il-fundatur ta’ din il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet, iltaqa’ ma’ għadd ġmielu ta’ diffikultajiet tant li kien iddeċieda li jibgħat lis-sorijiet lejn djarhom u hekk jagħlaq din l-opra, Madre Margerita, meta kellha biss 25 sena, offriet li terfa’ hi stess il-piż tat-tmexxija. Kieku ma kienx għall-ħeġġa u l-viżjoni li kellha Madre Margerita, kieku dan il-“kastell” (il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù) kien jiġġarraf u jintemm. Din ma kinitx l-unika ċirkustanza fejn il-Madre kellha titqabad u tagħmel wiċċ sfiq biex tħabbatha mal-ostilità li ġiet għal wiċċha.

Il-ħidma ta’ Madre Margerita napprezzawha aktar meta nżommu quddiem għajnejna l-limitazzjonijiet li hija kellha. Meta wieħed iqis li kienet ġejja minn raħal ċkejken, kienet ta’ statura qasira u kellha biss formazzjoni skolastika elementari, faċli wieħed ixebbahha maż-żerriegħa tal-mustarda li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu: żerriegħa żgħira imma li kapaċi tagħmel siġra kbira li toffri kenn lil ħafna.

Għalhekk, jien irrid nittama li meta l-Knisja tipproponilna lil Madre Margerita bħala Venerabbli, inkunu nistgħu nitolbu lil Alla jagħtina ftit mill-ispirtu tagħha biex intajru minn fuqna ċerta telqa, nirbħu ċertu sens ta’ inferjorità, nimtlew bl-entużjażmu u nxammru jdejna biex b’ħafna mħabba imma b’qawwa nxandru l-Vanġelu lis-soċjetà tal-lum. Meta nħares lejn Madre Margerita, nixxennaq li nara l-Knisja tagħna konvinta li għandha l-aqwa messaġġ x’tgħaddi lill-bniedem – dan huwa Ġesù Kristu. Nixtieq li joktor l-għadd ta’ dawk li għandhom passjoni għal Ġesù u meta jitkellmu dwaru jinsew l-għeja. Għandi xewqa li fuq l-eżempju ta’ Madre Margerita, l-Ispirtu ta’ Alla jqajjem ftit persuni li jitkellmu ma’ Alla dwar il-bniedem u fl-istess waqt ikollhom il-kuraġġ li jiddjalogaw mal-bniedem dwar Alla. Nistenna wkoll li bħalma Madre Margerita, għalkemm mietet ta’ 89 sena, baqgħet dejjem “żagħżugħa” fil-Mulej, hekk il-Knisja tagħna tibqa’ tgħix ir-rebbiegħa tal-ħajja.

Imma biex kebbset f’qalbha dawn il-kwalitajiet, Madre Margerita kellha sigriet wieħed: skopriet lil Ġesù bħala l-Għarus Divin u “l-ogħla grad tal-Imħabba”. Kienet tisker meta tieqaf tirrifletti dwar il-fatt li Alla sar bniedem – fil-fatt l-ispiritwalità tagħha ddur mat-twelid ta’ Ġesù, il-Kurċifiss, il-Qalb ta’ Ġesù u l-Ewkaristija li hija s-sagrament tal-preżenza tad-divinità u l-umanità ta’ Ġesù.

Jekk f’ċertu sens il-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita hija “figura” li l-Knisja qed taqlagħha mill-imgħoddi, Ġesù huwa l-istess tal-bieraħ, tal-lum u għal dejjem. Kif kien Ġesù li kellem, stimula u saħħar lil Madre Margerita, dan Ġesù huwa ħaj fostna u, jekk nagħtuh spazju, jista’ jagħmel l-istess magħna llum. Għalhekk nemmen li l-missjoni primarja tal-Knisja llum hija li tgħin lill-bniedem isib lil Ġesù u tiffaċilita l-laqgħa tiegħu miegħu. Mingħajr Ġesù, nibqgħu moxxi u narmu riħa ta’ mewt.

Għalhekk inħeġġeġ lill-Knisja lokali biex ngħixu din il-ġrajja bil-ferħ, u bl-interċessjoni ta’ Madre Margerita nitolbu lil Alla jixħet fuqna ftit minn dak l-ispirtu li qaddes lilha biex bħalha aħna ngħinu s-soċjetà tkattar il-ġid veru.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading