Diskors tal-Awguri lis-Saċerdoti tal-Isqof Mario Grech


Kif nara l-Knisja lokali llum

Diskors tal-Awguri lis-Saċerdoti
Mario Grech, Isqof
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu, 18 ta’ Jannar 2014

“Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?” (Salm 137:4). Dan mhux biss it-tinwiħ tal-Lhud fl-eżilju f’xatt ix-xmajjar ta’ Babel, imma hija wkoll il-karba ta’ diversi Nsara f’pajjiżna li fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom bħal jissuspettaw li t-tempju, li hu l-għamara t’Alla fost il-bnedmin, qed jiġġarraf u li kull ma jmur l-Insara qed isiru minoranza f’art barranija.

Titwila ħafifa lejn l-istili ta’ ħajja li ġmielhom qed jaqbdu l-art, il-bidla fil-mentalità u fl-attitudnijiet, ċerti żviluppi li qed iseħħu fis-socjetà, il-produzzjonijiet tal-liġijiet li qed ikollna eċċ., tindika biċ-ċar li mhux biss għaddejja bidla mgħaġġla, imma wkoll li d-din Nisrani mhux popolari daqskemm jidher, u li l-appartenenza lejn il-Knisja qed tonqos bil-ħodon. Irridu nammettu li għadd ta’ drabi aħna poplu reliġjuż fl-apparenza u l-prattika reliġjuża aktar hija riżultat ta’ konvenjenza milli espressjoni ta’ konvinzjoni. Barra minn hekk, il-Knisja ma għadhiex l-unika kattedra tat-tagħlim, iktar u iktar tal-etika u l-morali għax fis-socjetà hawn agenziji oħra, reliġjuzi u lajci, li joffru l-prodott tagħhom u għalhekk il-Kattoliċi ma għadhomx ikantaw solo imma f’kor ta’ vuċijiet varji u ħafna drabi dissonanti. F’dan il-kuntest ġie li smajt Insara, anke presbiteri, jistaqsu: “Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?”.

Il-messaġġ tiegħi lil dawn l-insara huwa wieħed pożittiv u kollu tama kif kienet il-komunikazzjoni li għamel Ġeremija lil-Lhud fl-eżilju meta qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, lill-itturufnati li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: ‘Ibnu djar u għammru fihom; ħawwlu ġonna u kulu frotthom; iżżewwġu n-nisa u nisslu subien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewwġu lill-bniet tagħkom, biex jildu subien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd. Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom” (Ġer. 29:5-7).

Bħalma l-profeta jagħmel il-qalb lill-poplu t’Alla li kien qalbu maqtugħa minħabba l-isfidi u t-taqlib li sab ruħu fihom f’art barranija, hekk ukoll aħna, li Alla afdalna l-ministeru tal-profezija neħtieġu nagħmlu l-qalb lill-poplu t’Alla llum li jaf iħossu skomdu fl-ambjenti tiegħu stess. Bħal Ġeremija rridu ngħinu lill-Knisja tagħna tintebaħ li għalkemm kulma jmur qed issir minoranza u qed tgħix f’kuntest fejn il-kultura, l-istituzzjonijiet sekulari u s-sistema legiżlattiva jikkuntrastaw mal-konvinzjonijiet reliġjuzi tagħna, jekk hija tagħraf tirfed tajjeb l-identità tagħha u żżomm il-fidi ħajja, hija għandha sehem kbir x’toffri lil ġid komuni ta’ din is-soċjetà – Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom.

Imnebbaħ minn Ġeremija li jistimula lil Lhud fid-diaspora biex ikunu “komunità kreattiva” f’ambjent indifferenti u forsi ukoll ostili għat-twemmin f’Alla li waqqaf il-Patt mal-poplu Lhudi, nemmen li f’din il-fażi tal-istorja tagħna Alla qiegħed isejjaħ lill-Knisja tiegħu f’pajjiżna biex tikseb il-kuraġġ u tiskopri lilha nnifisha bħala komunità żgħira imma kreattiva. Fl-ittra tiegħu, Ġeremija ma nibixhomx biex jikkundannaw u jikkonfrontaw il-kultura pagana, lanqas ma qalilhom biex ikunu fuq ix-xwiek u jistennew il-waqt li jiddesertaw dik is-soċjetà biex jerġgħu ifittxu kenn fit-tempju. Minflok, Ġeremija jagħmlilhom il-qalb biex filwaqt li jgħożżu s-sejħa tagħhom bħala l-Poplu tal-Patt, huma jkunu kreattivi u jsibu modi kif jintegraw ruħhom f’dik ir-realtà ġdida u jikkontribwixxu biex joktor il-ġid.

Infatti kien fid-diaspora tal-Babilonja li l-Lhud ġeddew t-Torah u wara li rritornaw mill-eżilju, Eżra u Nehemija inawguraw proġett sħiħ ta’ katekeżi. Kienet il-komunità żgħira tal-Lhud fil-Babilonja li ħolqot it-Talmud li nafu kemm għal-Lhud huwa importanti biex titfisser l-Kelma t’Alla. Barra minn hekk, kien fl-eżilju wkoll li din il-komunità kreattiva għarfet tagħmel medjazzjoni mal-kulturi u ċ-ċiviltajiet ta’ dak iz-zmien. Huwa fatt magħruf kemm matul l-istorja minn ħdan dan il-poplu ċkejken tnisslu nies li taw kontribut kulturali enormi – Spinoza, Marx, Freud, Einstein etc. Dan kollu jista’ jkun kejl tajjeb għalina, l-arkitetti tal-Knisja tal-lum.

Kif josserva l-Papa Benedettu XVI fil-vjaġġ apostoliku fir-Repubblika Ċeka fl-2009, “normalment huma l-minoranzi kreattivi li jiddeterminaw il-futur u f’dan is-sens il-Knisja Kattolika għandha tifhem lilha nnifisha bħala minoranza kreattiva li għandha eredità ta’ valuri li mhumiex xi ħaġa tal-imgħoddi imma huma realtà ħajja u attwali”. Din l-istess konvinzjoni l-Papa Benedettu kien espremiha fl-2004 meta bħala kardinal ta lecture dwar l-għeruq insara tal-Ewropa. F’Ewropa li nsiet l-identità tagħha, li qerdet il-pedamenti morali tagħha u tilfet il-fiduċja fil-posterita tant li r-rata baxxa tat-twelid tat-tfal tista tiġi mifhuma bħala nuqqas serju ta’ xewqa għal futur, Ratzinger jara lill-insara bħala minorità kreativa li tista tgħin lil Ewropa tikseb lura l-patrimonju li kienet tilfet u hekk terġa’ ssib il-ħila biex tkun ta’ qadi għall-umanità kollha.

Dak li l-Papa Bendettu XVI jaspira għall-komunità nisranija Ewropeja, jien nipproponih lill-komunità nisranija f’pajjizna: li tkun minorita kreattiva li tgħin lin-nazzjon jerġa jagħmel tiegħu l-patrimonju uman li qed jitnaqqarlu. Kif? Kif qal Ġeremija lil-Lhud tad-diaspora: fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom”. Ġeremija ma jitlobx lil-Lhud biex jikkonvinċu lin-nies tal-Babilonja jikkonvertu għal Ġudaiżmu. Ġeremija sempliċement jitlob lil-Lhud biex jgħixu l-fidi tagħhom. Hekk biss kien possibli għal-Lhud li jgħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija!

Imma biex inkunu nistgħu nagħtu din l-impostazzjoni lill-komunitajiet tagħna, hemm bżonn ngħaddu minn proċess tqil ta’ aġġustament tal-psikoloġija ekkleżjali tagħna. Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu b’tonalità u naġixxu b’mod daqslikieku l-Knisja hija xi istituzzjoni superjuri li kollox idur magħha. Immorru żmerċ jekk naħsbu li l-Knisja tista’ tiddetta kemm lill-individwi kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra. Ir-riħa tat-trijonfalizmu mhix pjaċevoli. Lanqas nistennew li soċjetà pluralistika ser taċċetta li l-aħħar kelma tkun tal-Knisja. Għalkemm ġeografikament il-binja tal-knisja tinsab f’nofs ir-raħal, ma għadux iż-żmien li l-Knisja tokkupa ċ-ċentru tar-raħal. Mhux Knisja li tikkmanda imma Knisja li tobdi. Mhux Knisja tal-privileġġi imma Knisja qaddejja. Dawn huma ftit mill-atteġġjamenti tal-Knisja tal-bieraħ li għadda żmienha u għalhekk ma nistgħux nipperpettwawhom. B’attitudnijiet bħal dawn nibqgħu ningħalqu f’ghetto, inkomplu nsiru rrelevanti u l-ministeru tagħna jibqa’ sterili.

