Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Sintesi tal-Omelija fil-Ftuħ tal-Ġublew tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex
Katidral ta’ l-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

TĦALLUX IDEJKOM JINTELQU

Kull wieħed minna jgħaddi ħajtu jimbotta ’l quddiem il-karru tiegħu. Mhux darba jew tnejn li wieħed jegħja jimbotta, speċjalment meta t-triq tkun għat-telgħa. Faċli tiġina t-tentazzjoni li nitilqu jdejna u ma nibqgħux nimbuttaw; anzi, hawn min telaq idejh għalkollox għax il-karrettun tiegħu tant sar mgħobbi b’piżijiet li ddeċieda li jerħilu. Hemm okkażjonijiet meta l-idejn jintelqu, tant li wieħed lanqas isib is-saħħa biex jiftaħ il-bieb meta jħabbattlu Ġesù! Fi kliem ieħor, hawn min għandu l-karru spiritwali tiegħu tant fih tagħbija reliġjuża, biċċa utli u oħra le, li qata’ qalbu jimbotta ’l quddiem. Hawn min, minħabba ċerti ċirkustanzi, sab ruħu fi kriżi spiritwali u ma jiflaħx jerfa’ jdejh biex ibexxaq il-bieb ħalli Ġesù jgħaddi għandu.

Imma l-Profeta Sofonija llum qed jgħidilna biex ma nħallux idejna jintelqu għax il-Mulej Alla tagħna huwa f’nofsna – Alla tagħna huwa qrib ta’ kull wieħed u waħda minna u lest jgħinna nimbuttaw il-karrettun anki jekk iħammeġ idejh jew jitħaxxem! Alla għandu għal qalbu lil kull bniedem, partikularment lil dak li ma fadallux kuraġġ u saħħa biex jimbotta l-karru tiegħu. Alla għani fil-ħniena ma jaħmilx jarana mifluġin bl-imbuttar jew nirriskjaw li t-tagħbija tagħna tmur mal-art u tintrifes. Għalhekk fil-ħniena infinita tiegħu iġeddidna u jgħinna nerġgħu nagħmlu l-muskoli biex inkomplu nimbuttaw il-proġett ta’ ħajjitna ’l quddiem. Huwa jħaddanna minkejja l-miżerja tagħna; ebda dnub ma jnaffar jew ibiegħed lil Alla minna l-bnedmin.

Meta nagħmlu din l-esperjenza tal-imħabba kollha ħniena u gratuwita ta’ Alla li dehret fi Kristu, ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem ħutna li għejew jimbuttaw tant li hawn min abbanduna l-karru tiegħu.

Għalhekk din is-Sena Mqaddsa hija opportunità biex wara li nkunu doqna d-duwa tal-ħniena ta’ Alla, aħna ndewqu l-ħniena biex nagħmlu l-“opri tal-ħniena”, kemm dawk li jmissu r-ruħ u kemm dawk li jirrigwardaw il-ġisem. Fil-bidu ta’ dan il-Ġublew nappella minn qalbi lill-Knisja f’Għawdex biex:

(1) matul din is-Sena naħdmu aktar fuqna nfusna biex naħfru lil xulxin u nagħmlu rikonċiljazzjoni. Ma humiex ftit dawk li għandhom ġerħat miftuħin inixxu d-demm minħabba ġlied u firdiet, anki fil-familji. Nixtieq li matul din is-sena nużaw il-balzmu tal-ħniena biex ċerti feriti, anki dawk fejn il-laħam tħassar, jagħlqu.

(2) kull parroċċa u kull komunità ekkleżjali darba fix-xahar toffri l-ferta tal-ġbir kollu li jsir fil-knisja f’ġurnata għall-karità. Mhux qed ngħid li għandna nżidu ġabra oħra; imma li l-ġbir ta’ ġurnata li normalment isir għall-ħtiġijiet ordinarji tal-knisja, imur għall-karità li tagħżel il-parroċċa stess. Konxju li finanzjarjament il-parroċċi huma mġebbdin, imma xorta waħda ma nibżgħux innaqqsu ftit mill-kaxxa tal-knisja biex inħennu bħall-Missier.

Filwaqt li hemm seba’ ħidmiet tal-ħniena ta’ natura spiritwali u sebgħa oħra korporali, fir-Regola tiegħu San Benedittu daħħal it-tmiem azzjoni tal-ħniena spiritwali: li qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-miżerikordja ta’ Alla. Għalhekk nagħmlu l-qalb: il-ħniena ta’ Alla hija għajn ta’ ilma ġieri, qatt ma hi ser tinxef, imma tibqa ssaqqi biex fuq art xagħrija tnibbet u tagħti l-frott. Jekk inħallu l-ħniena ta’ Alla tmissna, mhux biss aħna nibqgħu nimbuttaw il-karru, imma nkunu wkoll kapaċi ngħinu lill-proxxmu tagħna jimbotta l-karru tiegħu wkoll.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading