24 ta’ Diċembru 2015
Messaġġ tal-Awguri tal-Milied mill-Isqof Mario Grech
Għeżież,
F’din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, nixtieq li l-Milied jisfalna bħala ġrajja ta’ grazzja biex, filwaqt li fit-tarbija ta’ Betlehem nilmħu l-ħniena ta’ Alla li saret laħam, nieħdu din l-opportunità biex, misjuqa minn din l-istess ħniena, infittxu nagħmlu rikonċiljazzjoni bejnietna.
Din l-istedina nagħmilha b’mod speċjali lil dawk il-ħafna familji li huma mimsusin bil-ġlied u l-firda. Ma nitilfux dan il-mument ta’ grazzja!
Ninqeda b’din l-okkażjoni biex nistieden lill-familji kollha, anke lil dawk ħutna li huma f’relazzjoni imperfetta, biex nhar il-Ħadd li ġej, Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, niltaqgħu fis-Santwarju Ta’ Pinu ħalli flimkien niċċelebraw il-Ġublew tal-Familja. Dakinhar ser niftħu flimkien il- Bieb tal-Ġublew li nixtieq insejjaħlu “il-bieb tal-miżerikordja għall-familja”.
Dan se jkun il-Bieb speċjali biex il-familji kollha tagħna jgħaddu minnu ħalli jduqu l-inbid il-ġdid tal-ferħ li huwa Kristu nnifsu! Iċ-ċelebrazzjoni f’Ta’ Pinu tibda fil-5.00 p.m.
Filwaqt li ngħożżkom kollha f’qalbi u f’talbi, speċjalment lilkom li f’dawn il- jiem għaddejjin minn żmien ta’ prova u ta’ niket, nawguralkom il-Milied it- Tajjeb!
Mario Grech Isqof ta’ Għawdex