Fil-fehema tiegħi nistgħu napplikaw għalina dak li b’mod profetiku kien qal Joseph Ratzinger waqt programm fuq ir-radju fl-24 ta Diċembru 1969 meta tkellem dwar il-futur tal-Knisja: “Minn din il-kriżi ta’ żminijietna trid toħroġ Knisja li tkun tilfet ħafna. Ser issir Knisja żgħira u jkollha terġa’ tibda mill-ġdid. Din il-Knisja ma tkunx aktar kapaċi tgħix f’dawk il-binjiet li hi stess bniet fi żminijiet ta’ prosperità. Aktar ma’ jonqsu n-numru tal-membri tagħha, aktar ser titlef il-parti l-kbira tal-privileġġi soċjali li għandha. Ikollha titlaq minn gruppi żgħar, mill-movimenti u minn minoranza li terġa’ tqiegħed il-fidi fiċ-ċentru tal-esperjenza. Tkun Knisja aktar spiritwali, li ma tfittixx mandat politiku biex tagħmilha daqqa mal-forzi tal-Lemin u daqqa ma’ dawk tax-Xellug. Tkun Knisja fqira u ssir il-Knisja tad-dgħajfin. Imbagħad in-nies jaraw fiha dik il-merħla ċkejkna ta’ nies li jemmnu bħala xi ħaġa ġdida: fiha jsibu t-tama tagħhom, it-tweġiba li dejjem fittxew fil-moħbi. Jien ninsab ċert li qed jitħejjew żminijiet diffiċli ħafna għall-Knisja. Il-kriżi tagħha għadha qed tibda. Trid tagħmel il-kontijiet ma’ …SOMMOVIMENTI….. kbar. Imma jien ninsab ċertissimu minn dak li fl-aħħar ser jibqa’: mhux il-Knisja tal-kult politiku, li diġa falliet ma’ Gobel, imma l-Knisja tal-fidi. Huwa minnu li l-Knisja qatt ma hija ser tkun dik l-qawwa dominanti tas-soċjetà kif kienet sa ftit żmien ilu. Imma l-Knisja ser ikollha fjuritura ġdida u tidher quddiem il-bnedmin bħala l-patrija li tagħtihom l-ħajja u t-tama ’l hinn mill-mewt”.

Għalkemm għaddew 44 sena minn meta Ratzinger għamel din l-analiżi kuraġġjuża tal-Knisja fl-Ewropa, għadha analiżi friska u valida għas-sitwazzjoni tagħna. Huwa biss jekk naqraw ġrajjietna minn din il-lenti tal-fidi li nistgħu naslu biex nibnu komunitajiet insara żgħar imma kreattivi!

Li l-komunitajiet ekkleżjali jkunu “minoranza kreativa” għandu fundament bibliku. Infatti Ġesu nnifsu xebbah il-Knisja maż-żerriegħa tas-senapa u ma’ ftit ħmira. Anzi fil-Vanġelu ta’ Luqa Ġesu jgħid: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna” (12.32). Dan ifisser li Alla jagħti l-grazzja lil min hu ċkejken bħalma hija l-merħla, iż-żerriegħa tas-senapa u l-ftit ħmira. Imma aħna ma nemmnux li bil-qawwa ta’ din il-grazzja ż-żerriegħa għalkemm żgħira taf tikber u ssir siġra kbira, li l-ftit ħmira għandha kapaċità li tgħolli l-għaġna u l-merħla ċkejkna ssir merħla kbira. Dwar is-senapa, Sant’Ambroġ jikteb: “iż-żerriegħa tagħha hija fil-fatt sempliċi u ta’ valur żgħir ħafna, imma jekk tisħaqha, toħroġ l-qawwa kollha tagħha”.

Għalkemm id-djoċesi ta’ Milan kienet waħda estiża sewwa, Sant’Ambroġ kien konxju li minħabba l-mewġa ta’ paganizmu qawwi kif ukoll minħabba l-preżenza tal-arjani li kellhom l-appoġġ politiku, il-Knisja tiegħu kienet f’minoranza. Għalhekk filwaqt li kien jappella għas-sobrjetà u t-tolleranza, kien jirrakkomanda skiet attiv (silenzio operoso) u dan fuq l-eżempju ta’ Ġużeppi fl-Eġittu li siket “biex jiddefendi lilu nnifsu aktar bl-innoċenza milli b’dak li jgħid” (per essere difeso piu dall’innocenza che dalla lingua). Meta l-Knisja tiġi mwarrba jew ma tkunx milqugħa, hija tista’ tirbaħ mhux tant bit-tħambiq li jaf ikun frott ta’ ħtieġa egoċentrika biex wieħed jikseb forma ta’ rassigurazzjoni esterna, imma bis-sobrjeta u s-sabar ta’ min kapaċi jilmaħ f’dak li jkun qed jiġri kemm dawk l-elementi negattivi kif ukoll dawk pożittivi …. f’kazi bħal dawn wieħed għandu jafda f’Alla, Sid tal-istorja, li huwa dejjem l-aqwa – Deus semper maior.

Knisja li tagħraf lilha nnifsha bħala merħla ċkejkna, żerriegħa żgħira jew ftit ħmira fis-soċjetà, hija Knisja li trawwam ethos partikulari. Infatti hija Knisja li tippreżenta lilha nnifisha b’ħafna umiltà, ħlewwa, imħabba, tjubija, mogħdrija u ġenerożità. Hija Knisja li tara kif kontinwament tiftaħ kanali li jwasslu l-maħfra. Hija Knisja mansa li tieħu kull opportunità biex timmansa. Hija Knisja li tammetti d-dgħufija fl-intern tagħha stess. Fi kliem ieħor, hija l-Knisja li qed jipproġetta l-Papa Franġisku! Knisja konxja miċ-ċkunija tagħha żgur mhix Knisja autoreferenzjali, magħluqa u medhija fiha nnifisha, imma hija aktar attenta biex tagħti xhieda, attenta biex tfittex mod kif tgħix fost id-differenzi kbar ta’ madwarha, u tagħraf l-importanza tad-djalogu ekumeniku u inter reliġjuż kif ukoll id-djalogu mad-dinja. Fi kliem il-Papa Franġisku l-autoriferenzjalità hija l-marda tipika tal-Knisja u twassal għan-narċisiżmu spiritwali.

Fuq kollox Knisja merħla ckejkna hija attenta għal dak li Papa Frangisku jsejhilhom “is-sorpriżi t’Alla”. Infatti l-Papa jistaqsi jekk aħniex Knisja maħkuma mill-biża’ u għalhekk qed nagħżlu li ningħalqu għal dak il-ġdid li jaf inebbaħ l-Ispirtu t’Alla; jistaqsi jekk aħniex lesti li noħorġu mir-raddi tas-soltu u ma nibżgħux naqbdu toroq ġodda li Alla ħaj u dejjem ġdid jaf iqiegħed quddiemna. Huwa jistqasi jekk aħniex medhijin niddefendu lilna nfusna u l-istrutturi sorpassati li ma għadhomx jirriflettu n-natura vera tal-Knisja. Ħafna drabi huwa komdu għalina li nibqgħu kif inkunu anke jekk ikun ifisser staġnar, għax hekk inħossuna aktar ċerti u nibqgħu nżommu f’idejna dak li naħsbu li huwa kontroll

