Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni


Omelija fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Victoria
It-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INĦENNU BĦAL ALLA OMM

Ommi tgħidli li għandi jdejja mberkin! Mhux għax jien saċerdot, imma għax meta nkun naħsel il-platti tal-ikel, spiss inkisser xi ħaġa! Imma mbagħad meta nħares madwari ninduna li ma humiex ftit dawk minna li għandhom “idejhom imberkin” – mhux għax ikissru t-tazzi jew il-platti, imma għax bħal Adam u Eva, kif naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi, ħafna drabi naslu biex inkissru l-pjan ta’ Alla għalina. Fil-fatt, fil-ġrajja tal-Għeden naqra l-istorja tagħna llum. Dan ir-rakkoont jgħidilna li fil-bidu Alla kellu proġett għalina l-bnedmin, imma Adam u Eva (li jirrappreżentaw lill-umanità) għażlu li dan il-proġett jagħmluh trietaq u biċċiet! Il-moħħ żgħir tagħhom ma kellux il-ħila jifhem xi proġett sabiħ Alla kien ħejja għalihom biex huma jgħixu f’armonija magħhom infushom u mal-ħolqien ta’ madwarhom.

Din l-istorja ta’ Adam u Eva tirrepeti ruħha għaliex illum Alla għadu jinteressa ruħu mill-bniedem, iħobbna u jipproponilna l-proġetti tiegħu; imma aħna li għandna moħħ ċkejken mhux lakemm nifhmu lil Alla u għalhekk spiss jiġrilna li nħarbtulu, niżbranawlu u nħawdulu l-proġetti tiegħu. Ma nintebħux malajr li meta nkissru l-proġett ta’ Alla, inkunu nkissru lilna nfusna u r-realtà ta’ madwarna, inklużi persuni oħrajn. Ilkoll nafu xi tfisser ikollok ħajtek imtertqa biċċiet. Hawn min ħajtu mkissra għax iħossu mhux mifhum, mhux aċċettat jew mhux maħbub. Imbagħad naf b’min qed jitkisser bil-mard, bil-faqar jew b’xi “ġebla” li tefagħlu ħaddieħor. Hemm min kisser ħajtu b’għażliet żbaljati. Spiss nisma’ b’relazzjonijiet li tfarrku. Ħafna drabi f’dawn iċ-ċirkustanzi miżeri, il-bniedem li jġarrab xi għamla jew oħra ta’ tkissir ma jkollux il-wiċċ jiltaqa’ mal-oħrajn u bħal Adam imur “jinħeba”; agħar minn hekk, is-soċjetà, u xi drabi anki l-komunità ekkleżjali, tipprova tostor lil dawn in-nies.

Quddiem dan il-frakass tal-bniedem kif ippreżentat minn Adam u Eva, Alla tagħna juri ruħu li hu Alla ħanin. Kieku ried, seta’ ħaddem il-ġustizzja u ħarraxha ma’ dawk li kienu tawh daharhom u tefgħu l-proġett tiegħu taħt riġlejhom. Imma misjuq mill-ħniena tiegħu, sa mill-bidu nett tal-ħolqien Alla jwiegħed li fiż-żmien għad ikun hemm mara li nisilha jeqred lit-tentatur li jwaqqa’ lill-bniedem u jerġa’ jirrestawra dak il-proġett oriġinali tiegħu li l-bniedem kien għamel trietaq! Huwa jwiegħed li ser jibgħat lil Ibnu Ġesù biex jiġbor dak li għamilna frak u jerġa’ jagħmlu sħiħ. Għalhekk l-awtur tal-Bibbja ħa ħsieb li sa mill-ewwel versi ta’ dan il-Ktieb Qaddis, huwa jgħidilna li dan Alla tagħna jismu “Ħniena”. Huwa Alla li jdum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Il-fatt lil wara l-Waqgħa, lill-bniedem fallut (ippersonifikat f’Adam u Eva) Alla jagħmillu wegħda li terġa’ timlieh bit-tama, jirrivelalna lil Alla tagħna huwa “miżerikordja”.

Jekk Alla jrid, għada, festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Papa Franġisku ser jiftaħ il-Ġublew tal-Ħniena għall-Knisja kollha. F’din l-inizjattiva pastorali nħoss li l-Papa qed jgħidilna biex minkejja li bid-difetti u d-dgħufija tagħna aħna nħarbtu l-proġetti ta’ Alla għalina (fil-ħajja personali, familjari, ċivili u ekkleżjali), aħna mistiedna nilqgħu dan id-don tal-Ġublew u nduqu ftit minn din il-ħniena ta’ Alla li jrid jiġbor dak li aħna xerridna. Kif meta Kristu sar bniedem il-Ħniena saret laħam, hekk ukoll dan il-Ġublew huwa opportunità biex il-Ħniena Divina ssir laħam f’laħamna u hemm il-laħam imħassar u mdennes tagħna jerġa’ jilbes is-saħħa u l-ġmiel.

L-Immakulata Kunċizzjoni kienet l-ewwel bniedma li daqet il-qawwa tal-miżerikordja ta’ Alla li dehret fi Kristu. Misjuq mill-imħabba tiegħu lejn l-umanità, Alla għażel lil Marija ta’ Nazareth bħala l-“bieb” biex il-Ħniena tiegħu tidħol fid-dinja fil-persuna ta’ Binha Ġesù. Fl-istess waqt, għall-merti ta’ Ġesù, Alla wera magħna l-ħniena tiegħu u ppermetta li Marija titnissel Immakulata – mingħajr tebgħa tad-dnub. Nistgħu ngħidu li Marija hija l-inkarnazzjoni tal-ħniena ta’ Alla – mhux biss għax l-Iben ta’ Alla tnissel fiha, imma wkoll għax hija stess sabet ħniena quddiem Alla. Għalhekk il-Kunċizzjoni hija eżempju ta’ x’kapaċi tagħmel il-ħniena ta’ Alla: għax dak li Alla għamel f’Marija meta ħelisha minn kull tebgħa tad-dnub, Huwa jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna. Kemm nixtieq li lkoll inkunu konvinti minn din il-verità… Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. Aħna ma nitwildux mingħajr it-tebgħa tad-dnub. In-natura umana tagħna l-bnedmin tfixkilna fl-impenn tagħna biex inpoġġu fil-prattika l-ħsieb ta’ Alla; għandna natura li pjuttost tiġbidna lura flok timbuttana ’l quddiem. Kieku bqajna hekk, kien ikollna mitt raġun biex naqtgħu qalbna. Imma l-Immakulata llum qed tgħidilna xi jrid jagħmel Alla magħna l-bnedmin. Għax jekk Alla ried li Marija titnissel mingħajr dell ta’ ħażen u hekk tkun rifless tal-ġmiel u l-armonija li hemm fiH u hekk tidher għalina bħala l-proġett mhux minsus ta’ Alla, dan Alla jista’ jagħmlu wkoll fil-ħajja tagħna. Ladarba l-Ħniena ta’ Alla hija daqshekk kbira, aħna wkoll nistgħu nħallu lil Alla jagħmilna narmu l-ġmiel tiegħu, u dan minkejja li aħna mxellfin. Alla jista’ u jrid jiġbor il-frak ta’ ħajjitna u jagħmilna sħaħ skont il-proġett tiegħu.

L-Immakulata hija l-inkarnazzjoni tal-Ħniena ta’ Alla. Mhux b’kumbinazzjoni li l-Papa Franġisku għażel li jinawgura dan iż-żmien tal-Ġublew tal-Ħniena fis-solennità tal-Kunċizzjoni!

Alla tagħna wera lilu nnifsu magħna bħala Missier. Meta Ġesù għallimna nitolbu, qalilna biex insejħulu “Missierna”. Imma Alla mhux biss Missier, imma għandu ġewwieni u vixxeri materni, ġuf matern. Kif jinnota San Luqa fil-Kantiku ta’ Żakkarija, il-Ħniena divina tinsab fil-“viscera misericordiæ Dei nostri” (1:78). Aħna moħħna żgħir u mhux lakemm napprezzaw dan il-kobor ta’ Alla. Għalhekk nemmen li meta Alla għażel lill-Immakulata Kunċizzjoni, riedha tkun ukoll dik li tgħinna nifhmu d-dimensjoni materna ta’ Alla. Għalina aktar hu faċli li norbtu l-affettività mal-omm milli mal-missier. Iva, Alla għandu l-istess ħlewwa, tenerezza, tjubija, imħabba, ħniena u mogħdrija li jżejnu l-ġenju tal-mara, partikularment il-figura tal-omm fir-relazzjonijiet tagħha ma’ wliedha. Ħadd daqs l-omm ma jaf jaqra l-ġewwieni tal-ulied. Għalhekk Alla tagħna huwa Omm ukoll, anzi, huwa aktar minn Omm, għax permezz ta’ Isaija Alla jgħidilna: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt” (49:19). Bħal kull omm, qalbu tingħafas quddiem uliedu fil-bżonn. Alla għandu din id-dgħufija: bħal kull omm kapaċi jagħmel preferenza ma’ dawk fost uliedu li f’ħajjithom ma jirnexxux!

Alla tana dan ir-rigal tal-Immakulata Kunċizzjoni, Omm tagħna lkoll, mhux biss biex hi tkun tista’ taqbeż għalina quddiemu ħalli l-Ħniena tiegħu tasal għandna, imma biex hija tgħinna nifhmu xi ftit il-maternità ta’ Alla. Dak Alla li fil-ġuf tiegħu tana l-ħajja, jibqa’ jġorr ħniena vixxerali għalina, l-aktar għall-bniedem miskin, miżeru u midneb. Għalhekk nagħmlu l-qalb! Ma nixtieqx li jkun hawn bniedem wieħed li jiddubita li huwa ma huwiex oġġett tal-ħniena ta’ Alla.

Inħennu bħall-Missier huwa l-motto magħżul mill-Papa Franġisku għal dan il-Ġublew; imma fid-dawl tar-riflessjoni li għamilna mnebbħa mill-Immakulata Kunċizzjoni, nistgħu ngħidu wkoll li għandna “inħennu bħal Alla Ommna”.