Hija din il-kuxjenza li nħoss li hemm bżonn inrawmu fina u fil-Knisja tagħna. Meta nindunaw li ċ-ċertezzi jew qawwiet li naħsbu li għandna (qawwa numerika, qawwa ekonomika, qawwa morali, qawwa politika), mhuma ċertezzi xejn, allura nintebħu bl-unika qawwa vera li rċivejna li hija l-qawwa ta’ Alla li wkoll sar ċkejken biex ikun jista’ jindihes magħna. Imbagħad niskopru l-qawwa tat-talb, il-qawwa tal-Kelma, il-qawwa tal-Ewkaristija, il-qawwa tas-saċerdozju ministerjali u fuq kollox il-qawwa tal-karità. Imma wkoll hawn il-komunità trid tevita li tkun repetittiva u tkun kreattiva u nnovattiva billi ssib esperjenzi u espressjonijiet ġodda ta’ kif il-bniedem jista’ jġarrab il-qawwa ta’ dan il-misteru.

It-tiġdid intern fil-komunitajiet tagħna jagħmilna kapaċi nkunu kreattivi fil-mod kif niddjalogaw mas-soċjal, mad-dinja tax-xogħol, mal-kultura, mal-politika etċ. Ħafna drabi l-Knisja nqatgħet, jew qatgħuha, minn dawn ir-realtajiet mhux għaliex ma għandhiex kontribut x’tagħti, imma għaliex bqajna nużaw l-istess lingwaġġ u l-istess atteġġjamenti tal-imgħoddi. Kien hemm mumenti fejn barrewna, imma rridu nammettu li kien hemm ukoll cirkustanzi fejn barrejna lilna nfusna – meta għamilna lilna nfusna barranin. Ma għandnix nibqgħu lura milli fil-“belt tal-bnedmin” infittxu pjattaforma ta’ valuri komuni li fuqha nistgħu nibnu flimkien, anke jekk ma jirnexxilniex niksbu l-optimum. Hija illużjoni jekk naħsbu li fid-dinja tal-lum kollox ser jitfassal skond il-liġi t’Alla jew il-Maġisteru tal-Knisja li għall-poplu t’Alla jibqgħu l-boxxla żgura; imma b’daqshekk il-komunità nisranija ma għandhiex tirtira u tingħalaq fis-swar, imma għandna tibqa’ temmen fid-djalogu inter kulturali u tevita l-konfrontazzjoni. Meta nieħdu din l-attitudni ser insibu li fil-belt tal-bnedmin m’aħniex waħidna daqskemm naħsbu. Jaf jiġrilna kif ġara lill-profeta Elija li meta ħassu waħdu u tant kien imdejjaq li kien ser jirtira mill-kamp imma mbagħad sab li kien hemm eluf li ma kinux niżlu għarkupptejhom quddiem l-idoli (1Re 19).

Għall-grazzja t’Alla din is-sena sejrin infakkru l-150 anniversarju mit-twaqqif tad-djoċesi tagħna. Għal dan il-għan waqqaft kumitat li ser ikun presedut minn Mons Vigarju Ġenerali. Minbarra l-attivitajiet li ser isiru biex ifakkru t-twelid tal-Knisja f’Għawdex, fid-dawl tar-riflessjoni li qsamt magħkom illum nixtieq li napprofittaw minn din l-okkażjoni biex bil-kuraġġ nivvalorizzaw il-komunitajiet ċkejknin tagħna, kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-gruppi, u filwaqt li ngħinuhom jikbru fil-fidi u fl-identità ekkleżjali, ninbuttawhom biex jistħarrġu modi ġodda ta’ preżenża kwieta u nqas storbjuża u joffru kollaborazzjoni effettiva lil sħabhom preżenti fid-diversi oqsma tal-ħajja soċjali, ekonomika, politika, kulturali etc. Huwa l-ħsieb tiegħi li matul il-Viżta Pastorali napprofitta mill-kuntatti li jkolli mill-qrib mar-realtajiet parrokkjali biex filwaqt li ngħinhom jiltaqgħu mal-imħabba t’Alla u hekk jissawru bħala komunitajiet żgħar u kreattivi. Hekk nkunu nistghu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija.